Indokraturi li Huma minn taʼ Quddiem—Dak li Jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa
1 It-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Jehovah huwa l-provvediment ewlieni taʼ l-“irsir leali u diskret” biex iqassmilna ikel spiritwali “fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45, NW) L-anzjan li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa għandu responsabbiltà vitali bħala għalliem kapaċi li jagħti eżempju mill-aħjar t’għajxien Kristjan.—Rum. 12:7; Ġak. 3:1.
2 Biex jgħallem b’mod effettiv, dak li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa għandu jagħmel sforz mill-aħjar biex jippreparah kull ġimgħa. Dan jagħmlu bit-talb u bir-reqqa. L-interess ħerqan tiegħu fil-kongregazzjoni huwa rifless fi sforz ġenwin biex jilħaq lil qlubna bil-materjal li jkun qed jiġi studjat. Hu jikkonċentra fuq il-punti prinċipali tal-lezzjoni u jgħinna naraw kif dawn għandhom x’jaqsmu mat-tema taʼ l-artiklu.
3 Preparazzjoni bir-reqqa min-naħa tiegħu tinvolvi li jfittex l-iskritturi minn qabel sabiex ikun jaf kif japplikaw. Jagħti prominenza lill-Kelma t’Alla billi jinkuraġġixxi lill-kongregazzjoni biex tuża l-Bibbja tajjeb matul l-istudju. Meta xi punt importanti ma jintlaħaqx fil-kummenti mill-kongregazzjoni jew meta l-applikazzjoni taʼ l-iskrittura tal-qofol tinqabeż, hu jsaqsi iżjed mistoqsijiet speċifiċi biex joħroġ l-informazzjoni. B’dan il-mod, hu jgħinna naslu għal konklużjonijiet tajbin u nsiru nafu kif napplikaw dak li nitgħallmu f’ħajjitna.
4 Dak li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa jistinka b’mod progressiv biex itejjeb l-abbiltà tiegħu stess li jgħallem. Ma jikkummentax iżżejjed imma jinkuraġġixxi lilna biex nikkummentaw—fi kliemna stess, fil-qosor, u li nolqtu l-punt. Xi kultant jistaʼ jfakkarna li l-ewwel wieħed li jikkummenta fuq xi paragrafu għandu jagħti tweġiba qasira u diretta għall-mistoqsija stampata. Kummenti oħrajn mill-udjenza jistgħu jiġbdu l-attenzjoni lejn l-applikar taʼ xi skrittura, xi argumenti t’appoġġ, jew lejn l-applikar prattiku tal-materjal. Billi jinkuraġġixxi l-preparazzjoni persunali u bħala familja, dak li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa jistinka biex iqajjem f’kulħadd ix-xewqa li jieħu sehem.
5 Bħala persuni ‘mgħallmin mill-Mulej,’ aħna napprezzaw ‘doni fi bnedmin,’ bħalma huma dawk li jikkonduċu l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, li “jagħmlu x-xogħol . . . tat-tagħlim.”—Is. 54:13; Efes. 4:8, 11; 1 Tim. 5:17.