Kampanja b’Fuljett Speċjali mill-20 t’Ottubru sas-16 taʼ Novembru!
1 B’seħħ mit-Tnejn, 20 t’Ottubru, għal erbaʼ ġimgħat sħaħ, se nieħdu sehem fi tqassim speċjali taʼ fuljett ġdid intitolat Tixtieq Tkun Taf il-Verità? Nittamaw li din il-kampanja speċjali madwar id-dinja se tqanqal l-interess taʼ iktar nies fl-uniku sors tal-verità.—Ġw. 17:17.
2 Il-fuljett jagħti tweġibiet fil-qosor mill-Bibbja għal sitt mistoqsijiet importanti: “Veru li Alla jimpurtah minna?” “Il-gwerer u t-tbatija qatt se jispiċċaw?” “X’jiġrilna meta mmutu?” “Hemm xi tama għall-mejtin?” “Kif nistaʼ nitlob b’mod li Alla jismagħni?” u “Kif jistaʼ jkolli l-hena f’ħajti?” Il-knejjes tal-Kristjaneżmu qatt ma taw tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet. Anki ħafna wħud li jistqarru li m’humiex Kristjani jaħsbu dwar dawn l-affarijiet, imma forsi ma jafux li fil-Bibbja hemm tweġibiet ċari. Għalhekk, nistennew li dan il-messaġġ jogħġob lil ħafna wħud.
3 Kopri t-Territorju Tiegħek: Stinka biex tkopri kemm jistaʼ jkun mit-territorju tiegħek minn dar għal dar. Jekk għandkom territorju kbir, l-anzjani jistgħu jinkuraġġukom biex tħallu kopja tal-fuljett fejn ma jinstabux nies id-dar fuq l-ewwel żjara. Ftakar biex tagħti kopja lill-ġirien, lill-qraba, lin-nies li taf fuq ix-xogħol u fl-iskola, u lil oħrajn li spiss titkellem magħhom. Forsi tistaʼ tagħmel pjanijiet biex taqdi bħala pijunier awżiljarju f’Ottubru jew f’Novembru. Għandek it-tfal jew student tal-Bibbja li qed jagħmel progress spiritwali u li jistaʼ jikkwalifika biex jingħaqad magħna f’din il-kampanja bħala pubblikatur mhux mgħammed? Jekk inhu hekk, informa lill-anzjani.
4 X’Tistaʼ Tgħid: Sabiex tilħaq iktar nies bil-messaġġ, ikun aħjar li żżomm il-preżentazzjoni tiegħek qasira. Sempliċement staqsi lill-inkwilini waħda mis-sitt mistoqsijiet li hemm fuq il-qoxra u urihom it-tweġiba mill-fuljett. Dan se jippermetti lill-pubblikaturi kollha biex jadattaw il-preżentazzjoni tagħhom għall-bżonnijiet tat-territorju. Jekk xi ħadd juri interess, ħu nota taʼ dan u mur lura. Fi tmiem il-ġimgħa, ir-rivisti kurrenti jistgħu jiġu offruti flimkien mal-fuljett. Wara li tispiċċa l-kampanja fis-16 taʼ Novembru, aħna se noffru l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Kwalunkwe fuljett li jifdal għandu jintuża bl-istess mod bħal fuljetti oħrajn disponibbli.
5 Ibda Studju tal-Bibbja: Dan il-fuljett ġie mħejji speċifikament biex jgħinna nibdew studji tal-Bibbja. Meta terġaʼ żżur lil xi ħadd li wera interess, tistaʼ int tistaqsih liema verità tal-Bibbja ġabitlu faraġ jew serħan? Iġbed l-attenzjoni lejn il-paġna taʼ wara fejn hu msemmi l-arranġament tagħna għal studju tal-Bibbja, u agħtih kopja tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Jekk ikun possibbli, ikkunsidra fil-qosor paragrafu jew tnejn mill-kapitlu li fih iktar informazzjoni dwar is-suġġett li jkun għażel.
6 Ġeħova qed ifittex lil dawk l-uħud li se jqimuh “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġw. 4:23) Jalla lkoll kemm aħna nieħdu sehem f’din il-kampanja speċjali biex ngħinu lil oħrajn isiru jafu l-verità!