Il-Ħallieq Grandjuż Tagħna Jimpurtah Minna!
1 Biex jipprova jirraġuna maʼ Iżrael diżubbidjenti, Jehovah staqsa: “Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-ħallieq taʼ truf l-art?’” (Is. 40:28) Aħna nafuh lill-Ħallieq Grandjuż tagħna, u naraw kif hu jimpurtah minna bl-imħabba. Madankollu, miljuni taʼ nies jiddubitawha l-eżistenza tiegħu jew għandhom konċett dwaru li ma jaqbilx maʼ dak li hemm fil-Bibbja. Kif nistgħu ngħinuhom?
2 Il-ktieb il-ġdid Is There a Creator Who Cares About You? (Hemm Ħallieq li Jimpurtah Minnek?) huwa ddisinjat biex jgħin lil nies bħal dawn. Dan jistieden lil nies intellettwali biex jirraġunaw dwar il-fatti. Peress li l-materjal li fih dan il-ktieb huwa taʼ interess kbir u fih ukoll argumenti persważivi, min jaqrah mhux se jitilqu minn idejh.
3 Sir Midħla tal-Ktieb Creator: Żomm f’moħħok idea ġenerali taʼ dak li fih il-ktieb. Kapitli 2 sa 5 jikkunsidraw kif bdew jeżistu l-univers, il-ħajja, u l-bniedem u x’hemm wara dan kollu. Kapitli 6 sa 9 jesploraw il-Bibbja u l-Awtur tagħha u, partikolarment, jekk id-dokumentazzjoni fil-Ġenesi dwar il-ħolqien hix taʼ min joqgħod fuqha. Kapitlu 10 jagħti tweġiba sodisfaċenti għal waħda mill-iktar mistoqsijiet li jħawdu l-moħħ u li jistaqsi l-bniedem: “Jekk il-Ħallieq jimpurtah, għala hawn daqshekk sofferenza?”
4 Ipprova Irraġuna maʼ Dawk li Jiddubitaw: Fil-ktieb Creator, paġni 78-9 jippreżentaw argument li tistaʼ tużah biex tirraġuna maʼ ħaddieħor u tgħinu jasal għall-konklużjoni t-tajba dwar Alla. Staqsih: “L-univers kellu bidu?” Il-biċċa l-kbira tan-nies jaqblu li kellu. Jekk inhu hekk, staqsi: “Kien dak il-bidu mingħajr ebda kawża jew kien ikkawżat?” Il-biċċa l-kbira jirrikonoxxu li kien ikkawżat. Dan iwassal għall-mistoqsija taʼ l-aħħar: “Kien il-bidu taʼ l-univers ikkawżat minn xi ħaġa eterna jew minn xi Ħadd etern?” Dan il-metodu jistaʼ jġiegħel lil bosta wħud jaraw li bilfors li hemm Ħallieq.
5 Il-ktieb Creator huwa preċiż dak li bosta nies għandhom bżonn. Qassmu lil qrabatek, lil sħabek tax-xogħol, lil sħabek taʼ l-iskola, u lil nies oħrajn li tafhom. Ġorru miegħek fil-ministeru sabiex tkun tistaʼ tħallih maʼ min tiltaqaʼ li jkollu xi dubji dwar l-eżistenza t’Alla. Iktar ma nsiru midħla taʼ dan il-ktieb, iktar se ssir b’saħħitha mħabbitna għall-Ħallieq tagħna. Din se tqanqalna biex inkomplu mexjin fi qbil mal-livelli superjuri tiegħu.—Efes. 5:1; Apk. 4:11.