Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Min għandu jgħid it-talba fil-laqgħat tal-kongregazzjoni?
It-talb tal-kongregazzjoni huwa parti vitali tal-qima tagħna. Li wieħed jirrappreżenta lil oħrajn quddiem Jehovah huwa privileġġ prezzjuż u responsabbiltà serja. Meta jqisu l-importanza taʼ dan, l-anzjani għandhom bżonn jużaw id-dehen meta jiddeċiedu liema aħwa rġiel jikkwalifikaw biex jgħidu t-talba fil-laqgħat. L-aħwa rġiel mgħammdin li jirrappreżentaw lill-kongregazzjoni jridu jkunu ministri Kristjani maturi magħrufin bħala li huma eżemplari u li għandhom ir-rispett tal-kongregazzjoni. It-talb riverenzjali u rispettabbli tagħhom għandu juri li għandhom relazzjoni mill-aħjar m’Alla Jehovah. L-artiklu “Praying Before Others With a Humble Heart” fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 taʼ Mejju, 1986, jenfasizza l-prinċipji importanti li huma t’għajnuna speċjali għal dawk li jitolbu pubblikament għan-nom tal-kongregazzjoni.
L-anzjani mhux se jqabbdu lil xi ħu biex jgħid it-talba jekk huwa magħruf bħala wieħed li għandu mġiba dubjuża jew mhux serju. M’għandux jiġi magħżul xi ħu li jħobb ikun bil-buli jew inklinat li juża t-talb pubbliku bħala mezz biex jesponi xi differenzi persunali. (1 Tim. 2:8) Anki jekk ikun hemm xi ħu adolexxent mgħammed, l-anzjani jridu jiddeterminaw jekk għandux il-maturità spiritwali biex jitlob għan-nom tal-kongregazzjoni.—Atti 16:1, 2.
Xi kultant fil-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa, għandu mnejn ikun neċessarju li xi oħt mgħammda tgħid it-talba jekk ma jkunx hemm ħu kwalifikat biex jirrappreżenta lill-grupp. Ikollha bżonn tilbes għata xierqa fuq rasha. Jekk f’ċerti laqgħat għas-servizz x’aktarx li mhux se jkun hemm xi ħu kwalifikat, l-anzjani għandhom jinkarigaw lil oħt kwalifikata biex tieħu t-tmexxija.
Id-drawwa hi li ċ-chairman tal-Laqgħa Pubblika jiftaħ bit-talba. Madankollu, waqt laqgħat oħra tal-kongregazzjoni, meta jkun hemm ħafna iktar aħwa rġiel kwalifikati disponibbli, jistaʼ jiġi mistieden xi ħadd minnhom biex jiftaħ jew jagħlaq bit-talba minflok il-ħu li jkun se jiftaħ il-laqgħa jew dak il-wieħed inkarigat bl-aħħar parti. Ikun min ikun, il-ħu li jkun se jiġi mistieden biex jitlob fil-laqgħa tal-kongregazzjoni għandu jiġi informat minn qabel sabiex ikun jistaʼ jilħaq jaħseb x’se jgħid. Imbagħad, ikun jistaʼ jgħid talba bil-ħeġġa, li tkun faċli għal kulħadd biex isegwiha, u xierqa għal dik il-laqgħa partikulari.
Talb bħal dan m’għandux għalfejn ikun twil. Meta ħu jgħid talba fil-pubbliku, normalment jinftiehem aħjar jekk iqum bil-wieqfa, jekk jesprimi lilu nnifsu b’vuċi għolja biżżejjed, u jekk jitkellem ċar. B’hekk, dawk kollha miġburin se jkunu jistgħu jisimgħu t-talba sew u fi tmiemha jgħidu “Amen” mill-qalb!—1 Kron. 16:36; 1 Kor. 14:16.