Kun Dejjem Lest Biex Toffri Studju tal-Bibbja
1. X’inhu involut f’li nwettqu l-inkarigu li tana Ġesù f’Mattew 28:19, 20?
1 Ġesù tana inkarigu biex ‘nagħmlu dixxipli, u ngħallmuhom.” (Mt. 28:19, 20) Għalhekk, irridu nkunu dejjem lesti biex noffru studji tal-Bibbja u mhux biss fil-ġurnata waħda fi tmiem il-ġimgħa li tiġi mwarrba speċjalment għal dan. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jkunu t’għajnuna.
2. Lil min nistgħu noffru studju tal-Bibbja?
2 Offri Studju tal-Bibbja: Iktar ma noffru studji tal-Bibbja, iktar se jkollna opportunitajiet biex nibdew wieħed. (Ekk. 11:6) Ipprovajt il-metodu dirett? Kongregazzjoni fl-Istati Uniti għamlet sforz ħabrieki biex tagħmel dan għal xahar sħiħ. Kemm ferħu meta bdew 42 studju tal-Bibbja ġdid! Taqbadx u tassumi li l-uħud interessati li żżur jafu li int lest tistudja l-Bibbja magħhom. Meta terġaʼ żżurhom, għax ma toffrilhomx studju? Jekk jgħidu le, ma jkun ġara xejn. Tistaʼ tkompli tkabbar l-interess. Staqsejt lill-ġirien, lill-qraba, lill-kollegi tax-xogħol, u lil sħabek tal-iskola jekk iridux jistudjaw il-Bibbja miegħek? Tistaʼ wkoll tistaqsi l-istudenti tal-Bibbja tiegħek jekk għandhomx ħbieb jew qraba li kieku jieħdu pjaċir bi studju tal-Bibbja.
3. Liema għodda utli għandna biex nibdew studji, u meta nistgħu nużawha?
3 Għodda Utli: Għodda taʼ valur biex tibda studji tal-Bibbja hi l-fuljett Tixtieq Tkun Taf il-Verità? Tistaʼ tagħtih lill-inkwilini sew jekk jaċċettaw letteratura oħra u sew jekk le. Jistaʼ jintuża meta jinħadem territorju tan-negozju, meta tingħata xhieda fit-toroq, meta jintbagħtu l-ittri, u meta jsiru ż-żjajjar lura. Ukoll, jistaʼ jitħalla fid-djar fejn ma jwieġeb ħadd. Għala ma ġġorrux miegħek meta tuża t-trasport pubbliku, meta tmur tixtri, u meta tkun ix-xogħol? Il-paġna taʼ wara tispjega fil-qosor l-arranġament tagħna għal studju tal-Bibbja u tintroduċi l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
4. Kif nistgħu nużaw il-fuljett Taf il-Verità biex nibdew studju?
4 Wara li tagħti l-fuljett lill-individwu, tistaʼ tiġbed l-attenzjoni tiegħu lejn il-mistoqsijiet fuq l-ewwel paġna u tistaqsih, “Liema minn dawn il-mistoqsijiet tinteressak l-iktar?” Imbagħad ikkunsidraw flimkien it-tweġiba mill-fuljett, u aqra jew għid fi kliemek dak li hemm fil-paġna taʼ wara, li jispjega l-arranġament tagħna għal studju tal-Bibbja. Imbagħad tistaʼ turih fejn jistaʼ jsib iktar informazzjoni fuq is-suġġett fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, offri l-ktieb, u agħmel arranġamenti biex tmur lura u tkompli d-diskussjoni.
5. Għala għandna nkunu dejjem lesti biex noffru studju tal-Bibbja?
5 Fit-territorju tagħna għad hemm dawk li jixxennqu jitgħallmu dak li l-Bibbja tgħallem verament. Billi nkunu dejjem lesti biex noffru studju tal-Bibbja se jkollna iktar opportunitajiet biex nesperjenzaw il-ferħ li jiġi milli ngħinu lil oħrajn jaqbdu t-triq li tieħu għall-ħajja.—Mt. 7:13, 14.