“Kif Nistaʼ . . . Jekk xi Ħadd Ma Jurinix?”
1 Meta l-evanġelizzatur Filippu staqsa lill-ewnuku Etjopjan jekk kienx qed jifhem dak li kien qed jaqra mill-Kelma t’Alla, ir-raġel wieġbu: “Kif nistaʼ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” Filippu kollu ferħan, għenu jifhem l-aħbar tajba dwar Ġesù, u dan irriżulta f’li r-raġel tgħammed minnufih. (Atti 8:26-38) Filippu kien qed jobdi l-inkarigu mingħand Ġesù biex ‘jagħmel dixxipli mill-ġnus kollha, jgħammidhom u jgħallimhom.’—Mt. 28:19, 20.
2 Aħna rridu nobdu l-inkarigu biex nagħmlu dixxipli, sewwa sew bħalma għamel Filippu. Madankollu, it-tip taʼ progress spiritwali mgħaġġel li għamel l-ewnuku Etjopjan ma tantx isir fost in-nies li nkunu qed nistudjaw il-Bibbja magħhom. Dak ir-raġel, proselita Lhudi li kien midħla sew taʼ l-Iskrittura, kellu qalb miftuħa u kulma kellu bżonn kien li jaċċetta l-fatt li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. Hija taʼ sfida jekk dawk li nistudjaw magħhom ma jkunux familjari mal-Bibbja, ikunu ġew imqarrqin b’tagħlim reliġjuż falz, jew ikunu mgħobbijin bi problemi persunali u diffiċli. X’se jgħinna biex ikollna suċċess f’li nuru lill-istudenti tal-Bibbja t-triq għad-dedikazzjoni u l-magħmudija?
3 Agħraf il-Bżonnijiet Spiritwali taʼ l-Istudent tal-Bibbja: L-insert tal-Ministeru tas-Saltna t’Awissu 1998 iddiskuta dwar it-tul taʼ żmien li nistgħu ndumu nistudjaw man-nies, billi nużaw il-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien. Kien fih din id-direzzjoni: “Hemm bżonn li niddeterminaw il-pass taʼ l-istudju skond iċ-ċirkustanzi u l-abbiltà taʼ l-istudent. . . . Ma rridux li minħabba l-għaġla nissagrifikaw il-fehma ċara li jrid ikollu l-istudent. Kull student għandu bżonn bażi solida għall-fidi ġdida li sab fil-Kelma t’Alla.” Għaldaqstant, huwa rikkmandat li ma tgħaddix il-materjal mill-ktieb Għarfien bl-għaġla bil-ħsieb li tipprova tlestih f’sitt xhur. Forsi jirrikjedi ħafna iktar minn sitt xhur biex tgħin lil xi individwi jagħmlu progress sal-punt tal-magħmudija. Hekk kif tikkonduċi l-istudju ġimgħa wara l-oħra, ħu l-ħin li hemm bżonn biex tgħin lill-istudent jifhem u jaċċetta dak li qed jitgħallem mill-Kelma t’Alla. F’xi każi, ikun hemm bżonn ġimagħtejn jew tlieta biex tkopri kapitlu wieħed mill-ktieb Għarfien. Dan se jħallilek il-ħin biex taqra u tiċċara ħafna mill-iskritturi ċitati.—Rum. 12:2.
4 Madankollu, xi ngħidu jekk meta jitlesta l-ktieb Għarfien, int tinduna li l-istudent għadu ma fehemx il-verità għalkollox jew li hu għadu m’huwiex motivat bis-sħiħ biex jieħu waqfa għall-verità u jiddedika ħajtu lil Alla? (1 Kor. 14:20) X’tistaʼ tagħmel iktar sabiex tiggwidah lejn it-triq li twassal għall-ħajja?—Mt. 7:14.
5 Issodisfa l-Bżonnijiet Spiritwali taʼ l-Istudent tal-Bibbja: Jekk tara li dak li jkun qed jagħmel progress, għalkemm bil-mod, u li qed jiżviluppa apprezzament għal dak li qed jitgħallem, kompli l-istudju tal-Bibbja bi ktieb ieħor wara li tlesti l-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien. Dan mhux bilfors li jkun neċessarju f’kull każ, imma meta jkun meħtieġ, kompli l-istudju bil-ktieb Magħqudin fil-Qima. Il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi għandhom kopja persunali taʼ din il-letteratura li tkun tistaʼ tużaha f’każ li l-kongregazzjoni ma jkollhiex il-provvista tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel iridu jiġu studjati l-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien. L-istudju tal-Bibbja, iż-żjajjar lura, u l-ħin li tqattaʼ biex tkompli l-istudju għandhom jingħaddu u jiġu rapportati, anki jekk l-istudent jilħaq jitgħammed qabel ma jitlesta t-tieni ktieb.
6 Ifisser dan li dawk li tgħammdu ftit ilu imma laħqu studjaw ktieb wieħed biss għandhom jerġgħu jirċievu għajnuna biex jistudjaw it-tieni ktieb? Mhux bilfors. Madankollu, forsi huma saru inattivi jew m’għamlux progress fil-verità, u jistgħu jħossuhom li għandhom bżonn għajnuna persunali biex japplikaw iktar il-verità f’ħajjithom. Għandu jiġi konsultat l-indokratur tas-servizz qabel ma jinbeda xi studju mill-ġdid maʼ pubblikatur mgħammed. Madankollu, jekk taf lil xi wħud li fil-passat studjaw il-ktieb Għarfien imma qatt m’għamlu progress għad-dedikazzjoni u l-magħmudija, int tistaʼ tieħu l-inizjattiva biex tara jekk jixtiqux li jerġgħu jaqbdu l-istudju tagħhom tal-Bibbja.
7 Hija marka taʼ l-imħabba Kristjana li nagħtu attenzjoni mill-qrib u persunali lil kull persuna interessata li nistudjaw magħha. L-objettiv tagħna hu li ngħinu lill-istudent jikseb dehen akbar fil-verità tal-Kelma t’Alla. Imbagħad, hu jkun jistaʼ jieħu waqfa definita għall-verità, ibbażata fuq fehma tajba, u jiddedika ħajtu lil Jehovah, billi jissimbolizza dik id-dedikazzjoni permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma.—Salm 40:9 [40:8, New World Translation]; Efes. 3:17-19.
8 Tiftakar x’ġara wara li l-ewnuku Etjopjan tgħammed? “Baqaʼ sejjer fi triqtu kollu ferħan” bħala dixxiplu ġdid taʼ Ġesù Kristu. (Atti 8:39, 40) Jalla aħna u dawk li nuruhom b’suċċess it-triq tal-verità, insibu ferħ kbir f’li naqdu lil Alla Jehovah—issa u għal dejjem!