Għin lill-Indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb Tiegħek
1 Ilkoll kemm aħna niksbu bosta benefiċċji mill-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Ix-xahar l-ieħor iddiskutejna kif l-indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni jwettaq l-irwol tiegħu. Iżda x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuh u b’hekk nibbenefikaw kemm aħna kif ukoll oħrajn?
2 Attendi Kull Ġimgħa: Minħabba li l-gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb jinżammu żgħar, il-preżenza tiegħek tagħmel differenza. Agħmilha l-mira tiegħek li tattendi kull ġimgħa. Tistaʼ tgħin ukoll billi tkun puntwali, għaliex dan jippermetti lill-indokratur jibda l-laqgħa bl-ordni.—1 Kor. 14:40.
3 Kummenti li Jibnu: Mod ieħor kif tistaʼ tgħin hu billi tkun preparat sew u billi tagħmel kummenti li jibnu. Il-kummenti li jiffokaw fuq punt wieħed biss ġeneralment ikunu l-aħjar, u dawn jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jikkummentaw ukoll. Meta tikkummenta, tipprovax tinkludi dak kollu li hemm fil-paragrafu. Jekk xi punt fil-materjal jolqtok ħafna, ħawwar id-diskussjoni billi taqsam il-ħsieb tiegħek permezz taʼ kumment.—1 Pt. 4:10.
4 Jekk għandek il-privileġġ li taqra l-paragrafi għall-benefiċċju tal-grupp, kun ħabrieki meta twettaq dan l-inkarigu. Qari tajjeb jgħin biex l-istudju jirnexxi.—1 Tim. 4:13.
5 L-Għoti taʼ Xiehda Bħala Grupp: Il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa jinżammu f’ħafna lokalitajiet taʼ l-istudju tal-ktieb, u l-appoġġ tiegħek f’dawn l-arranġamenti jgħin lill-indokratur hekk kif hu jieħu t-tmexxija fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Ħares lejn dawn l-arranġamenti bħala opportunitajiet biex tersaq eqreb taʼ ħutek u tibnihom.
6 Ir-Rapporti tas-Servizz taʼ l-Għalqa: Mod ieħor kif tgħin lill-indokratur hu billi tagħti fil-ħin ir-rapport tas-servizz tiegħek fl-aħħar taʼ kull xahar. Ir-rapport tiegħek tistaʼ tagħtih direttament lilu jew inkella titfgħu fil-kaxxa li qiegħda apposta għar-rapporti tas-servizz fis-Sala tas-Saltna. Is-segretarju jistaʼ juża l-kaxxa biex jiġbor ir-rapporti tas-servizz taʼ l-għalqa li jkunu diġà nġabru mill-indokraturi taʼ l-istudju tal-ktieb.
7 Il-kooperazzjoni tiegħek maʼ l-indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni tiegħek se tiġi notata. Fuq kollox, tistaʼ tibqaʼ ċert li Jehovah se jkun ‘maʼ l-ispirtu li turi.’—Flp. 4:23, “NW.”