“Hekk Għandu Jiddi d-Dawl Tagħkom”
1 Id-dinja taʼ madwarna tinsab fid-dlam kemm moralment kif ukoll spiritwalment. Id-dawl tal-verità jikxef ‘l-għemejjel bla frott’ tad-dlam sabiex ma nitfixklux fihom u mmutu. B’hekk, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani: “Għixu taʼ wlied id-dawl li intom.”—Efes. 5:9 [5:8, New World Translation], 11.
2 “Frott id-dawl” m’għandu xejn x’jaqsam mad-dlam tad-dinja. (Efes. 5:9) Sabiex nipproduċu dan il-frott jeħtieġ li nkunu taʼ eżempju mill-aqwa fil-ħajja Kristjana, ix-xorta taʼ nies li japprova Ġesù. Irridu nuru wkoll kwalitajiet bħal devozzjoni b’qalb sħiħa, sinċerità, u entużjażmu għall-verità. Dan il-frott għandu jintwera fil-ħajja tagħna taʼ kuljum u fil-ministeru tagħna.
3 Iddi f’Kull Opportunità: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin.” (Mt. 5:16) Hekk kif nimitaw lil Ġesù, aħna nirriflettu d-dawl taʼ Jehovah billi nippridkaw dwar is-Saltna t’Alla u l-iskopijiet tiegħu. Aħna niddu bħala dawwala meta nżuru n-nies fi djarhom u meta naqsmu l-verità maʼ sħabna tax-xogħol u taʼ l-iskola, mal-ġirien, jew kulfejn ikollna l-opportunità.—Flp. 2:15.
4 Ġesù qal li xi wħud se jobogħduh id-dawl. (Ġw. 3:20) Għalhekk, aħna ma niġux skuraġġiti meta l-biċċa l-kbira tan-nies jirrifjutaw li jħallu “d-dawl taʼ l-Evanġelju glorjuż taʼ Kristu” jiddi fihom. (2 Kor. 4:4) Jehovah jaqra l-qlub u ma jridx uħud li ma jipprattikawx it-tjieba fost il-poplu tiegħu.
5 Meta nsegwu l-mogħdijiet taʼ Jehovah u ngawdu d-dawl spiritwali, dan nistgħu nirriflettuh fuq oħrajn. Jekk permezz tal-kondotta tagħna jindunaw li ‘jkollna d-dawl tal-ħajja,’ imbagħad forsi anki huma jitqanqlu biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa u jsiru wħud li jġorru d-dawl.—Ġw. 8:12.
6 Billi nħallu d-dawl tagħna jiddi, aħna se nfaħħru lill-Ħallieq tagħna u ngħinu lil uħud sinċiera jsiru jafuh u jiksbu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (1 Pt. 2:12) Ladarba għandna d-dawl, ejja nużawh sabiex noħorġu lil oħrajn mid-dlam spiritwali u nipproduċu l-għemejjel tad-dawl.