Uri Interess Persunali—Billi Tagħti Tifħir
1 Tifħir sinċier jgħolli l-moral tan-nies, jimmotivahom għall-azzjoni, u jġibilhom il-ferħ. Ħafna pubblikaturi sabu li meta jgħidu xi kelma taʼ tifħir b’sinċerità spiss jirriżulta li fil-ministeru n-nies ikunu lesti li jisimgħu. Kif nistgħu nfaħħru lin-nies hekk kif inkunu qed naqsmu l-aħbar tajba magħhom?
2 Kun Osservatur: Ġesù Kristu glorifikat osserva l-għemejjel tajbin tas-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri. (Riv. 2:2, 3, 13, 19; 3:8) B’mod simili, l-interess ġenwin li aħna nuru man-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru se jqanqalna biex infittxu opportunitajiet ħalli nagħtu tifħir. Per eżempju, ġnien miżmum tajjeb, ġenitur li juri affezzjoni tenera lejn uliedu, jew tbissima ħelwa taʼ xi inkwilin u xi tislima, dawn kollha jagħtuna l-opportunità biex nagħtu tifħir. Lest int tosserva u tieħu vantaġġ minn opportunitajiet bħal dawn?
3 Kun Semmiegħ Tajjeb: Waqt li tkun qed tippriedka lil oħrajn, stidinhom ħalli jesprimu lilhom infushom billi tagħmlilhom mistoqsijiet xierqa. Onorahom billi tagħti attenzjoni bir-reqqa għal dak li jkunu qed jgħidu. (Rum. 12:10) X’aktarx, int tkun tistaʼ tfaħħarhom b’mod sinċier dwar xi ħaġa li jkunu qalu u tkun tistaʼ tkompli fuq il-pedament li tkun bnejt.
4 Uża d-Dixxerniment: X’għandna nagħmlu jekk xi inkwilin jgħid xi ħaġa li m’hijiex fi qbil mal-verità tal-Bibbja? Minflok ma turi li m’intix taqbel mal-kumment mhux korrett tiegħu, uri gratitudni għal dak li l-inkwilin ikun stqarr miegħek u kompli iddiskuti miegħu billi tgħidlu xi ħaġa hekk: “Nistaʼ nara kemm dan is-suġġett jinteressak.” (Kol. 4:6) Anki jekk xi ħadd jibda jargumenta, ħafna drabi nistgħu nfaħħruh għall-interess ġenwin tiegħu fis-suġġett. Il-fatt li nkellmuh bil-ħlewwa għandu mnejn jgħin lil inkwilin jikkalma, u b’hekk ma jibqax jopponi b’mod iebes l-aħbar tajba.—Prov. 25:15.
5 Sabiex ikun siewi, it-tifħir tagħna għandu jkun sinċier. Meta nużaw diskors bħal dan u li jibni, Ġeħova se jiġi onorat u oħrajn jistgħu jiġu mħajrin jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna.