Nibbenefikaw bis-Sħiħ mill-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna”
1 Programm li Jsaħħaħna: Xi programm inkuraġġanti gawdejna fil-konvenzjoni distrettwali li kellna dan l-aħħar. Ilkoll konna miġburin għall-istess skop, ħalli nsiru mgħammrin aħjar biex nipproklamaw b’mod żeluż is-Saltna t’Alla. Tiftakar kif l-ewwel kelliemi fisser il-kelma “nipproklamaw”? Tiftakar liema riċerka ġejna inkuraġġiti nagħmlu fit-taħdita “Ma Nibżgħux għax Nafu li Jehovah Qiegħed Magħna”? Liema rakkonti li ġraw vera eżaminajt int s’issa?
2 Is-serje taʼ taħditiet “Il-Kwalità tal-Fidi Tagħna Mġarrba b’Diversi Provi” tat tliet raġunijiet prinċipali għala Jehovah jippermetti l-persekuzzjoni. Taf tispjega x’inhuma? X’inhi l-bażi Skritturali għan-newtralità Kristjana tagħna? X’ġejna inkuraġġiti nagħmlu biex nippreparaw ruħna għall-isfidi li jinqalgħu minħabba l-pożizzjoni newtrali tagħna? Il-fatt li nissaportu l-provi fedelment kif iġib tifħir lil Jehovah?
3 Liema xeni mid-drama “Ibqgħu Sodi fi Żmien taʼ Inkwiet” saħħewk b’mod speċjali? Kif nistgħu nkunu bħal Ġeremija?
4 It-taħdita pubblika, “Ix-Xena taʼ Din id-Dinja Qiegħda Tinbidel,” iddeskriviet liema bidliet sinifikanti li dalwaqt se naraw u li se jseħħu preċiż qabel il-jum t’Alla li jispira l-biżaʼ? Waqt li kont qed tismaʼ l-aħħar taħdita, “Furu bl-Għemejjel Tajbin Bħala Proklamaturi Żelużi tas-Saltna,” kif irbatt l-informazzjoni mal-ministeru persunali tiegħek?
5 Punti Prinċipali biex Napplikawhom: Bħalma ġie spjegat fit-taħdita “Uri Gratitudni,” kif nistgħu nesprimu kemm hija profonda l-gratitudni tagħna lejn Jehovah? Fit-taħdita prinċipali, “Il-Proklamaturi tas-Saltna Għandhom Żelu Jaħraq bħan-Nar,” iż-żelu taʼ min ġejna inkuraġġiti nimitaw? Liema eżami persunali ġejna mitluba nagħmlu?
6 Fis-serje taʼ taħditiet “Il-Profezija taʼ Mikea Ssaħħaħna biex Nimxu f’Isem Jehovah” ġew enfasizzati liema tliet ħtiġijiet li rridu nwettqu biex ikollna l-favur taʼ Jehovah? Huma dawn impossibbli biex jintlaħqu? (Mik. 6:8) Skond it-taħdita “Ibqaʼ Safi billi Tħares lil Qalbek,” b’liema modi għandna nibqgħu nodfa moralment? It-taħdita “Għasses Kontra l-Qerq” f’liema oqsma wissietna biex ma niġux imqarrqin u biex ma nqarrqux b’oħrajn?
7 Liema punti prattiċi mis-serje taʼ taħditiet “Proklamaturi tas-Saltna li Jigglorifikaw il-Ministeru Tagħhom” bdejt tapplika fil-ministeru tiegħek? Fit-taħdita “Konversazzjoni Spiritwali Tibnina,” ġie analizzat Filippin 4:8. Din l-iskrittura kif tgħinna biex il-konversazzjonijiet tagħna nagħmluhom spiritwali, u meta għandna nagħmluh dan?
8 It-taħdita “Afda f’Jehovah Għalkollox fi Żmien l-Inkwiet” iddiskutiet kif nistgħu nkampaw maʼ ġrajjiet traġiċi, diffikultajiet finanzjarji, nuqqas taʼ saħħa, problemi tal-familja, u dgħjufijiet persistenti. Kif nistgħu nuru l-fiduċja f’Jehovah meta niffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet?
9 Teżori Spiritwali Ġodda: Kemm fraħna meta rċivejna l-ktieb il-ġdid Qim lill-Uniku Alla Veru. Kif effettwak l-avviż li spjega l-iskop taʼ dan il-ktieb? Għala se jkun t’għajnuna fix-xogħol tagħna li nagħmlu dixxipli bħala t-tieni ktieb taʼ studju?
10 Imbagħad irċivejna l-ktieb mill-isbaħ Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah). X’inhuma xi karatteristiċi speċjali tiegħu? Liema stampi laqtuk l-iktar? Għenek il-qari taʼ dan il-ktieb biex tersaq eqreb lejn Jehovah? Min jistaʼ wkoll jibbenefika minnu?
11 Il-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” pprovditilna l-inkuraġġiment spiritwali li għandna bżonn biex niffaċċjaw dawn iż-żminijiet diffiċli. Sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ minn dan il-provvediment spiritwali taʼ l-għaġeb, jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niftakru xi ntqal, napprezzaw dak li rċivejna, u napplikaw dak li tgħallimna. (2 Pt. 3:14) Il-fatt li nagħmlu dan se jsaħħaħna biex inżommu l-integrità tagħna u biex inkunu proklamaturi żelużi tas-Saltna hekk kif nimitaw lil Sidna Ġesù Kristu, u dan kollu għall-glorja taʼ Jehovah.—Flp. 1:9-11.