April—Żmien biex Inkunu Mħeġġin għall-Għemil it-Tajjeb!
1 Hekk kif ikun qed joqrob uragan lejn inħawi popolati, jeħtieġ li n-nies jiġu mwissijin b’urġenza dwar il-periklu li jkun ġej. Iktar ma joqrob l-uragan, iktar it-twissijiet għandhom ikunu qawwijin. Għala? Għax il-ħajjiet tan-nies ikunu fil-periklu! Forsi jkun hemm xi nies li ma semgħux it-twissijiet li jkunu saru qabel. Oħrajn għandhom mnejn semgħu t-twissijiet imma rrifjutaw li jieħdu azzjoni. L-istess jgħodd għat-twissija divina li aħna ġejna inkarigati nħabbru qabel ma “t-tempesta” tar-rabja ġusta t’Alla teqred kull traċċa taʼ din id-dinja mill-agħar. (Prov. 10:25) Eluf taʼ miljuni taʼ nies jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom għal dejjem! It-twissija trid titħabbar. Aħna rridu nkunu ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb.’—Titu 2:11-14.
2 L-istaġun tal-Mafkar, għal ħafna snin ilu jkun żmien speċjali mimli żelu fil-ministeru għan-nies taʼ Jehovah. Fir-rebbiegħa taʼ l-1939, l-Informant, li kien joħroġ qabel ma kellna Il-Ministeru tas-Saltna, ipprovda dan l-inkuraġġiment: “Billi r-rebbiegħa hija magħna, kif ukoll it-temp sabiħ, aħna nistennew li s-sigħat fis-servizz taʼ l-għalqa tal-pubblikaturi fil-[kongregazzjoni] se jirdoppjaw, u li l-ħin tal-pijunieri jiżdied [mhux ħażin]. Ix-xahar t’April fih ħames Ħdud. Fih ukoll ħames Sibtijiet. Uża kull Sibt u Ħadd matul April . . . bħala żmien taʼ xiehda speċjali.” L-aħwa kellhom sfida kbira biex jilħqu din il-mira 60 sena ilu! Din is-sena, sewwa sew bħalma kien fl-1939, ix-xahar t’April fih ħames Sibtijiet u Ħdud. X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għal dan ix-xahar? X’niżżilt fuq il-kalendarju tiegħek għax-xahar t’April 2000? Ippjana li jkollok sehem siewi fl-għemil it-tajjeb mal-bqija tal-poplu taʼ Jehovah matul dan ix-xahar speċjali t’attività spiritwali miżjuda.
3 X’Qed Nittamaw li Nwettqu: L-iktar jum importanti tas-sena 2000 se jkun f’dan ix-xahar. Huwa d-19 t’April, l-anniversarju tal-mewt taʼ Ġesù. Ejja nagħmlu sforz speċjali sabiex nistiednu kemm jistaʼ jkun nies għall-Mafkar. Bħalma ġie suġġerit ix-xahar l-ieħor, agħmel lista taʼ dawk kollha li għandhom mnejn jattendu għall-Mafkar u ara li ma nsejt lil ħadd. Dawk li tistieden għandhom jinkludu kull pubblikatur inattiv, dawk li qed jistudjaw il-Bibbja, iż-żjajjar lura, dawk li qabel kienu jistudjaw, sħabek tax-xogħol, sħabek fl-iskola, il-ġirien, il-qraba, u oħrajn li taf. Dawk li jridu jattendu għandhom trasport biex jiġu? Jekk le, tistaʼ tgħinhom b’imħabba? F’dik il-lejla tal-Mafkar, ilkoll kemm aħna se jkollna l-privileġġ li nilqgħu lil dawk li se jattendu. Wara l-Mafkar, nistgħu nagħtu iktar għajnuna spiritwali lil uħud interessati bħal dawn.
4 Mod mill-aħjar biex nuru lil Jehovah li tassew napprezzaw dak kollu li għamel għalina huwa billi nkunu ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb’ matul il-jiem taʼ qabel u wara l-Mafkar. Billi jdum iktar biex jidlam u t-temp ikun isbaħ, ħafna minna se nkunu nistgħu nżidu l-isforzi tagħna fl-attività taʼ l-evanġelizzar. Jekk se tkun pijunier awżiljarju, int żgur li trid tagħti mill-aħjar tiegħek biex tqattaʼ 50 siegħa jew iktar fil-ministeru. (Mt. 5:37) Żomm qrib maʼ l-iskeda li għamilt fil-bidu tax-xahar. (Koħ. 3:1; 1 Kor. 14:40) Jalla aħna, il-pubblikaturi l-oħrajn, nagħmlu dak li nistgħu sabiex nagħtu l-appoġġ tagħna lill-pijunieri kollha, kemm billi ninkuraġġuhom u kemm billi naħdmu magħhom fis-servizz taʼ l-għalqa. (Qabbel it-2 Slaten 10:15, 16.) Jekk aħna niżirgħu b’ħeġġa matul April, nistgħu nistennew ferħ kbir u barka mingħand Jehovah. (Mal. 3:10) Forsi dan kollu jservi bħala l-pass li jmiss biex nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju kull xahar jew biex insiru pijunieri regulari. Jalla nibqgħu nuru din il-ħeġġa biex inżidu fl-attività spiritwali mhux biss matul April imma wkoll matul ix-xhur taʼ wara hekk kif inkomplu nkunu pubblikaturi regulari tas-Saltna.
5 Mingħajr ebda dubju, f’dan ix-xahar eluf mill-poplu taʼ Jehovah se jibdew iktar studji tal-Bibbja fid-djar. Tixtieq tibda wieħed? Itlob speċifikament għal studju, u aħdem fi qbil mat-talb tiegħek. Int tistaʼ tibqaʼ ċert li Jehovah se japprezza t-talbiet umlin tiegħek għall-għajnuna biex issib lil xi ħadd taʼ qalb onesta ħalli tgħallmu.—1 Ġw. 3:22.
6 Se nuru mod wieħed kif tistaʼ tavviċina lin-nies. Dan kien taʼ suċċess meta ġie provat fis-servizz taʼ l-għalqa u ntuża biex jinbdew konversazzjonijiet. Tibda billi tistaqsi: “Taħseb li l-vjolenza kollha li hemm fl-iskejjel pubbliċi hija ħtija tax-Xitan, jew inkella tiġi minħabba n-nuqqas taʼ taħriġ mill-ġenituri?” Agħti ċans għal tweġiba. Jekk l-inkwilin jgħid “ix-Xitan,” aqra Apokalissi 12:9, 12, u enfasizza l-irwol tax-Xitan f’li jqanqal l-inkwiet fid-dinja. Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 4, u staqsi lill-inkwilin jekk qatt ħasibx minfejn ġie x-Xitan. Kompli aqra u ddiskuti l-ewwel żewġ paragrafi. Jekk l-inkwilin jagħżel “nuqqas taʼ taħriġ mill-ġenituri” bħala r-raġuni għall-vjolenza fl-iskejjel, aqra t-2 Timotju 3:1-3 u iġbed l-attenzjoni lejn il-karatteristiċi tant ċari li jaħtu għal din il-problema. Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni nru. 8, aqra paragrafu 5, u kompli bid-diskussjoni. Jekk jirnexxilek tagħmel appuntament biex tmur lura, int tistaʼ tkun qed twitti t-triq għal studju regulari tal-Bibbja maʼ l-inkwilin. Fiż-żjara taʼ wara, staqsih jekk jafx lil xi ħaddieħor li jistaʼ jkun interessat f’li jismaʼ dak li qed jitgħallem.
7 Mod ieħor biex inkunu ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb’ matul April hu li nieħdu sehem f’diversi aspetti taʼ l-ippridkar. Ġieli ħsibt li tagħti xiehda f’xi ġnien jew f’xi post taʼ l-ipparkjar? Meta tkun qed tistenna l-karozza tal-linja? Jew tixtieq tipprova tagħti xiehda bit-telefon, fit-triq, jew fit-territorju tan-negozju? Għax ma tpoġġix dawn il-ħsibijiet fil-prattika dan ix-xahar? Jehovah se jgħinek tagħmel il-ħila neċessarja. (Atti 4:31; 1 Tess. 2:2b) Forsi tkun tistaʼ tagħmel xi appuntament biex taħdem maʼ xi pijunier jew pubblikatur li għandu l-esperjenza f’dawn l-aspetti tal-ministeru.
8 Kulmin jixtieq iżid is-sehem tiegħu fix-xogħol tax-xandir irid jipparteċipa fix-xiehda informali. Taʼ spiss, kulma jeħtieġ hu li tinvolvi persuna f’konversazzjoni bħala ħbieb. Sempliċement qajjem suġġett li kulħadd jinteressa ruħu fih, forsi billi tuża dak il-mod li semmejna f’paragrafu 6. Stinka biex tuża tajjeb saħansitra l-ftit ħin li jistaʼ sempliċement jinħela fix-xejn. Bħalma ngħidu, bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra. Allura, għaliex ma tiħux vantaġġ saħansitra minn ħames minuti, għaxar minuti, jew kwarta biex tagħti xiehda informali?
9 Żmien għal Riflessjoni: Ftakar fil-punti tajbin ferm li kienu ħarġu fid-drama tas-sena li għaddiet fil-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla.” Id-drama, intitolata Napprezzaw il-Wirt Spiritwali Tagħna, ġagħlitna naħsbu bir-reqqa dwar id-differenza bejn Ġakobb u Eżaw. Eżaw qal li bħal Ġakobb, hu kellu interess għall-affarijiet spiritwali, imma l-għemejjel t’Eżaw ma kinux juruh dan. (Ġen. 25:29-34) Xi twissija qawwija hi din għalina! Bħal Ġakobb, ejja nkunu lesti biex nitħabtu, saħansitra nissaraw, għall-barka taʼ Jehovah. (Ġen. 32:25-30 [32:24-29, NW]) Għax ma nużawx ix-xahar t’April u x-xhur kollha taʼ wara biex inġeddu l-ħeġġa tagħna, billi qatt ma nonqsu li napprezzaw il-wirt spiritwali meraviljuż li għandna?
10 “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” (Sof. 1:14) L-aħbar tajba tas-Saltna trid titħabbar. Hemm il-ħajjiet fil-periklu! Jalla dan ix-xahar ikun imbierek speċjalment għall-poplu taʼ Jehovah kollu hekk kif magħqudin nuru li aħna ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb.’
[Kaxxa f’Paġna 4]
Tfakkiriet għall-Mafkar
Din is-sena l-osservanza tal-Mafkar se taħbat nhar l-Erbgħa, id-19 t’April. L-anzjani għandhom jagħtu attenzjoni għall-affarijiet li ġejjin:◼ Meta tistabbilixxu l-ħin tal-laqgħa, kunu ċerti li l-emblemi ma jitqassmux qabel inżul ix-xemx.
◼ Kulħadd, inkluż il-kelliemi, għandu jinforma ruħu dwar il-ħin u l-post eżatt taʼ l-osservanza.
◼ Għandu jinkiseb u jitlesta t-tip xieraq taʼ ħobż u nbid.—Ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Marzu, 1985, paġna 17.
◼ Platti, tazzi, u mejda u tvalja addattati għandhom jinġiebu fis-sala u jitpoġġew f’posthom minn qabel.
◼ Is-Sala tas-Saltna jew xi post ieħor fejn se ssir il-laqgħa jridu jitnaddfu bir-reqqa minn qabel.
◼ L-attendants u dawk li se jservu jridu jintgħażlu u jingħataw istruzzjonijiet bil-quddiem rigward l-inkarigi tagħhom u l-proċedura xierqa.
◼ Għandhom isiru arranġamenti biex xi ħadd iservi lil dawk l-uħud mill-midlukin li ma jkunux jifilħu u ma jistgħux ikunu preżenti.
◼ Meta iktar minn kongregazzjoni waħda hija pjanata li tuża l-istess Sala tas-Saltna, għandu jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn il-kongregazzjonijiet sabiex jevitaw iffollar bla bżonn fl-intrata jew fid-daħla, fuq il-bankini, u fil-post taʼ l-ipparkjar.