Għandna Bżonn Inżommu ż-Żelu Tagħna fil-Ministeru
1 Kull sena sa mill-1992, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ddedikaw b’mod żeluż iktar minn biljun siegħa fl-ippridkar tas-Saltna madwar id-dinja u fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. Kemm aħna ferħanin li kellna sehem żgħir f’dan it-twettiq meraviljuż!—Mt. 28:19, 20.
2 M’għandniex xi ngħidu, ir-ringrazzjament u t-tifħir għandhom jingħataw lil Ġeħova, li sostniena fil-ministeru tagħna matul dawn iż-“żminijiet kritiċi.” (2 Tim. 3:1) Xi rridu nagħmlu min-naħa tagħna sabiex inkomplu nieħdu sehem żeluż f’dan ix-xogħol importanti?
3 Raġuni biex Inkunu Żelużi: Imħabba profonda għal Alla u għall-proxxmu, kif ukoll xewqa mill-qalb li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna, għandhom jimmotivawna biex inkomplu fis-servizz tas-Saltna. (Mt. 22:37-39; 1 Ġw. 5:3) L-imħabba tqanqalna biex nagħmlu sagrifiċċji, u b’hekk inkunu nistgħu nieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol taʼ l-ippridkar.—Lq. 9:23.
4 Aħdem biex Iżżomm iż-Żelu: L-avversarju tagħna x-Xitan qed jagħmel kull sforz biex iżommna lura milli nieħdu sehem b’mod żeluż fil-ministeru. L-apatija taʼ dawk li niltaqgħu magħhom fit-territorju, l-aljenazzjonijiet taʼ din id-dinja, il-pressjonijiet tal-ħajja taʼ kuljum, u t-tħassib dwar saħħitna li dejjem sejra lura huma xi ftit mill-affarijiet li Satana qed juża biex jipprova jiskuraġġina.
5 Għalhekk, għandna bżonn naħdmu iebes biex inżommu ż-żelu ħaj. Huwa importanti li nikkultivaw “l-imħabba li [kellna] fil-bidu.” Dan jinvolvi li regolarment naqraw u nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u naraw li qed nieħdu vantaġġ minn dak kollu li Ġeħova qiegħed jagħtina sabiex isaħħilna l-fidi permezz taʼ “l-ilsir leali u għaqli.”—Riv. 2:4; Mt. 24:45; Salm 119:97.
6 Bħalma jindikaw il-profeziji tal-Bibbja, il-jum taʼ Ġeħova biex jeqred in-nies bla devozzjoni lejn Alla riesaq b’ħeffa kbira. (2 Pt. 2:3; 3:10) B’dan il-ħsieb ċar f’moħħna, ejja naħdmu iebes billi nżommu ż-żelu tagħna fil-ministeru, nieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli li qed isir bħalissa madwar id-dinja!