“Kelma li Tingħad f’Waqtha”
1 Huwa taʼ sfida għalik li taqsam il-messaġġ taʼ ħajja m’oħrajn? Tħossok li tkun trid tgħid xi ħaġa kbira biex timpressjona lis-semmiegħa tiegħek? Meta Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu, qalilhom: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mt. 10:7) Il-messaġġ li kellhom jaqsmu kien sempliċi u mhux komplikat. L-istess ħaġa hija llum.
2 Taʼ spiss biex tibda konversazzjoni jkollok bżonn biss ftit kliem. Meta Filippu ltaqaʼ maʼ l-ewnuku Etjopjan, staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” (Atti 8:30) X’diskussjoni sabiħa rriżultat minn “kelma li tingħad f’waqtha”!—Prov. 25:11.
3 Int tistaʼ tavviċina lin-nies fil-ministeru tiegħek b’mod simili. Kif? Billi tosserva u tagħżel kliem xieraq skond iċ-ċirkustanzi. Staqsi mistoqsija u agħti widen għat-tweġiba.
4 Xi Mistoqsijiet Bażiċi: Biex tibda konversazzjoni, int tistaʼ tipprova xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet:
◼ “Int titlobha t-Talba tal-Missierna fil-qima tiegħek?” (Mt. 6:9, 10) Semmi xi parti minnha, u mbagħad għid: “Xi nies jistaqsu, ‘X’inhu l-isem t’Alla li Ġesù qal li għandu jitqaddes?’ Oħrajn jistaqsu, ‘X’inhi s-Saltna li Ġesù qalilna biex nitolbu għaliha?’ Sibt int tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet?”
◼ “Qatt ħsibt: ‘X’inhu s-sinifikat tal-ħajja?’” Uri kif dan imur id f’id maʼ li wieħed ikollu għarfien dwar Alla.—Koħ. 12:13; Ġw. 17:3.
◼ “Taħseb li qatt xi darba se tispiċċa l-mewt?” Biex tagħti tweġiba taʼ min joqgħod fuqha uża Isaija 25:8 u Apokalissi 21:4.
◼ “Hemm xi soluzzjoni sempliċi għall-inkwiet tad-dinja?” Uri li Alla jgħallem “ħobb lil għajrek.”—Mt. 22:39.
◼ “Xi darba l-art se tinqered b’xi diżastru li jiġi mill-univers?” Aqsam maʼ l-inkwilin il-wegħda tal-Bibbja li l-art se tibqaʼ għal dejjem.—Salm 104:5.
5 Ippreżenta l-aħbar tajba b’mod sempliċi u dirett u avviċina lin-nies bil-ħlewwa. Jehovah se jbierek l-isforzi tiegħek f’li taqsam saħansitra “kelma” waħda tal-verità m’oħrajn.