Meta Għandna Mmorru Lura Għand Uħud Interessati?
1. X’jinvolvi li nagħmlu dixxipli?
1 Il-fatt li tagħmel dixxipli jinvolvi li tmur lura għand kull min juri ħerqa biex jitgħallem dwar l-arranġament tas-Saltna taʼ Ġeħova. (Mt. 28:19, 20) L-aħjar ħin biex nagħmlu żjara lura spiss jiddependi mill-iskeda tagħna kif ukoll tal-persuna interessata. Għala għandna mmorru lura malajr wara l-ewwel żjara tagħna?
2, 3. Għala għandna nipprovaw immorru lura malajr kemm jistaʼ jkun?
2 Għala Mmorru Lura Malajr? Ix-xogħol tal-ippritkar ‘tal-aħbar tajba tas-saltna’ dalwaqt jispiċċa, u t-tmiem taʼ din is-sistema qorob. (Mt. 24:14; 1 Pt. 4:7) Għalhekk, waqt li “jum is-salvazzjoni” għadu disponibbli għal dawk interessati, għandna nagħtu kas it-twissija ‘ppriedka l-kelma b’urġenza,’ li tinkludi li mmorru lura malajr kemm jistaʼ jkun biex nikkultivaw l-interess.—2 Kor. 6:1, 2; 2 Tim. 4:2.
3 Satana huwa ħerqan biex jaħtaf kull żerriegħa tas-Saltna li għandna mnejn inkunu żrajna f’qalb persuna interessata. (Mk. 4:14, 15) Ħafna drabi, membri tal-familja, kollegi tax-xogħol, u oħrajn iwaqqgħu għaċ-ċajt lil dawk li jkunu wrew interess. Jekk immorru lura malajr, inkunu nistgħu nibnu fuq id-diskussjoni li kellna qabel m’oħrajn jirnexxilhom jitfu x-xrara t’interess.
4. Fl-ewwel żjara, kif nistgħu nħejju pedament għal żjara lura?
4 Agħmel Appuntament: Ikun aħjar li qabel ma titlaq mill-ewwel żjara tagħmel arranġamenti speċifiċi biex tmur lura. Qajjem mistoqsija li se twieġeb fiż-żjara li jmiss. Huwa importanti li żżomm rekord bil-miktub tal-ewwel żjara u tal-appuntament meta għandek terġaʼ tmur. Jekk l-iskeda tiegħek tippermettilek, tistaʼ tistaqsi lill-inkwilin biex tmur lura l-għada jew fi żmien qasir. Jekk l-ewwel żjara ssir fi tmiem il-ġimgħa u l-individwu interessat ikun xogħol matul il-ġimgħa, forsi jaqbel li terġaʼ żżuru fit-tmiem il-ġimgħa li jmiss. Meta tagħmel appuntament, kun ċert li żżomm kelmtek.—Mt. 5:37.
5. Il-fatt li mmorru lura mingħajr dewmien kif jistaʼ jgħinna nwettqu l-inkarigu li tana Ġesù biex nagħmlu dixxipli?
5 Għandna raġunijiet tajbin biex immorru lura għand uħud interessati malajr kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, agħmel appuntament u fittex mur lura, għax “iż-żmien li fadal tqassar.” (1 Kor. 7:29) Iktar ma mmorru lura malajr għand l-uħud interessati fil-messaġġ tas-Saltna, iktar hemm ċans li l-isforzi tagħna jkunu produttivi.