“Jien Se Nieqaf Sod! Jien Se Nieqaf Sod! Jien Se Nieqaf Sod!”
1 Dan il-kliem taʼ Kristjan leali li għadda mill-Olokawst jirrifletti d-determinazzjoni t’eluf taʼ Xhieda—ħajjin u mejtin—li kienu deċiżi b’mod sod dwar it-twemmin tagħhom minkejja l-kattiverija tan-Nazi. (Efes. 6:11, 13) L-istorja eċċitanti tal-kuraġġ u t-trijonf tagħhom hija rakkontata fil-vidjo li jqanqal il-qalb, Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sodi Kontra l-Attakki tan-Nazi). Inħeġġu lill-membri kollha tal-kongregazzjoni biex jarawh u jaqsmu flimkien l-opinjonijiet tagħhom u kif iħossuhom dwaru.
2 Ħalli dawn il-mistoqsijiet iqanqlulek il-ħsieb tiegħek: (1) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għal liema raġuni ħadu waqfa kuraġġuża kontra n-Nazi? (2a) Liema kontroversja kbira qamet rigward tislima, u għala? (2b) Dan kif effettwa lill-familji tax-Xhieda? (3) Kemm intbagħtu Xhieda fil-kampijiet tal-konċentrament, kif kienu jiġu identifikati hemmhekk, u l-Gestapo kif ittrattawhom? (4) Ħutna liema prezz ma ridux iħallsu sabiex jiksbu l-ħelsien tagħhom? (5a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif u meta tkellmu b’kuraġġ kontra l-atroċitajiet tar-reġim taʼ Hitler? (5b) Kif irreaġixxa Hitler? (6) Is-solidarjetà tan-nies taʼ Jehovah kif salvatilhom ħajjithom u dik t’oħrajn, kemm fiżikament u kemm spiritwalment? (7) Liema għanja tas-Saltna nkitbet fil-kamp tal-konċentrament? (8) Liema eżempji taʼ rġiel, nisa, u żgħażagħ leali jqanqluk biex tkompli żżomm l-integrità tiegħek lejn Jehovah, jiġri x’jiġri? (Ara wkoll in-1999 Yearbook, paġni 144-7.) (9) Bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, kif iġagħlek tħossok dan il-vidjo dwar li ma tkun ebda parti mid-dinja?
3 L-eżempju pożittiv tax-Xhieda taʼ Jehovah li jintwera fil-vidjo Stand Firm jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ, anki lil dawk li m’humiex Xhieda, biex jiffaċċjaw kwistjonijiet importanti bħall-intolleranza, il-pressjoni minn taʼ mparhom, u l-kuxjenza. Jekk int żagħżugħ li qed tattendi l-iskola sekondarja jew komplejt l-iskola, tistaʼ tagħti lill-għalliema tiegħek l-opportunità biex jużaw dan il-materjal fil-klassi? Forsi tistaʼ toffrilhom kopja tal-vidjo u tiddiskrivihulhom bħala parti mill-istorja li ma tantx hija magħrufa jew bħala dokumentarju li fih tagħlima morali.
4 Il-vidjo Stand Firm huwa biċċa għodda eċċellenti li juri kif it-tagħlim divin jagħtina saħħa spiritwali biex nogħġbu ’l Alla billi nieqfu sodi għal dak li hu tajjeb. (1 Kor. 16:13) Uri dan il-vidjo lil kulmin hu interessat fil-verità.