‘Agħti Ruħek’ għall-Istudenti Tiegħek
1. X’hemm bżonn biex ngħinu student tal-Bibbja?
1 Biex ngħinu student tal-Bibbja jasal għad-dedikazzjoni, mhuwiex biżżejjed li sempliċement nikkonduċu studju tal-Bibbja regulari miegħu. L-appostlu Pawlu qabbel ir-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li għallem ma’ dik t’omm li tredda’ u li tgħożż lil uliedha. Aħna wkoll kuntenti li nagħtu “ruħna stess” biex ngħinu lill-istudenti tagħna jikbru spiritwalment.—1 Tess. 2:7-9.
2. Għala għandna nuru interess persunali u kif nistgħu nagħmlu dan?
2 Uri Interess Persunali: Hekk kif student tal-Bibbja jibda japplika dak li jitgħallem, il-kuxjenza tiegħu se tqanqlu biex ma jibqax jissieħeb mill-qrib ma’ dawk li ma jgħixux skont il-prinċipji tal-Bibbja. (1 Pt. 4:4) Il-familja tiegħu għandha mnejn tabbandunah. (Mt. 10:34-36) Aħna nistgħu ngħinuh jimla l-vojt emozzjonali billi nuruh interess persunali bi mħabba. Missjunarju tal-esperjenza jagħti l-parir: “Tħaffifx biex titlaq ’il barra wara li jispiċċa l-istudju. Jekk ikun xieraq ibqaʼ miegħu u tkellmu ftit flimkien.” Oqgħod attent għal opportunitajiet biex toffri għajnuna prattika lill-istudent tiegħek. Pereżempju, tistaʼ ċċempillu jew iżżuru meta jkun marid? Tistaʼ tpoġġi mal-istudent tiegħek fil-laqgħat u tgħinu jieħu ħsieb it-tfal, jekk ikun hemm bżonn?
3. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent tagħna jirċievi inkuraġġiment mill-kongregazzjoni?
3 Għajnuna mill-Kongregazzjoni: Jekk tkun qed taħdem fil-ministeru ħdejn id-dar tal-istudent tiegħek, għala ma tagħmillux żjara qasira biex tintroduċi lil dawk li jkunu miegħek fis-servizz? Meta jkun xieraq, kultant stieden pubblikaturi differenti, inkluż anzjani, biex jiġu miegħek fuq l-istudju. Ukoll, ftit wara li tistabbilixxi l-istudju, ħeġġeġ lill-istudent tal-Bibbja tiegħek biex jattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Dan se jgħinu jgawdi sħubija li tibni ma’ membri tal-kongregazzjoni li jistgħu jsiru l-familja spiritwali tiegħu.—Mk. 10:29, 30; Ebr. 10:24, 25.
4. Meta nħabirku kif nistgħu niġu premjati?
4 Ġenitur li bla heda jgħin lil uliedu spiritwalment jimtela bil-ferħ meta huma jieħdu waqfa għal Ġeħova u jibdew jimxu fil-verità. (3 Ġw. 4) Aħna nistgħu nesperjenzaw ferħ simili meta nagħtu ruħna biex ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja tagħna.