Jien Kwalifikat Biex Nipprietka?
1. Għala m’għandniex inħossuna mhux kwalifikati biżżejjed biex nippritkaw?
1 Jekk qatt staqsejt din il-mistoqsija lilek innifsek, agħmel kuraġġ! Mhijiex l-edukazzjoni skolastika jew l-abbiltà naturali speċjali tagħna li tikkwalifikana bħala ministri. Xi wħud mid-dixxipli tal-bidu ġew deskritti bħala “rġiel komuni u taʼ ftit skola.” Minkejja dan, huma kienu predikaturi effettivi tal-aħbar tajba għax kienu determinati li jsegwu l-eżempju li tahom Ġesù.—Atti 4:13; 1 Pt. 2:21.
2. X’kienu ftit mill-karatteristiki tat-tagħlim taʼ Ġesù?
2 Kif Ġesù Għallem: It-tagħlim tiegħu kien sempliċi, prattiku, u jinftiehem faċilment. Il-mistoqsijiet, it-tixbihat, u l-introduzzjonijiet mhux komplikati tiegħu ġibdu l-attenzjoni tas-semmiegħa. (Mt. 6:26) Hu wera interess sinċier fin-nies. (Mt. 14:14) Iktar minn hekk, Ġesù tkellem b’mod kunfidenti u b’awtorità għax kien jaf li Ġeħova kien inkarigah u saħħu biex iwettaq l-inkarigu tiegħu.—Lq. 4:18.
3. Ġeħova kif jgħinna nwettqu l-ministeru tagħna?
3 Ġeħova Jgħinna: Permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu, l-Istruttur Grandjuż tagħna jipprovdilna t-taħriġ li neħtieġu biex nippritkaw l-aħbar tajba b’suċċess. (Is. 54:13) Ladarba Ġeħova ħallielna mniżżel bil-miktub rakkont tal-mod kif Ġesù għallem, aħna nistgħu neżaminaw u nimitaw il-metodi li uża hu. Ġeħova jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu u jħarriġna permezz tal-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Ġw. 14:26) Ukoll, jipprovdi pubblikaturi tal-esperjenza li jistgħu jgħinuna nsiru iktar effettivi.
4. Għala għandna għal xiex inħossuna kwalifikati biex naqsmu l-aħbar tajba ma’ oħrajn?
4 Għandna kull raġun inħossuna kwalifikati biex nippritkaw, ladarba “l-fatt li aħna kwalifikati biżżejjed ġej minn Alla.” (2 Kor. 3:5) Hekk kif nistrieħu fuq Ġeħova u lealment nużaw tajjeb il-provvedimenti li jagħtina bi mħabba, aħna se nkunu ‘kapaċi għalkollox, armati bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.ʼ—2 Tim. 3:17.