Il-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla” għall-1999
1 Bla dubju int diġà għamilt l-arranġamenti biex tattendi kull ġurnata tal-konvenzjoni għax temmen li Jehovah qed jistenniek tattendi. Billi nattendu kull ġurnata tal-konvenzjoni mill-għanja tal-ftuħ sat-talba taʼ l-għeluq, aħna nuru lil Jehovah li napprezzaw il-kliem li jgħidilna. (Dt. 4:10) Aħna wkoll nuru apprezzament għax-xogħol iebes taʼ ħafna minn ħutna involuti fil-preparamenti għall-konvenzjoni. L-informazzjoni u t-tfakkiriet li ġejjin huma provduti sabiex int tkun tistaʼ tasal għall-konvenzjoni preparat sew biex tgawdi l-ikel spiritwali u s-sħubija Kristjana.
Qabel il-Konvenzjoni
2 Dawk li tikkonduċi studju tal-Bibbja magħhom u wħud oħrajn interessati, għandhom bżonn xi għajnuna biex jagħmlu arranġamenti persunali ħalli jattendu l-konvenzjoni? Dak li jaraw u jisimgħu waqt li jkunu hemm jistaʼ jqanqalhom biex isiru adoraturi taʼ Jehovah. (1 Kor. 14:25) L-anzjani għandhom ikunu jafu b’kulmin ikollu bżonn xi għajnuna bit-trasport, b’mod partikulari l-membri tal-kongregazzjoni anzjani fl-età. Bl-imħabba dawn għandhom jaraw li l-bżonnijiet tagħhom jiġu ssodisfati.—Gal. 6:10.
3 Peress li d-Dipartiment taʼ l-Ewwel Għajnuna fil-konvenzjoni qiegħed hemm biex jieħu ħsieb sitwazzjonijiet t’emerġenza biss, nissuġġerulkom li għall-konvenzjoni ġġibu magħkom xi aspirina, faxex, pompi tan-nifs, għajnuniet għad-diġestjoni, u oġġetti simili, jekk taħsbu li se jkollkom bżonnhom. Jekk int jew xi ħadd għażiż għalik għandkom xi mard serju, bħal xi problema tal-qalb, dijabete, jew riskju taʼ xi attakki, jekk jogħġobkom għall-konvenzjoni ġibu l-medikazzjoni meħtieġa biex tieħdu ħsieb dawn il-bżonnijiet.
Matul il-Konvenzjoni
4 Fil-post tal-konvenzjoni l-bibien se jinfetħu kuljum fit–8:00 a.m. Tistaʼ żżomm il-postijiet biss għal dawk tal-familja immedjata tiegħek jew għall-grupp li jkollok fil-karozza. Kuljum hekk kif tkun se titlaq minn postok, jekk jogħġbok iċċekkja ħalli tiżgura li għandek l-affarijiet tiegħek kollha.
5 Se titgħammed fil-konvenzjoni distrettwali? Għas-sessjoni tas-Sibt fil-għodu, sezzjoni mis-siġġijiet se tkun riżervata għall-kandidati tal-magħmudija, u l-attendants se jiggwidawk lejn dan il-post speċifiku. Jekk jistaʼ jkun, jekk jogħġbok poġġi hemm qabel ma tibda s-sessjoni. Miegħek ġib il-Bibbja, il-ktieb taʼ l-għanjiet, xugaman, u malja diċenti. Qliezet tal-jeans maqtugħin qosra, flokkijiet bil-kliem fuqhom, u lbies simili ma jixirqux għal okkażjoni daqshekk dinjituża. L-anzjani li jkunu qed jirrevedu l-mistoqsijiet mill-pubblikazzjoni Tagħlim Elementari tal-Bibbja mal-kandidati tal-magħmudija għandhom jiżguraw li kull wieħed minnhom jifhem dawn il-punti. Ladarba l-magħmudija hija simbolu taʼ dedikazzjoni persunali lil Alla Jehovah, ma jkunx xieraq li l-kandidati jżommu idejn xulxin waqt li jitgħammdu.
6 Għall-benefiċċju tal-ħin u s-sempliċità, is-Soċjetà talbitna nġibu l-ikel tagħna stess għal kull ġurnata tal-konvenzjoni. Il-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa segwew din id-direzzjoni u sabu li wara li jitilqu għall-pawsa taʼ nofsinhar, ikunu jistgħu joqogħdu bil-qegħda mal-familji tagħhom u jieklu dak li jkunu ġabu magħhom dakinhar. Huma qalu li l-opportunità biex jistrieħu matul il-pawsa taʼ nofsinhar u jqattgħu iktar ħin maʼ ħuthom kienet pjaċevoli.
7 Tistaʼ tkun volontier biex tgħin kuljum fit-tindif tal-post wara s-sessjonijiet? Jew tistaʼ taħdem f’xi wieħed mid-dipartimenti l-oħrajn tal-konvenzjoni? Jekk tistaʼ tgħin, jekk jogħġbok ejja sad-Dipartiment tas-Servizz taʼ Volontieri fil-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena jistgħu jaħdmu flimkien mal-ġenituri jew maʼ xi adult responsabbli ieħor. M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jistaʼ jgħin fit-tindif tal-post billi naraw li kull skart jinġabar u jintrema kif suppost.
8 Irċivejna gwidi eċċellenti dwar liema lbies u dehra huma addattati fil-konvenzjonijiet tagħna. Per eżempju: Għandna direzzjoni dwar din il-kwistjoni fl-inserts taʼ Il-Ministeru tas-Saltna, għandna l-istampi u r-ritratti fil-letteratura tagħna, u fuq kollox, għandna dak li Jehovah jgħidilna fil-Bibbja. (Rum. 12:2; 1 Tim. 2:9, 10) In-nies jafu min aħna u għala nkunu nġbarna fl-inħawi tagħhom. B’hekk, l-ilbies u d-dehra tagħna jagħtu xiehda qawwija waħedhom. Il-biċċa l-kbira tan-nies taʼ Jehovah jagħtu eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. Minn żmien għal żmien, iżda, naraw li l-ilbies u d-dehra taʼ xi wħud li jattendu l-konvenzjonijiet tagħna jirriflettu l-ispirtu tad-dinja. Kull tip taʼ lbies provokattiv jitfaʼ dubju serju fuq l-individwu li jsostni li hu spiritwali. Dehra diċenti, nadifa, u pulita hija l-iktar waħda attraenti. Għalhekk, il-kapijiet tal-familja għandhom jikkunsidraw bir-reqqa dak li jkunu lebsin il-membri tal-familja tagħhom. Dan japplika wkoll meta ma nkunux fil-post tal-konvenzjoni. Il-fatt li nilbsu l-beġġ tagħna qabel u wara s-sessjoni tal-ġurnata jkompli jidentifikana maʼ Jehovah u l-poplu nadif tiegħu.—Qabbel Mark 8:38.
9 L-għaref Sultan Salamun ġie ispirat josserva li “l-bluha b’għeruqha fil-qalb taʼ kull tifel” u “tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” (Prov. 22:15; 29:15) Waqt is-sessjonijiet, Xhieda iżgħar li tħallew mingħajr superviżjoni, kienu taʼ distrazzjoni għall-aħwa li kienu qed jipprovaw jibbenefikaw mill-programm. Ladarba l-ġenituri jridu jagħtu kont lil Jehovah għall-kondotta taʼ wliedhom, omm jew missier jistgħu jkunu ċerti li t-tfal qed iġibu ruħhom sew u qed jisimgħu l-istruzzjonijiet taʼ Jehovah biss jekk ikunu bil-qegħda ħdejhom. L-attendants se javviċinaw lil kulmin ikun qed ifixkel u jitolbuh jieqaf milli jagħmel hekk, billi ġentilment ifakkruhom biex joqogħdu attenti għall-programm.
10 In-nies taʼ Jehovah minn dejjem kienu ġenerużi biex jikkontribwixxu għall-interessi teokratiċi. (Eżo. 36:5-7; 2 Kron. 31:10; Rum. 15:26, 27) Il-kontribuzzjonijiet volontarji tiegħek lejn ix-xogħol mad-dinja kollha jintużaw biex ikopru l-ispejjeż assoċjati mal-kiri taʼ faċilitajiet kbar fejn jinżammu l-konvenzjonijiet. Jekk il-kontribuzzjoni tiegħek tagħmilha permezz taʼ ċekk, jekk jogħġbok agħmlu pagabbli lis-“Central Account of Jehovah’s Witnesses.”
11 Bħala “dak li jikxef il-misteri,” Jehovah ġiegħel li mijiet taʼ profeziji li twettqu eżattament u kompletament jiġu dokumentati fil-Bibbja. (Dan. 2:28, 47) Wegħdi grandjużi għad iridu jitwettqu. Il-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla” għall-1999 se jsaħħulek il-fidi fil-wegħdi t’Alla. Ismaʼ sew dak li jgħidlek Jehovah. Applika dak li se tara u tismaʼ—fil-ministeru, fil-kongregazzjoni, u fil-ħajja persunali tiegħek. Aħna nitolbu għall-barka abbundanti taʼ Jehovah fuq l-arranġamenti kollha tiegħek biex tattendi kull ġurnata taʼ din il-festa rikka u spiritwali!