Il-Ministeru Tagħna—Xogħol li Juri Mogħdrija
1 Ġesù osserva li l-folol li kienu qed jisimgħu l-messaġġ tiegħu kienu “mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Billi kien juri affezzjoni tenera u mħabba, hu għallimhom it-triqat taʼ Ġeħova, farraġhom, u b’mogħdrija ħa ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Hekk kif nimmeditaw fuq triqatu, aħna nitgħallmu naħsbu u nħossu bħal Ġesù, u din il-kwalità tal-mogħdrija se tkun tidher ċara fil-ministeru.
2 Ħu ftit ħin biex taħseb dwar kif Ġesù aġixxa meta n-nies li kienu ddisprati resqu lejh għall-għajnuna. (Lq. 5:12, 13; 8:43-48) Hu kien juri konsiderazzjoni lejn dawk bi bżonnijiet speċjali. (Mk. 7:31-35) Hu kien konxju tas-sentimenti taʼ l-oħrajn u wera interess fihom. Hu ma ħalliex l-apparenza taʼ barra tinfluwenzah. (Lq. 7:36-40) Tabilħaqq, Ġesù rrifletta perfettament il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna.
3 “Tħassarhom”: Ġesù ma wettaqx il-ministeru tiegħu bħala sempliċi obbligu. Hu “tħassarhom” lin-nies. (Mk. 6:34) B’mod simili llum, aħna mhux biss qegħdin inwasslu messaġġ, imma qed infittxu li nsalvaw il-ħajjiet prezzjużi. Meta n-nies jagħtu tweġiba, ipprova ifhem għala jħossuhom hekk. Għala huma ansjużi u inkwetati? Ġew huma traskurati u mqarrqin mir-rgħajja reliġjużi foloz? L-interess ġenwin tagħna f’oħrajn jistaʼ jqanqalhom biex jisimgħu l-aħbar tajba.—2 Kor. 6:4, 6.
4 Il-mogħdrija tmiss il-qalb. Biex nagħtu eżempju: Waħda mara sofriet it-telfa traġika taʼ bintha li kellha tliet xhur. Meta żewġ xhieda żaruha, hi stidnithom jidħlu ġewwa bil-ħsieb li tirrifjuta d-diskussjoni tagħhom dwar għala Alla jippermetti s-sofferenza. Madankollu, il-mara iktar tard qalet: “Huma semgħuni b’mogħdrija kbira, u meta kienu sejrin, tant ħassejtni aħjar li aċċettajt li jerġgħu jżuruni.” Tistinka int biex turi mogħdrija maʼ kulmin tiltaqaʼ fil-ministeru?
5 Il-fatt li nikkultivaw il-mogħdrija se jgħinna naqsmu l-faraġ veru m’oħrajn. Billi nagħmlu hekk, aħna nigglorifikaw “il-Missier taʼ kull ħniena tenera,” Ġeħova.—2 Kor. 1:3.