Qiegħed Ikun t’Ostaklu għall-Ippridkar?
1 Ħafna nies jgħixu ħajja mgħaġġla. Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma fost dawk li l-iktar għandhom ħajja mgħaġġla—jistudjaw il-Kelma t’Alla, jattendu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, u jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Barra minn hekk, aħna okkupati bix-xogħol sekulari, ix-xogħol tad-dar jew taʼ l-iskola, u ħafna responsabbiltajiet oħrajn, li kollha jieħdu l-ħin. Dan hu speċjalment taʼ sfida għall-kapijiet tal-familja.
2 Minħabba li l-qagħda ekonomika m’hijiex tajba f’ħafna postijiet, il-kapijiet tal-familji jistaʼ jkollhom jaħdmu iebes u għal ħinijiet twal sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Meta x-xogħlijiet sekulari ibsin jiħdulhom il-biċċa l-kbira mill-ħin u l-enerġija tagħhom, ftit se jibqgħalhom għax-xogħol taʼ l-ippridkar. Minħabba li għandhom l-obbligu biex jipprovdu materjalment għall-familji tagħhom, xi wħud iħossu li jistaʼ jkollhom biss sehem limitat fil-ministeru. (1 Tim. 5:8) Veru, illum hemm ħafna pressjonijiet involuti sabiex dak li jkun jikseb il-bżonnijiet tal-ħajja. Iżda x-xogħol sekulari taʼ dak li jkun m’għandux isir ostaklu għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. (Mk. 13:10) B’hekk, nagħmlu sew jekk neżaminaw f’liema sitwazzjoni ninsabu verament.
3 Peress li s-sura taʼ din id-dinja qiegħda dejjem tinbidel, kap taʼ familja jistaʼ jitħajjar biex iqattaʼ ammont taʼ ħin esaġerat fuq ix-xogħol, bl-għan li jżid il-finanzi tiegħu u jwarrabhom għal meta tinqalaʼ xi kriżi mhux mistennija. (1 Kor. 7:31) Żjieda fix-xogħol sekulari tistaʼ tidher li qed tgħinek tikseb iżjed affarijiet materjali jew ikollok iktar opportunitajiet għar-rikreazzjoni u divertiment. Iżda se jagħmel dan lill-familja iktar hienja u kuntenta jekk minħabba f’hekk jitnaqqas il-ħin mill-affarijiet spiritwali u mill-attendenza regulari tal-laqgħat? Żgur li rridu nevitaw kwalunkwe ħaġa li se tpoġġi fil-periklu l-ispiritwalità tagħna. Jekk nagħtu kas il-parir taʼ Ġesù biex ‘inġemmgħu teżori fis-sema’ u ‘nistagħnew quddiem Alla’ nkunu qed nieħdu t-triq għaqlija.—Mt. 6:19-21; Lq. 12:15-21.
4 Fittex l-Interessi tas-Saltna l-Ewwel: Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ipoġġu l-affarijiet spiritwali l-ewwel u qabel kollox. Hu ħeġġiġhom: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’” Għala qal hekk? Hu spjega: “Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.” Jekk aħna verament konvinti minn dan, m’hu se jkun hemm l-ebda ostaklu li se jżommna milli nagħmlu dak li Ġesù qal wara: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan [il-bżonn materjali] kollu jingħatalkom ukoll.” Alla se jieħu ħsieb taʼ dan! (Mt. 6:31-33) Dan żgur li m’huwiex iż-żmien li noqogħdu naljenaw rasna minħabba ansjetà żejda biex niksbu l-għajxien jew minħabba l-ġibda li nfittxu ħajja komda finanzjarjament f’sistema t’affarijiet li dalwaqt se tgħaddi.—1 Pt. 5:7; 1 Ġw. 2:15-17.
5 L-iskop ewlieni tax-xogħol sekulari huwa li jipprovdi għall-bżonnijiet materjali taʼ dak li jkun. Iżda x’inhu l-bżonn? L-appostlu Pawlu kiteb: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” Qegħdin nipprovaw niksbu iktar minn hekk? Jekk inhu hekk, aħna nistgħu qed naħsdu l-konsegwenzi li Pawlu wissiena dwarhom: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.” (1 Tim. 6:8, 9; Mt. 6:24; Lq. 14:33) Kif nistgħu nindunaw jekk aħniex qed nintrebħu minn xewqat li m’humiex neċessarji?
6 Jekk minħabba l-attivitajiet sekulari tagħna jkollna biss sehem minimu fis-servizz taʼ l-għalqa jew nibdew ma narawx il-bżonn taʼ li nagħmlu sagrifiċċji għall-aħbar tajba, f’dan il-każ għandna bżonn nagħmlu aġġustamenti dwar x’inhuma l-prijoritajiet. (Lhud 13:15, 16) Stil taʼ ħajja iktar sempliċi se jgħinna ħafna biex negħlbu dan l-ostaklu għall-ippridkar tagħna. L-interessi tas-Saltna għandhom dejjem jiġu l-ewwel f’ħajjitna meta niġu biex nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna.
7 Il-Ħidma li M’Hijiex Għalxejn: Il-kliem taʼ Pawlu jinkuraġġina biex ‘inħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej, [għax] nafu li l-ħidma tagħna fil-Mulej m’hijiex għalxejn.’ (1 Kor. 15:58) L-iktar “ħidma tal-Mulej” importanti hi l-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Biex ikollna l-akbar sehem possibbli, irridu nagħmlu ħin fl-iskeda tagħna għas-servizz taʼ l-għalqa kull ġimgħa u nistinkaw biex ma nużawx dak il-ħin għal attivitajiet oħrajn. (Efes. 5:15-17) Imbagħad, la x-xogħol sekulari u lanqas ebda ħaġa oħra ma se jkunu t’ostaklu għall-ministeru tagħna.
8 Meta nagħtu minna nfusna sabiex naqsmu l-veritajiet tal-Bibbja m’oħrajn, aħna nesperjenzaw ferħ akbar li jiġi mill-għoti. (Atti 20:35) Meta nfittxu l-ewwel f’ħajjitna x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-futur b’fiduċja, ‘għax Alla mhux se jkun hekk inġust li jinsa dak li aħna għamilna u l-imħabba li wrejna lejn ismu meta qdejna u għadna naqdu lill-qaddisin.’—Lhud 6:10.