Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—It-Tnax-il Parti
Ngħinu lill-Istudenti Jibdew u Jikkonduċu Studji tal-Bibbja
1 Meta l-istudenti tal-Bibbja tagħna jibdew jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa, għandu mnejn iwerwirhom il-ħsieb li jibdew u jikkonduċu studji tal-Bibbja huma stess. Kif nistgħu ngħinuhom jiżviluppaw attitudni pożittiva lejn din il-parti essenzjali mill-ministeru tagħna?—Mt. 24:14; 28:19, 20.
2 Meta student tal-Bibbja jikkwalifika biex ikun pubblikatur mhux mgħammed, x’aktarx li jkun diġà qed jieħu vantaġġ sħiħ mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. It-taħriġ li jieħu meta jipprepara u jippreżenta t-taħditiet li jkollu bħala student jgħinu jiżviluppa l-abbiltajiet tat-tagħlim li huma meħtiġin minn ‘ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi jimmaniġġa sew il-kelma tal-verità.’—2 Tim. 2:15.
3 Għallem bl-Eżempju Tiegħek: Ġesù ħarreġ lid-dixxipli tiegħu billi tahom tagħlim ċar u eżempju tajjeb. Hu qal: “Kulmin jiġi mgħallem b’mod perfett ikun bħall-għalliem tiegħu.” (Lq. 6:40) Huwa vitali li timita lil Ġesù billi tagħti eżempju tajjeb fil-ministeru tiegħek. Hekk kif l-istudent josserva l-eżempju li tagħtih fil-ministeru, hu se jifhem li l-objettiv taż-żjajjar lura hu li jinbdew studji tal-Bibbja.
4 Spjegalu li meta noffru studju lill-inkwilin, ġeneralment ma jkunx hemm bżonn li niddeskrivu bid-dettall l-arranġament taʼ kif isir studju. Spiss ikun aħjar li sempliċement tagħmel l-istudju billi tuża paragrafu jew forsi tnejn minn pubblikazzjoni għall-istudju. Biex tagħmel dan, hemm xi suġġerimenti utli li tistaʼ ssibhom f’paġna 8 taʼ din il-ħarġa u f’paġna 6 tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar, 2002.
5 Meta jkun xieraq, stieden lill-istudent biex jiġi miegħek jew maʼ pubblikatur ieħor taʼ l-esperjenza fuq studji tal-Bibbja oħrajn. Hu jistaʼ jieħu sehem billi jikkummenta fuq xi paragrafu jew skrittura prinċipali. B’hekk, billi josserva, l-istudent se jitgħallem ħafna kif jikkonduċi studji tal-Bibbja progressivi. (Prov. 27:17; 2 Tim. 2:2) Agħtih il-prosit, u iddiskuti miegħu kif jistaʼ jitjieb.
6 It-taħriġ taʼ pubblikaturi ġodda biex jgħallmu l-Kelma t’Alla se jarmahom għall-“għemil tajjeb” taʼ li jibdew u jikkonduċu studji huma stess. (2 Tim. 3:17) Kemm hu sodisfaċenti li taħdem spalla maʼ spalla magħhom biex flimkien toffru l-istedina taʼ mħabba: “Kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn”!—Riv. 22:17.