Imita lil Ġeħova, “l-Alla l-Hieni” Tagħna
1 Ġeħova tassew irid li n-nies ikunu henjin. Il-Kelma tiegħu timliena b’antiċipazzjoni għall-barkiet meraviljużi li għandu preparati għall-umanità. (Is. 65:21-25) Għandu jkun evidenti għal oħrajn li aħna ferħanin li naqsmu magħhom “l-aħbar tajba u glorjuża taʼ l-Alla l-hieni.” (1 Tim. 1:11) Il-mod kif nitkellmu dwar il-messaġġ tas-Saltna għandu jirrifletti l-imħabba tagħna għall-verità u l-interess ġenwin li għandna fin-nies li nitkellmu magħhom.—Rum. 1:14-16.
2 Huwa minnu li kultant jistaʼ jkun taʼ sfida li nżommu attitudni ferriħija. F’xi territorji, ftit insibu nies li jwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna. Forsi jkun hemm ġranet meta nkunu qed niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli f’ħajjitna stess. Sabiex inżommu attitudni ferriħija, nagħmlu tajjeb jekk nirriflettu dwar kemm in-nies fit-territorju tagħna għandhom bżonn jisimgħu u jifhmu l-aħbar tajba tas-Saltna li qed nippridkawlhom. (Rum. 10:13, 14, 17) Jekk nimmeditaw dwar dan, se niġu megħjunin biex bil-ferħ inkomplu nxandru l-provvedimenti għas-salvazzjoni li Ġeħova tana bil-ħniena.
3 Iffoka fuq il-Pożittiv: Irridu wkoll noqogħdu attenti għal dak li ngħidu. Għalkemm forsi nibdew diskussjoni billi nsemmu xi problema jew xi ħaġa li ssemmiet fl-aħbarijiet u li n-nies qed jaħsbu dwarha, għandna nevitaw li noqogħdu niddiskutu bla bżonn dwar affarijiet negattivi. L-inkarigu tagħna hu li ‘nħabbru r-riżq.’ (Is. 52:7; Rum. 10:15) Din l-aħbar tajba hija messaġġ ibbażat fuq il-wegħdi t’Alla għal futur aħjar. (2 Pt. 3:13) B’dan f’moħħok, uża l-Iskrittura biex ‘iddewwi l-qlub miksurin.’ (Is. 61:1, 2) Dan se jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex iżomm attitudni ferriħija u pożittiva.
4 In-nies bla dubju se jinnotaw l-attitudni ferriħija tagħna hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għalhekk, ejja dejjem nirriflettu d-dispożizzjoni taʼ Ġeħova, “l-Alla l-hieni” tagħna, hekk kif naqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna man-nies fit-territorju tagħna.