“Ħdimna t-Territorju Tagħna Kemm-il Darba!”
1 Qatt ħassejt li t-territorju tiegħek tant ilu jinħadem li fih m’għadx baqaʼ wħud bħal nagħaġ? Forsi inti ħsibt: ‘Naf kif se jwiġbuna n-nies. Għala għandna nibqgħu mmorru lura għand min m’huwiex interessat?’ Huwa minnu li ħafna territorji jinħadmu taʼ spiss. Madankollu, għandna nħarsu lejn dan b’mod pożittiv u mhux negattiv. Għala? Innota l-erbaʼ raġunijiet imniżżlin hawn taħt.
2 It-Talb Tagħna Ġie Mwieġeb: Ġesù qal: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2) Ilna nitolbu bil-ħniena għal għaxriet taʼ snin lil Jehovah biex jagħtina għajnuna akbar. F’ħafna pajjiżi, issa għandna l-ħaddiema li kellna bżonn, u qed inkopru t-territorju iktar spiss. M’għandux il-fatt li Jehovah semaʼ t-talb tagħna jagħmilna ferħanin?
3 Il-Persistenza Ġġib Frott Tajjeb: Anki f’territorji li jinħadmu taʼ spiss, in-nies qed iwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna u qed jiksbu l-għarfien tal-verità. Għalhekk, aħna rridu nibqgħu mmorru darba wara l-oħra bit-tama li nsibu iktar uħud taʼ qalb onestà. (Is. 6:8-11) Bħalma għamlu d-dixxipli bikrin taʼ Ġesù, trid tmur kontinwament għand in-nies fit-territorju assenjat lilek, filwaqt li tistinka biex tqajjem l-interess tagħhom fis-Saltna t’Alla.—Mt. 10:6, 7.
4 Fil-Portugall ħafna kongregazzjonijiet ikopru t-territorju tagħhom kull ġimgħa, iżda xorta għadhom isibu wħud bħal nagħaġ. Oħt partikulari għandha attitudni pożittiva ferm. Hi tgħid: “Qabel ma nitlaq għall-ministeru kull fil-għodu, nitlob lil Jehovah biex jgħinni nsib lil xi ħadd interessat f’li jistudja l-Bibbja.” Darba waħda hi organizzat studju għal xi wħud li kienu jaħdmu f’ħanut tax-xagħar. Iktar tard, però, persuna waħda biss ġiet għall-istudju. Dik il-persuna qaltilha: “L-oħrajn m’humiex interessati, imma jien iva.” Wara xahar din il-persuna stess kienet diġà qed tikkonduċi żewġ studji tal-Bibbja. Ftit wara tgħammdet, u iktar tard bdiet taqdi fis-servizz bħala pijuniera!
5 Ix-Xogħol Qed Isir: L-aħbar tajba qed tixxandar, bħalma bassar Ġesù li kellu jiġri. (Mt. 24:14) Anki f’postijiet fejn in-nies ma ‘jridux jisimgħu minna,’ huma qed jiġu mwissijin permezz taʼ l-attività taʼ l-ippridkar. Aħna nistennew li xi wħud ma jilqgħuniex tajjeb jew saħansitra jiħduha kontra l-verità. Madankollu, dawn xorta jridu jiġu avżati bix-xieraq dwar il-ġudizzju li ġej dalwaqt mingħand Jehovah.—Eżek. 2:4, 5; 3:7, 8, 19.
6 Għadna Ma Spiċċajniex Għalissa: Mhux f’idejna li niddeċiedu meta għandu jieqaf ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Jehovah jaf eżatt meta għandu jispiċċa. Hu jaf jekk hemmx xi nies fit-territorju tagħna li għad iridu jwieġbu għall-aħbar tajba. Illum, xi nies jgħidulna li m’humiex interessati, iżda bidliet drastiċi f’ħajjithom, bħal per eżempju telf taʼ impjieg, mard serju, jew il-mewt taʼ xi ħadd maħbub, jistgħu jġagħluhom biex darb’oħra jkunu iktar lesti li jilqgħuna tajjeb. Minħabba l-preġudizzju jew sempliċement għax ikunu mħabbtin wisq biex jisimgħuna, ħafna nies qatt ma semgħu verament dak li aħna nippridkaw. Nistgħu nqanqluhom biex jagħtu kas u jisimgħu jekk fiż-żjajjar regulari tagħna nkunu dħulin magħhom.
7 Hemm dawk li f’dawn l-aħħar snin kibru u issa għandhom il-familji tagħhom stess, u għalhekk qed jieħdu l-ħajja iktar bis-serjetà u jistaqsu mistoqsijiet li l-Kelma t’Alla biss tistaʼ tweġibhom. Omm żagħżugħa stiednet lil tnejn mix-Xhieda d-dar għandha u qaltilhom: “Meta kont għadni tifla, qatt ma stajt nifhem għala ommi kienet tkeċċi lix-Xhieda taʼ Jehovah u tgħidilhom li ma kinitx interessata, meta kulma riedu kien li jkellmuha fuq il-Bibbja. Jien kont iddeċidejt li meta nikber, niżżewweġ, u jkolli d-dar tiegħi, nistieden lix-Xhieda taʼ Jehovah għandi ħalli jispjegawli l-Bibbja.” Hekk għamlet, b’ferħ għax-Xhieda li marru jżuruha.
8 Tistaʼ Tkun Iktar Effettiv? Jekk insibuha diffiċli biex naħdmu t-territorju spiss, mhux dejjem ikun tort tan-nies li mmorru għandhom. Xi kultant inkunu aħna stess. Immorru aħna bi ħsibijiet negattivi? Dan jistaʼ jeffettwalna l-attitudni tagħna u wisq probabbli anki t-ton taʼ leħinna u l-espressjoni taʼ wiċċna. Kun pożittiv u żomm tbissima fuq wiċċek. Ipprova metodi ġodda taʼ kif titkellem. Biddel il-preżentazzjoni tiegħek, u stinka biex ittejjibha. Forsi tistaʼ tbiddel il-mistoqsija li tibda biha jew iddaħħal skrittura differenti fil-konversazzjoni. Staqsi lill-aħwa l-oħra dwar x’sabu li kien taʼ suċċess huma u jaħdmu t-territorju. Aħdem maʼ pubblikaturi u pijunieri differenti fuq is-servizz, u innota x’inhu dak li jagħmel il-ministeru tagħhom wieħed effettiv.
9 Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna għandu l-approvazzjoni u l-barka taʼ Jehovah, u meta nieħdu sehem fih inkunu qed nagħtu prova taʼ l-imħabba tagħna lejh u lejn għajrna. (Mt. 22:37-39) Mela ejja nkomplu xogħolna sakemm jitlesta, filwaqt li naħdmu t-territorju darba wara l-oħra mingħajr ma negħjew.