Imitaw Il-Fidi Tagħhom
1 L-appostlu Pawlu fisser il-fidi bħala “l-istennija assigurata t’affarijiet ittamati, it-turija evidenti taʼ realtajiet għalkemm ma jintlemħux.” Hu kompla jgħid li ‘mingħajr fidi huwa impossibbli li togħġob lil Alla sewwa.’ (Ebr. 11:1, 6) Pawlu ħeġġiġna biex neżerċitaw il-fidi, infuru biha, u niġru warajha.—2 Kor. 4:13; Kol 2:7; 2 Tim. 2:22.
2 Fil-Bibbja nsibu ddokumentati ħafna eżempji li jispikkaw taʼ fidi. F’Ebrej kapitlu 11, Pawlu jagħti lista twila taʼ xhieda li wrew fidi li ma titħarrikx. Inkluż f’din il-lista hemm Abel, li kien l-ewwel wieħed li miet martri minħabba l-fidi tiegħu. Noè hu mniżżel għax permezz tal-fidi tiegħu wera l-biżaʼ t’Alla meħtieġ biex isalva lil dawk taʼ daru. Abraham jingħata foħrija għall-fidi u l-ubbidjenza tiegħu. Mosè hu mfaħħar għax permezz tal-fidi tiegħu baqaʼ sod bħal li kieku kien qiegħed jara lil dak li hu inviżibbli. Il-lista t’eżempji kienet tant twila li Pawlu qal li l-ħin ma kienx iservih kieku kellu jsemmihom kollha. Kemm aħna grati li nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna billi nirrevedu ‘l-atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla’ tagħhom!—2 Piet. 3:11.
3 Fl-ewwel seklu, Ġesù staqsa l-mistoqsija: “Meta jasal Bin il-Bniedem, se jsib tassew il-fidi fuq l-art?” (Luqa 18:8) Tajjeb, allura, għandna fostna llum eżempji ħajjin taʼ fidi? Naraw irġiel u nisa, kemm żgħar u kemm kbar, li juru fidi li ma titħarrikx f’Jehovah bħalma kien il-każ tan-nies t’Alla fiż-żminijiet Bibliċi?
4 Eżempji Taʼ Fidi Fiż-Żmien Modern: Aħna mdawrin b’eżempji li jispikkaw taʼ fidi! Taʼ min jimita l-fidi taʼ l-indokraturi li qegħdin jieħdu t-tmexxija fostna. (Ebr. 13:7) Imma dawn m’humiex l-uniċi b’fidi eżemplari. Hemm uħud leali mseħbin maʼ kull kongregazzjoni li għandhom rekord twila taʼ servizz leali lejn Jehovah, taʼ spiss imwettaq taħt ċirkostanzi diffiċli ferm.
5 Irridu nammiraw lil ħutna leali n-nisa li, għal snin sħaħ, issaportew oppożizzjoni minn irġiel li ma jemmnux. Ġenituri bla sieħeb jew sieħba kellhom jiffaċċjaw l-isfida li jrabbu l-ulied waħedhom. Fostna hemm romol imdaħħlin fiż-żmien li qatt m’huma neqsin għall-attivitajiet tal-kongregazzjoni, minkejja l-fatt li jistaʼ ma jkollhom lil ħadd tal-familja li jgħinhom. (Qabbel Luqa 2:37.) Nistagħġbu bil-fidi taʼ dawk li jissaportu problemi kroniċi taʼ saħħa. Ħafna jkomplu jaqdu lealment minkejja li għandhom limitazzjonijiet li jżommuhom lura milli jingħataw privileġġi taʼ servizz oħrajn. Hemm Xhieda żgħażagħ li bil-kuraġġ eżerċitaw fidi minkejja oppożizzjoni fl-iskola. Id-devozzjoni tagħna lejn Alla tissaħħaħ hekk kif nosservaw pijunieri leali li sena wara l-oħra jipperseveraw fil-waqt li jħabbtu wiċċhom maʼ problemi bla għadd. Sewwa sew bħal Pawlu, ma jibqax biżżejjed ħin kieku kellna nipprovaw nirrakkontaw l-esperjenzi kollha fis-servizz tas-Saltna u l-atti taʼ fidi mwettqin minn dawn l-aħwa rġiel u nisa!
6 Dawn l-eżempji taʼ wħud leali jagħtuna faraġ u inkuraġġiment. (1 Tess. 3:7, 8) Nagħmlu sewwa li nimitaw il-fidi tagħhom għaliex ‘dawk li qegħdin jaġixxu bil-fedeltà huma gost għal Jehovah.’—Prov. 12:22.