Nikkonduċu Studji Tal-Bibbja Fid-Djar Progressivi
1 X’għandhom komuni waħda infermiera fit-Tanzanija, żagħżugħa fl-Arġentina, u omm fil-Latvja? In-1997 Yearbook (pġi. 8, 46, u 56) jirrapporta li t-tlieta li huma għamlu progress mgħaġġel fl-istudji tal-Bibbja fid-djar tagħhom, grazzi għall-volontà tagħhom li jkollhom iktar minn sessjoni waħda kull ġimgħa fil-ktieb Għarfien. Ġie rrikmandat li, fejn hu possibbli, il-pubblikaturi għandhom jipprovaw jiddiskutu kapitlu wieħed tal-ktieb matul kull sessjoni taʼ l-istudju. Madankollu, xi wħud isibuha taʼ sfida biex jagħmlu dan. Għalkemm ħafna se jiddependi miċ-ċirkostanzi u mill-abbiltà taʼ kull student, għalliema taʼ l-esperjenza kellhom suċċess billi ħadmu fuq is-suġġerimenti li ġejjin.
2 Kif kien ġie diskuss fl-insert taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Ġunju 1996, huwa neċessarju li tħarreġ lill-istudenti tiegħek biex jippreparaw għall-istudju. Mill-bidunett, ikun tajjeb li tispjega u turi kif dan isir. Urihom il-kopja taʼ l-istudju persunali tiegħek tal-ktieb Għarfien. Ippreparaw l-ewwel lezzjoni flimkien. Għin lill-istudenti jsibu l-kliem jew frażijiet prinċipali li jwieġbu direttament il-mistoqsija mniżżla u mbagħad jagħmlu sinjal taħthom jew jimmarkawhom. Xi pubblikaturi anki taw lill-istudenti tagħhom highlighter biex jimmarkaw bih. Inkuraġġihom biex ifittxu l-iskritturi kollha waqt li jippreparaw għall-istudju. B’dan il-mod, tkun qiegħed tħarriġhom ukoll biex jippreparaw għal meta jattendu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni u l-Istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa.—Luqa 6:40.
3 Għalliem tajjeb se jara x’hemm f’qalb l-istudent u mhux jitkellem iżżejjed hu nnifsu. Jevita li jintilef fuq xi punti żgħar. Rari jinkludi xi materjal żejjed. Minflok, hu jenfasizza l-punti prinċipali tal-lezzjoni. Xi wħud ipprovdew lill-istudenti b’letteratura oħra biex tgħinhom isibu tweġibiet għal xi mistoqsijiet. Barra minn hekk, uħud li juru l-interess se jirċievu iktar informazzjoni dettaljata billi jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni.
4 Jistaʼ ma jkunx neċessarju li wieħed ifittex l-iskritturi ċitati kollha fil-lezzjoni. Xi punti prinċipali jistgħu jiġu spjegati mit-testi kkwotati fil-paragrafu. Matul ir-reviżjoni, enfasizza l-iskritturi prinċipali li ġew diskussi u inkuraġġixxi lill-istudent biex jiftakarhom.
5 Kemm Għandha Ddum Kull Sessjoni?: L-istudju m’għandux għalfejn ikun limitat għal siegħa waħda. Xi inkwilini għandhom ħin għad-dispożizzjoni tagħhom u forsi jkunu jixtiequ jdumu jistudjaw iktar. Jew forsi l-istudent ikun jixtieq jistudja iktar minn darba fil-ġimgħa. Dan ikun taʼ benefiċċju għal dawk li jistgħu jagħmlu hekk.
6 Bħalma jiddeskrivi Isaija 60:8, illum mijiet t’eluf taʼ wħud ġodda li jfaħħru lil Jehovah jiġu “bħal sħab jittajjru, bħal ħamiem lejn il-bejtiet tagħhom” ġewwa l-kongregazzjonijiet tal-poplu tiegħu. Ejjew ilkoll kemm aħna nagħmlu s-sehem tagħna f’li naħdmu mill-qrib maʼ Jehovah hekk kif hu jgħaġġel il-ġbir taʼ wħud bħal ngħaġ.—Isa. 60:22.