Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Jekk koppja jixtiequ jużaw is-Sala tas-Saltna għat-tieġ tagħhom, liema affarijiet għandhom bżonn jiddiskutu maʼ l-anzjani?
It-tiġijiet li jiġu rranġati skond il-prinċipji tal-Bibbja jġibu unur lil Ġeħova. Dan hu speċjalment minnu dwar it-tiġijiet li jsiru fis-Sala tas-Saltna, ladarba l-komunità tħares lejn il-programmi li jsiru f’dan il-post bħala riflessjoni taʼ l-organizzazzjoni tagħna. Sabiex “isir kollox bid-deċenza u bl-ordni,” huwa xieraq li l-anzjani lokali jkunu involuti meta jintalab permess biex is-Sala tas-Saltna tintuża għal tieġ.—1 Kor. 14:40.
Koppja li jixtiequ jużaw is-Sala tas-Saltna għat-tieġ tagħhom għandhom jagħtu rikjesta bil-miktub lill-kumitat tas-servizz tal-kongregazzjoni li tiltaqaʼ f’dik is-sala. L-ittra tagħhom għandha tingħata ħafna minn qabel u għandha tindika d-data u l-ħin li fihom jixtiequ jużaw is-sala. Għandhom iżommu f’moħħhom li l-anzjani m’humiex se jċaqalqu l-iskeda tal-laqgħat biex jakkomodaw tieġ. Iktar minn hekk, huwa meħtieġ li l-għarus u l-għarusa jkollhom reputazzjoni tajba, jiġifieri, li jkunu jgħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja u l-livelli ġusti taʼ Ġeħova.
Biex il-koppja jkunu ċerti li t-tieġ jirrifletti sew fuq l-Alla onorabbli tagħna, huma għandhom jiddiskutu l-arranġamenti tat-tieġ mal-kumitat tas-servizz qabel ma dawn jiġu finalizzati. Għalkemm l-anzjani mhux se jipprovaw jimponu l-preferenzi persunali tagħhom fuq il-koppja, jekk tkun qed tiġi pjanata xi ħaġa oġġezzjonabbli l-koppja għandhom jaġixxu skond id-direzzjoni taʼ l-anzjani. Tistaʼ tintuża biss mużika tal-Kingdom Melodies jew li tinstab fil-ktieb taʼ l-għanjiet tagħna. Kwalunkwe tiżjin fis-Sala tas-Saltna jew irranġar tas-siġġijiet ukoll irid jiġi approvat. Jekk jittieħdu xi ritratti jew isir xi vidjo rikording, dan m’għandux inaqqas mid-dinjità taʼ l-okkażjoni. L-anzjani jistgħu jippermettu li jsiru xi provi fis-Sala tas-Saltna sakemm dawn ma jfixklux arranġamenti oħrajn tal-kongregazzjoni. M’għandu jitpoġġa ebda invit fuq in-notice board. Madankollu, l-anzjani jistgħu jagħmlu avviż żgħir matul il-Laqgħa tas-Servizz biex jinformaw lill-kongregazzjoni dwar it-tieġ li jkun se jsir fis-Sala tas-Saltna.
Għalkemm m’hijiex ħtieġa li kulmin jagħmel parti mill-grupp involut fl-arranġamenti tat-tieġ, bħall-bridesmaids, ikun mgħammed, ma jkunx xieraq li jiġu inklużi individwi li l-istil taʼ ħajjithom huwa kuntrarju għall-aħħar għall-prinċipji tal-Bibbja jew li l-kondotta tagħhom tistaʼ tqajjem xi dubji f’moħħ min jattendi. It-tieġ għandu jingħata bidu minn anzjan maħtur, jekk ikun hemm wieħed disponibbli. L-anzjani huma għalliema kwalifikati tal-Kelma t’Alla, allura huma l-iktar uħud kwalifikati biex jenfasizzaw prinċipji Skritturali li japplikaw f’din l-okkażjoni importanti.—1 Tim. 3:2.
Ladarba t-tieġ jirrifletti wkoll fuq l-anzjan li se jagħmel iċ-ċerimonja tat-tieġ, hu wkoll għandu jinżamm informat dwar l-arranġamenti tat-tieġ. Hu se jiltaqaʼ mal-koppja biex jistaqsi dwar l-imġiba morali tagħhom matul l-għerusija; il-koppja għandhom ikunu sinċieri u onesti miegħu. Jekk xi ħadd mill-koppja kien miżżewweġ qabel, dan għandu juri bil-provi li hu ħieles Skritturalment u legalment biex jiżżewweġ. (Mt. 19:9) Dan jinkludi li juri lill-anzjan kopja tad-digriet finali tad-divorzju.
Meta koppja jikkomunikaw bil-miftuħ u jikkooperaw bis-sħiħ maʼ l-anzjani, it-tieġ ikun okkażjoni taʼ ferħ għal kulħadd.—Prov. 15:22; Ebr. 13:17.