Agħmel Użu Tajjeb mill-Pubblikazzjonijiet Tagħna
1. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju ta’ Ġesù fil-mod kif apprezza l-provvedimenti ta’ Ġeħova?
1 Wara li Ġesù b’mod mirakoluż tema’ folla kbira, hu ra li l-ikel li kien fadal jinġabar. (Mt. 14:19-21) L-apprezzament li Ġesù kellu għall-provvedimenti ta’ Ġeħova huwa t’eżempju mill-aqwa għalina biex ‘nuru li aħna grati’ billi nagħmlu użu tajjeb minn dak kollu li Ġeħova jipprovdi permezz tal-“prokuratur leali.”—Kol. 3:15; Lq. 12:42 Mt. 24:45-47.
2. Kif nistgħu nevitaw li jinġemgħulna ħafna rivisti?
2 Rivisti: Ir-rivisti faċli jinġemgħu. Jekk spiss ikollna rivisti żejda, għandna nnaqqsu n-numru ta’ rivisti li nordnaw. Xi ngħidu għal rivisti iktar antiki? Dawn ma jitilfux il-valur tagħhom maż-żmien. Jekk inġemgħulna numru ta’ rivisti iktar antiki, forsi l-indokratur tas-servizz jew anzjan ieħor jista’ jgħinna nsibu modi effettivi kif inqassmuhom.
3, 4. Liema punti għandna nżommu f’moħħna meta nieħdu l-letteratura mis-Sala tas-Saltna?
3 Letteratura Oħra: Meta l-offerta tinbidel għal pubblikazzjoni differenti, l-ewwel iċċekkja jekk għandekx kopji d-dar tal-pubblikazzjoni għas-servizz ta’ l-għalqa qabel ma tieħu iktar kopji mis-Sala tas-Saltna. Ħu ħsieb li tieħu biżżejjed kopji għall-ġimgħa kollha, u mbagħad erġa’ ħu iktar mill-bank tal-letteratura meta tkun qassamt dawk.
4 Rigward pubblikazzjonijiet għal użu persunali, ordna biss dak li verament għandek bżonn. Ikteb ismek fl-ispazju provdut. Dan se jgħinek ma titlifx il-kopja tiegħek. Jekk tuża l-Watchtower Library fuq CD-ROM u żżomm il-kopji persunali tiegħek tar-rivisti, għandek mnejn ma tħossx li trid tordna kopja persunali ta’ volumi tat-Torri ta’ l-Għassa u Stenbaħ!
5. X’għandna nżommu f’moħħna meta nkunu qed inqassmu l-pubblikazzjonijiet tagħna?
5 Tqassim ta’ Pubblikazzjonijiet: Aħna nistinkaw biex inħallu l-pubblikazzjonijiet tagħna ma’ dawk biss li juru interess ġenwin. Żomm f’moħħok li aħna l-iktar uħud responsabbli għall-ħlas ta’ dawn l-għodod ta’ valur fil-ministeru tagħna. Meta nħallu xi pubblikazzjoni ma’ xi ħadd interessat, iżżommx lura milli tinformah dwar il-privileġġ li għandu li jappoġġa x-xogħol ta’ madwar id-dinja bid-donazzjoni tiegħu.
6. Għala nqisu l-pubblikazzjonijiet bħala li huma daqstant prezzjużi, u dan x’se jqanqalna nagħmlu bihom?
6 Ġesù b’mod mirakoluż ipprovda ikel fiżiku għal oħrajn, iżda iktar minn hekk, spiss kien jitma’ lin-nies spiritwalment. Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:4) Il-pubblikazzjonijiet tagħna jgħallmu veritajiet Bibliċi li huma vitali biex wieħed jikseb il-ħajja ta’ dejjem. (Ġw. 17:3) Huma prezzjużi wisq biex naħluhom!