Strieħ Fuq Jehovah Biex Ikabbar
1 “esperjenzajt Għall-ewwel Darba L-ferħ Uniku Taʼ Li Ngħin Biex Tiġi Stabbilita Kongregazzjoni Ġdida. Dan Ħadli Iktar Minn Sentejn Sħaħ Taʼ Xogħol Bieżel, Talb Kontinwu U Serħan Fuq Jehovah Li ‘Jkabbar.’” Hekk Kiteb Pijunier Kuxjenzjuż Li Tgħallem Li Għandu Bżonn Jistrieħ Fuq Jehovah Għat-tkabbir. (1 Kor. 3:5-9) Fit-tfittxija Tagħna Għal Nies Inklinati Spiritwalment, Aħna Wkoll Għandna Bżonn L-appoġġ T’alla Jekk Il-ministeru Tagħna Rriduh Jagħti L-frott.—Prov. 3:5, 6.
2 It-Tkabbir Jeħtieġ L-Ikkultivar: Iż-żerriegħa tal-verità trid tiġi kkultivata jekk irriduha tikber. Li nerġgħu mmorru fi żmien ġurnata jew tnejn mill-ewwel żjara taʼ spiss jipproduċi riżultati tajbin. Kun dħuli u minn tagħna. Serraħ moħħ il-persuna l-oħra. Titkellimx int il-ħin kollu. Agħtiha ċans issir tafek, u uriha li int interessata fiha bħala persuna.
3 Matul Lulju u nibqgħu sejrin tul Awissu, qegħdin nikkonċentraw fuq li noffru varjetà taʼ brochures lin-nies li niltaqgħu magħhom. Madankollu, hemm bżonn ukoll li nibnu fuq l-interess li nsibu u kulfejn inkunu ħallejna xi letteratura. Dan nagħmluh bi żjajjar lura u billi noffru studji tal-Bibbja. (Matt. 28:19, 20) Għal dan l-għan, jistaʼ jintuża l-brochure X’Jirrikjedi biex nibdew studji. Forsi se ssib dawn l-erbaʼ suġġerimenti li ġejjin t’għajnuna.
4 Jekk tkellimt maʼ xi ħadd li kien imħasseb dwar fejn se tasal id-dinja, tistaʼ ġġedded il-konversazzjoni billi tgħid:
◼ “Naħseb li tinsab imħasseb daqsi dwar il-kollass morali tas-soċjetà umana. Nisimgħu rapporti tal-biżaʼ dwar vjolenza domestika, li tirriżulta f’abbuż fuq it-tfal, il-ġenituri, u l-imseħbin fiż-żwieġ. U milli jidher ħafna nies ma joqogħdux jaħsbuha biex jigdbu jew jisirqu ħalli jissodisfaw ix-xewqat tagħhom stess. Taħseb int li tagħmel xi differenza għal Alla kif in-nies jgħixu ħajjithom? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Alla stabbilixxa ċerti livelli biex il-bniedem iżomm magħhom, u dawn verament m’humiex taʼ piż għalina.” Aqra 1 Ġwann 5:3. Imbagħad ippreżenta l-brochure X’Jirrikjedi, u iftħu f’lezzjoni 10. Aqra l-ewwel paragrafu. Uri l-kliem u l-frażijiet fil-korsiv fil-bidu taʼ paragrafi 2-6, u staqsi lill-inkwilin liema minn dawn il-prattiċi jħoss li hija l-iktar waħda taʼ ħsara lis-soċjetà. Aqra l-paragrafu relatat u fittex xi waħda jew tnejn mill-iskritturi skond ma jippermetti l-ħin. Agħlaq billi taqra paragrafu 7, u mbagħad agħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur għal diskussjoni oħra.
5 Lil dawk li tkun iltqajt magħhom u li jkunu interessati fil-familja, tistaʼ tgħidilhom xi ħaġa hekk:
◼ “Taħseb li huwa raġonevoli li nistennew li l-Ħallieq għandu jagħtina l-għodda meħtieġa biex nibnu ħajja tal-familja li tkun taʼ suċċess?” Ħalli ħin għal tweġiba. Introduċi l-brochure X’Jirrikjedi, mur f’lezzjoni 8, u spjega li din fiha prinċipji mill-Bibbja għal kull membru tal-familja. Offrilu li turih kif jistaʼ juża l-brochure flimkien mal-Bibbja biex jikseb l-akbar benefiċċju minnu. Segwi l-istruzzjonijiet li hemm f’paġna 2 tal-brochure. Agħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur ħalli tkomplu l-istudju tal-lezzjoni, jew jekk lesta, biex tistudjaw lezzjoni oħra li l-inkwilin jagħżel mill-brochure.
6 Din hija introduzzjoni diretta li tistaʼ tuża biex toffri l-programm tagħna taʼ studju mill-Bibbja. Uri l-brochure “X’Jirrikjedi,” u għid:
◼ “Dan il-brochure fih kors taʼ studju komprensiv li jkopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. F’kull paġna, se ssib tweġibiet għal mistoqsijiet li ħawdu lin-nies għal sekli sħaħ. Per eżempju, X’inhu l-iskop t’Alla għall-art?” Mur f’lezzjoni 5, u aqra l-mistoqsijiet fil-bidu tal-lezzjoni. Staqsi lill-inkwilin liema waħda tinteressah l-iktar, u mbagħad aqra l-paragrafu jew paragrafi li jwieġbu l-mistoqsija, fil-waqt li tfittex xi skritturi addattati. Spjega kif it-tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet l-oħrajn jistgħu jinstabu daqstant faċilment. Issuġġerixxi li terġaʼ tmur biex tiddiskutu mistoqsija u tweġiba oħra.
7 Jew forsi tippreferi tuża metodu iktar sempliċi biex tibda studju tal-Bibbja billi tgħid:
◼ “Kont taf li fi ftit minuti biss, tistaʼ ssib it-tweġiba għal mistoqsija Biblika importanti? Per eżempju, . . .” Imbagħad semmi xi mistoqsija li tidher fil-bidu taʼ waħda mil-lezzjonijiet fil-brochure, xi waħda li taħseb li tappella lill-individwu. Għal xi ideat dwar liema mistoqsijiet tistaʼ tuża, ara paragrafi 15 u 16 fl-insert taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Marzu 1997, intitolata: “Kun Qalbieni F’Li Tagħmel Żjajjar Lura.”
8 Li bil-ferħa naċċettaw l-isfida taʼ li nagħmlu żjajjar lura u li nikkonduċu studji tal-Bibbja huwa parti milli nkunu “ħaddiema maʼ” Alla. (1 Kor. 3:9) Hekk kif naħdmu iebes biex nikkultivaw l-interess li nsibu u mbagħad nistrieħu fuq Jehovah biex jikbru l-affarijiet, se nesperjenzaw il-veru sodisfazzjon li l-ebda xogħol ieħor ma jistaʼ jġib.