Lesti Intom għall-Iskola?
1. Liema opportunitajiet hemm jistennewkom hekk kif tibdew l-iskola?
1 Kemm jekk hi l-ewwel sena tagħkom fl-iskola u kemm jekk hi sena oħra, intom iż-żgħażagħ Kristjani tiffaċċjaw sfidi u pressjonijiet ġodda. Imma għandkom ukoll quddiemkom opportunitajiet ġodda biex ‘tixhdu għall-verità.’ (Ġw. 18:37) Intom preparati sew u lesti biex tagħtu xhieda?
2. B’liema modi intom lesti għall-iskola?
2 Sabiex jgħinkom tirnexxu f’kull aspett tal-ħajja, intom irċivejtu ħafna taħriġ minn Ġeħova, mill-ġenituri tagħkom, u mill-ilsir leali u għaqli. (Prov. 1:8; 6:20; 23:23-25; Efes. 6:1-4; 2 Tim. 3:16, 17) Bla dubju, s’issa tafu liema sfidi għandkom tistennew fl-iskola tagħkom. B’taħriġ minn Ġeħova u bl-għarfien dwar l-ambjent li se tiffaċċjaw, ippreparaw ruħkom biex tagħtu xhieda. (Prov. 22:3) Qisu bis-serjetà l-istruzzjoni u s-suġġerimenti Skritturali t’għajnuna li hemm fiż-żewġ volumi taʼ Iż-Żgħażagħ Jistaqsu kif ukoll f’artikli relatati pubblikati regolarment fi Stenbaħ!
3. B’liema modi se tkunu tistgħu tagħtu xhieda?
3 It-territorju uniku tagħkom se jippermettilkom tagħtu xhieda b’ħafna modi. Meta oħrajn josservaw l-ilbies u d-dehra eżemplari tagħkom, il-kondotta u d-diskors tagħkom, ir-rispett tagħkom lejn sħabkom tal-klassi u l-għalliema, u saħansitra l-marki li ġġibu, u jħossu li għandkom pedament sod fil-ħajja, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, “Għala intom daqshekk differenti?” (Mal. 3:18; Ġw. 15:19) Tistaʼ tinfetħilkom opportunità biex tagħtu xhieda u tispjegaw il-konvinzjonijiet tagħkom. (1 Tim. 2:9, 10) Matul is-sena, x’aktarx li se tiffaċċjaw sfidi bħalma huma ċ-ċerimonji u l-btajjel nazzjonalistiċi. Jekk jistaqsukom għala ma tipparteċipawx, se tgħidulhom sempliċement, “Dan imur kontra r-reliġjon tiegħi; jien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova,” jew se tieħdu l-opportunità biex tagħtu xhieda dwar Missierkom, Ġeħova, li jħobbkom? Preparazzjoni tajba bid-direzzjoni taʼ Ġeħova se tgħinkom tkunu lesti biex tagħtu xhieda mill-aħjar lill-għalliema, lil sħabkom l-istudenti, u lil oħrajn.—1 Pt. 3:15.
4. Għala intom fiduċjużi li jistaʼ jkollkom sena skolastika taʼ suċċess?
4 Għalkemm forsi tħossukom xi ftit beżgħanin biex tmorru l-iskola, kunu afu li għandkom l-appoġġ taʼ ħafna li jridu li jkollkom sena skolastika taʼ suċċess. Barra minn hekk, aħna nithennew magħkom minħabba l-prospetti li għandkom biex tagħtu xhieda lil oħrajn fit-territorju uniku tagħkom. Għalhekk, kunu kuraġġużi u lesti għall-iskola!