Il-Fedeltà Tiġi Ppremjata
1 F’Lhud 11:6 jintqalilna li Alla “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” Mod wieħed kif jippremja lill-qaddejja devoti tiegħu li kienu ‘fidili fil-ftit’ huwa billi ‘jafdahom fuq ħafna.’ (Matt. 25:23) Fi kliem ieħor, Jehovah taʼ spiss jippremja xogħol tajjeb billi jagħti lix-xhieda leali tiegħu iktar privileġġi taʼ servizz.
2 Il-fedeltà taʼ l-appostlu Pawlu ġiet ippremjata billi ġie assenjat lilu ministeru li ħadu fl-ibliet u fl-irħula taʼ l-Ewropa u taʼ l-Asja Minuri. (1 Tim. 1:12) Għalkemm kien involut sforz kbir biex iwettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħu, Pawlu stmah bil-kbir il-privileġġ li kien irċieva. (Rum. 11:13; Kol. 1:25) Hu wera l-apprezzament tiegħu mill-qalb billi bil-ħeġġa fittex opportunitajiet biex jippriedka. Bl-attività żeluża tiegħu, wera biċ-ċar li hu kien qiegħed jgħixha l-fidi tiegħu. L-eżempju tiegħu jqanqalna biex ngħożżuhom il-privileġġi taʼ servizz tagħna.
3 Jehovah Tana Ministeru: Kif jistaʼ jkollna l-istess ħarsa li wera Pawlu lejn dan ir-rigal privileġġjat? Billi nfittxu modi kif inżidu s-sehem tagħna fil-ministeru. Billi nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nagħtu xiehda informali, kif ukoll minn bieb għal bieb. Billi nerġgħu nagħmlu d-djar fejn ma nkunu sibna lil ħadd u nagħmlu żjajjar lura lil dawk kollha li juru interess. U billi nżommu l-appuntamenti li jkollna biex nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar.
4 Rigward il-ministeru tagħna, Pawlu ħeġġiġna: ‘Insistu.’ (2 Tim. 4:2) Xi ħaġa li trid tinsisti fuqha tkun xi ħaġa urġenti li jrid isir xi ħaġa dwarha malajr. Nagħmlu aħna l-ministeru tagħna b’mod urġenti, billi nagħtuh prijorità f’ħajjitna? Per eżempju, ma rridux inħallu l-attivitajiet rikreattivi tagħna u interessi persunali oħrajn fi tmiem il-ġimgħa jiħdulna l-ħin li suppost niddedikawh għall-ministeru taʼ l-għalqa. Peress li aħna konvinti li t-tmiem taʼ din is-sistema qiegħed joqrob ġmielu, konvinti wkoll li l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna huwa l-iktar xogħol importanti li nistgħu nagħmlu.
5 Il-fedeltà tagħna lejn Alla tintgħaraf milli nkunu veri u leali lejh u kostanti fix-xogħol li ħatarna biex nagħmlu. Ejjew inwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna, sabiex Jehovah jippremja l-fedeltà tagħna bil-kbir.