Kif il-Membri tal-Familja Jikkooperaw għal Sehem Sħiħ—Fil-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
1 Il-familji Kristjani jridu jobdu l-kmand li jiltaqgħu flimkien għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Lhud 10:24, 25) B’kooperazzjoni tajba, kulħadd jistaʼ jirnexxilu jipprepara, jattendi, u jipparteċipa fil-laqgħat. Iċ-ċirkustanzi tal-familja jvarjaw, imma hemm xi affarijiet li raġel Kristjan miżżewweġ, mara kredenta miżżewġa, jew ġenitur waħdu jistgħu jagħmlu biex jippromwovu l-għaqda fil-familja f’affarijiet spiritwali, minkejja n-numru taʼ tfal fid-dar u l-etajiet tagħhom.—Prov. 1:8.
2 Ħudu l-Ħin biex Tippreparaw: Il-membri tal-familja jikkooperaw biex jaraw li kull membru jkun ippreparat tajjeb għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Ħafna jikkunsidraw l-artiklu għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ kull ġimgħa flimkien. Xi wħud jippreparaw għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni jew jaqraw il-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa bħala familja. L-objettiv huwa li dak li jkun ikollu l-punti prinċipali f’moħħu qabel ma jattendi l-laqgħat. B’dan il-mod, kulħadd se jibbenefika iktar minn dak li jismaʼ u jkun iktar ippreparat biex jipparteċipa meta jkun hemm opportunità.—1 Tim. 4:15.
3 Ippjanaw biex Tipparteċipaw: Kulħadd fil-familja għandu jkollu l-mira li jiddikjara t-tama tiegħu quddiem oħrajn billi jikkummenta fil-laqgħat. (Lhud 10:23) Hemm xi membru fil-familja li jeħtieġ l-għajnuna jew l-inkuraġġiment biex jagħmel dan? Liema għajnuna għandu bżonn kull individwu biex jipprepara l-inkarigi għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku? In-nisa japprezzawh meta żwieġhom jieħdu interess u forsi jagħtuhom idea dwar xi tixbieha addattata jew setting prattiku. Il-ġenituri m’għandhomx għalfejn iħossu li jridu jippreparaw il-partijiet għal uliedhom iż-żgħar. Jekk jagħmlu hekk jistgħu joħonqu l-inizjattiva tat-tfal. Imma l-ġenituri jistgħu jgħinu liż-żgħar tagħhom u jisimgħuhom hekk kif jipprattikaw b’leħen għoli.—Efes. 6:4.
4 Organizzaw biex Tattendu: Minn età żgħira t-tfal jistgħu jiġu mgħallmin jilbsu u jlestu ħalli kulħadd jitlaq għal-laqgħa f’ħin stipulat. Il-membri tal-familja għandhom jikkooperaw f’li jieħdu ħsieb il-faċendi fid-dar sabiex ma jkunx hemm dewmien.—Ara s-suġġerimenti fil-kotba Hena Fil-Familja, paġna 112, u l-ktieb Young People Ask, paġni 316-17.
5 Il-ġenituri u t-tfal bl-istess mod jistgħu jirriflettu fuq il-kliem taʼ Ġożwè tal-qedem, li qal: “Imma jien u dari naqdu l-Mulej.” Imbagħad kun riżolut li tikkoopera għal sehem sħiħ fil-laqgħat tal-kongregazzjoni.—Ġoż. 24:15.