Laqgħat għas-Servizz tal-Għalqa
1. Għala aħna konċernati dwar li noħorġu fis-servizz tal-għalqa b’mod organizzat?
1 Ġesù tana l-eżempju taʼ li jieħu ħsieb ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna b’mod organizzat u effiċjenti. Bl-istess mod illum, dawk li huma responsabbli minn din il-kampanja taʼ ppritkar tas-Saltna madwar id-dinja jixtiequ ferm li jaraw li wieħed jieħu ħsieb dan ix-xogħol bl-istess mod. F’armonija maʼ dan l-istinkar, il-kongregazzjonijiet madwar id-dinja jużaw il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa bħala mod wieħed kif jorganizzaw gruppi taʼ predikaturi tas-Saltna għas-servizz tal-għalqa.—Mt. 24:45-47; 25:21; Lq. 10:1-7.
2. X’inhu mistenni fil-laqgħat għas-servizz tal-għalqa?
2 Arranġament mill-Aħjar: Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa huma mfasslin biex jipprovdu inkuraġġiment, istruzzjoni prattika, u direzzjoni għal dawk li jkunu se joħorġu fil-ministeru tal-għalqa. L-iskrittura tal-jum tistaʼ tiġi diskussa fil-qosor meta jidher ċar li tapplika għall-ministeru tal-għalqa. Kultant, tfakkiriet mill-Ministeru tas-Saltna, mill-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet fuq il-Bibbja, jew forsi mill-ktieb Ministry School jiġu diskussi sabiex jippreparaw lil kull min ikun preżenti għax-xogħol taʼ dak il-jum. Tistaʼ wkoll tiġi preżentata turija qasira dwar xi pubblikazzjoni li tkun qed tiġi offruta. Qabel it-talba tal-għeluq, kulħadd għandu jkun jaf maʼ min se jaħdem fil-ministeru u fejn jinsab it-territorju li se jinħadem. Ftit wara din il-laqgħa taʼ mhux iktar minn kwarta, kulħadd għandu jkun fi triqtu lejn it-territorju.
3. Min hu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa?
3 Kif Inhuma Organizzati? L-indokratur tas-servizz, li jieħu t-tmexxija, hu responsabbli għall-koordinazzjoni tal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa. L-indokraturi tal-gruppi, jew l-assistenti tagħhom, huma responsabbli biex jakkumpanjaw lill-gruppi tas-servizz tal-għalqa rispettivi tagħhom fi tmiem il-ġimgħa. Xi indokraturi jew qaddejja ministerjali għandhom mnejn ikunu jistgħu jakkumpanjaw lill-gruppi tas-servizz matul il-ġimgħa. L-indokraturi tal-gruppi jaħdmu mill-qrib mal-indokratur tas-servizz sabiex ikollhom territorju biżżejjed għall-grupp tagħhom biex jaħdem minn dar għal dar fi tmiem il-ġimgħa. Matul il-ġimgħa, l-indokratur tas-servizz jidderieġi l-arranġamenti għal dawk li joħorġu lill-gruppi għas-servizz tal-għalqa.
4-6. (a) Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa liema mira għandhom b’konnessjoni mat-territorju tal-kongregazzjoni? (b) X’jistaʼ jiġi kunsidrat biex tiġi determinata l-ħtieġa għal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa?
4 Fejn u Meta Għandhom Isiru Dawn il-Laqgħat? Minflok ma l-kongregazzjoni kollha tiltaqaʼ f’post wieħed, ġeneralment ikun l-aħjar li dawn il-laqgħat isiru f’postijiet konvenjenti, normalment fi djar privati, fit-territorju kollu bl-intenzjoni li t-territorju tal-kongregazzjoni jinħadem b’mod effettiv. Is-Swali tas-Saltna jistgħu jintużaw ukoll għal dan l-iskop. Ħafna kongregazzjonijiet jużaw is-Sala tas-Saltna biex issir laqgħa għas-servizz ftit wara t-taħdita pubblika u l-Istudju tat-Torri tal-Għassa tagħhom nhar taʼ Ħadd. Għandu jsir sforz biex innaqqsu l-ammont taʼ vvjaġġar lejn it-territorju. Għalhekk, l-arranġamenti jistgħu jiġu riveduti perjodikament biex jiġi żgurat li l-postijiet li jkunu qed jiltaqgħu fihom ikomplu jkunu adattati ħalli t-territorju jinħadem b’mod effiċjenti u komplet.
5 L-aħjar ħin biex isiru dawn il-laqgħat u kemm-il darba għandhom jiġu kondotti matul il-ġimgħa jiddependu minn kif ikun magħmul it-territorju. Il-mistoqsijiet li ġejjin jistgħu jservu bħala gwida biex jiġi determinat fejn u meta jkun l-aħjar li jsiru l-laqgħat għas-servizz tal-għalqa.
6 Liema territorju jeħtieġ iktar attenzjoni? Liema hu l-aħjar ħin għax-xogħol minn dar għal dar? Għandu jiġi skedat ħin filgħaxija għax-xogħol minn dar għal dar jew biex isiru ż-żjajjar lura? L-arranġamenti kollha għas-servizz tal-għalqa għandhom jitpoġġew fuq il-bord tal-informazzjoni tal-kongregazzjoni. Hi x-xewqa tal-pubblikaturi kollha tas-Saltna li jkopru bir-reqqa t-territorju assenjat lilhom sa tali punt li aħna wkoll nistgħu ngħidu bħalma qal l-appostlu Pawlu: “M’għadx baqagħli territorju mhux mimsus.”—Rum. 15:23.
7. X’responsabbiltà għandu l-wieħed inkarigat biex joħroġ lill-grupp għas-servizz tal-għalqa?
7 Nikkonduċu Laqgħat għas-Servizz tal-Għalqa: Il-wieħed inkarigat biex jieħu ħsieb din il-laqgħa juri rispett profond lejn dan l-arranġament teokratiku billi jipprepara sew. Dawn il-laqgħat għandhom jibdew fil-ħin u għandhom ikunu istruttivi u qosra, minn 10 minuti sa kwarta. Min jikkonduċi għandu jkollu t-territorju biex jinħadem mill-grupp minn qabel ma tibda l-laqgħa. Għalkemm m’hemmx għalfejn tistenna lil dawk li jiġu tard wara li tkun spiċċat il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, jistaʼ jkun t’għajnuna li tħalli messaġġ dwar fejn ikun qed jaħdem il-grupp. Ilkoll għandhom ikunu fi triqithom lejn it-territorju assenjat ftit wara li tintemm il-laqgħa. Laqgħa organizzata sew u istruttiva għas-servizz tal-għalqa bla dubju se tipprovdi d-direzzjoni neċessarja biex kull min ikun preżenti jwettaq il-ministeru tiegħu dakinhar.—Prov. 11:14.
8. Dawk li jattendu l-laqgħat għas-servizz tal-għalqa b’liema modi jistgħu jikkooperaw maʼ dawk li jieħdu t-tmexxija?
8 Nattendu l-Laqgħat għas-Servizz tal-Għalqa: Il-kooperazzjoni hi essenzjali. (Ebr. 13:17) Meta jkun possibbli, il-wieħed li jorganizza l-grupp se jgħin lil kull min ikollu bżonn lil xi ħadd biex jaħdem miegħu. Hu tajjeb li pubblikaturi tal-esperjenza jkunu preżenti sabiex ikunu t’għajnuna f’li jieħdu ħsieb pubblikaturi ġodda b’inqas esperjenza. Dawk li jkunu lesti li jiġu inkarigati biex kultant jaħdmu maʼ xi ħadd differenti jistgħu jagħmlu ħafna ġid. (Prov. 27:17; Rum. 15:1, 2) Kulħadd għandu jagħmel sforz ġenwin biex ikun puntwali. Ir-rispett tagħna lejn dan l-arranġament teokratiku u l-konsiderazzjoni għall-ħaddiema sħabna se jqanqluna biex nagħmlu l-aġġustamenti neċessarji f’dan ir-rigward.—2 Kor. 6:3, 4; Flp. 2:4.
9. Il-pijunieri b’liema modi siewja jistgħu jappoġġaw dan l-arranġament?
9 L-Appoġġ tal-Pijunieri: L-appoġġ tal-pijunieri fil-laqgħat għas-servizz tal-għalqa hu taʼ valur u inkuraġġanti għal kulħadd. Aħna nifhmu li l-pijunieri għandhom ħafna responsabbiltajiet. Minbarra li jikkonduċu studji tal-Bibbja u jagħmlu żjajjar lura, l-iskeda taʼ kuljum tagħhom tistaʼ tinkludi li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja u l-impjieg sekulari. B’hekk, il-pijunieri m’għandhomx iħossu li huma meħtiġin li jappoġġaw kull laqgħa għas-servizz tal-għalqa organizzata mill-kongregazzjoni, speċjalment jekk dawn isiru kuljum. Madankollu, x’aktarx li jkun possibbli li l-pijunieri jappoġġaw għallinqas xi laqgħat għas-servizz kull ġimgħa. Sa ċertu punt, il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa jgħinu biex iħarrġu lill-membri tal-kongregazzjoni, u l-isfond spiritwali u l-esperjenza tal-pijunieri jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għal oħrajn. Il-parteċipazzjoni kostanti tagħhom fil-ministeru tal-għalqa ppermettitilhom jiksbu l-esperjenza fil-ministeru. Din jistgħu jaqsmuha maʼ ħaddieħor. Il-parteċipazzjoni żeluża tagħhom fil-ministeru u fil-laqgħat għas-servizz tal-għalqa għamlithom eżempju li għandna nimitawh. U l-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn il-laqgħat għas-servizz hi apprezzata ferm.
10. Għala hu xieraq li l-pubblikaturi kollha tas-Saltna jappoġġaw b’qalbhom kollha dan l-arranġament?
10 Bħalma kien il-każ taʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu, parti kbira ħafna mix-xogħol tagħna tal-ippritkar tas-Saltna titwettaq billi nagħtu xhieda minn dar għal dar. Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa jsiru bl-iskop li ninkuraġġixxu lil xulxin u nipparteċipaw b’mod effettiv f’dan ix-xogħol. Il-pubblikaturi kollha tal-aħbar tajba għandhom jappoġġaw dawn l-arranġamenti teokratiċi kemm jistaʼ jkun. (Atti 5:42; 20:20) Jalla lkoll kemm aħna nagħmlu kwalunkwe aġġustament meħtieġ biex nappoġġaw il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa. Billi nagħmlu dan nistgħu nkunu ċerti li għandna l-barka għanja taʼ Ġeħova u nistgħu nferrħu qalb il-Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, hekk kif nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mt. 25:34-40; 28:19, 20.