L-Ippridkar Iżżommna b’Saħħitna Spiritwalment
1. Liema benefiċċju jagħtina x-xogħol taʼ l-ippridkar?
1 Nistgħu nissaħħu spiritwalment u nżidu l-ferħ tagħna jekk nieħdu sehem attiv fix-xogħol taʼ l-ippridkar. M’għandniex xi ngħidu, aħna nieħdu sehem fil-ministeru primarjament biex nogħġbu lil Ġeħova. Madankollu, meta nobdu l-kmand biex ‘nippridkaw il-kelma,’ aħna nirċievu l-barkiet taʼ Ġeħova u nibbenefikaw aħna stess b’modi oħrajn ukoll. (2 Tim. 4:2; Is. 48:17, 18) Imma kif jistaʼ eżattament l-ippridkar isaħħaħna u jagħmilna ferħanin?
2. Il-ministeru b’liema modi jsaħħaħna?
2 Niġu Msaħħin u Mberkin: L-ippridkar iħeġġiġna biex niffokaw fuq il-barkiet tas-Saltna minflok l-inkwiet tal-preżent. (2 Kor. 4:18) Meta nispjegaw it-tagħlim tal-Bibbja, il-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Ġeħova tissaħħaħ u l-apprezzament tagħna għall-verità jikber. (Is. 65:13, 14) Hekk kif ngħinu lil oħrajn jikbru spiritwalment ħalli ma jkunux “parti mid-dinja,” aħna nsaħħu d-determinazzjoni tagħna stess biex nibqgħu separati mid-dinja.—Ġw. 17:14, 16; Rum. 12:2.
3. Il-ministeru tagħna kif jgħinna nikkultivaw kwalitajiet Kristjani?
3 Meta nieħdu sehem fil-ministeru niġu megħjunin biex nikkultivaw kwalitajiet Kristjani. Per eżempju, meta nistinkaw biex ‘insiru kollox għal nies taʼ kull xorta’ niġu megħjunin biex niżviluppaw umiltà akbar. (1 Kor. 9:19-23) Hekk kif inkellmu lil dawk li huma “maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj,” iktar se nkunu nistgħu nitgħallmu nuru simpatija u nħossu empatija. (Mt. 9:36) Nitgħallmu s-sabar meta nibqgħu nistinkaw minkejja l-apatija jew l-oppożizzjoni. Il-ferħ tagħna jikber meta nagħtu minna nfusna biex ngħinu lil ħaddieħor.—Atti 20:35.
4. Kif tħossok dwar il-ministeru tiegħek?
4 X’barka li għandna ministeru li jġib tifħir lill-uniku Wieħed li jistħoqqlu l-qima tagħna! Il-ministeru jsaħħaħna. Iġib barkiet abbundanti lil dawk li jinsabu okkupati bis-sħiħ biex jagħtu “xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.”—Atti 20:24.