Serje Ġdida t’Artikli Biex Nibdew Studji tal-Bibbja
1. Liema serje ġdida se tibda tidher fl-edizzjoni pubblika tat-Torri tal-Għassa, u din għal xiex ġiet disinjata?
1 B’seħħ mix-xahar id-dieħel, se tibda tidher serje ġdida t’artikli fl-edizzjoni pubblika tat-Torri tal-Għassa sabiex tgħinna nibdew studji tal-Bibbja. Din hi intitolata “Tgħallem mill-Kelma t’Alla.” Filwaqt li xi wħud fit-territorju żgur se jieħdu gost jaqraw kull artiklu f’din is-serje, dawn l-artikli fil-fatt huma disinjati biex jiġu diskussi.
2. X’se jkun fihom dawn l-artikli?
2 X’Se Jkun Fihom l-Artikli f’Din is-Serje Ġdida?: It-titlu u s-sottitli huma f’għamla taʼ mistoqsijiet li jsiru lill-inkwilin matul id-diskussjoni. L-iskritturi prinċipali huma ċitati, u mhux kwotati, sabiex l-inkwilin ikun jistaʼ jieħu gost jitgħallem direttament mill-Kelma t’Alla. Il-paragrafi huma qosra sabiex ikunu jistgħu jiġu diskussi proprju fuq l-għatba tal-bieb. Kull artiklu jirreferi għall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, u b’hekk tiġi megħjun ħalli meta jkun xieraq tkompli l-istudju fuq din il-pubblikazzjoni.
3. Meta nippritkaw minn dar għal dar, kif nistgħu nużaw din is-serje t’artikli biex nibdew studju tal-Bibbja fuq l-għatba tal-bieb?
3 Kif Tuża l-Artiklu: Meta toffri r-rivisti tistaʼ tistaqsi mistoqsija li tqajjem l-interess tal-inkwilin dwar is-suġġett prinċipali tal-artiklu. Pereżempju, il-ħarġa tal-1 taʼ Jannar tiddiskuti l-valur tal-Bibbja. Forsi tistaʼ tistaqsih: “Tqisha int il-Bibbja bħala li hi l-Kelma t’Alla jew sempliċement bħala ktieb tajjeb? [Agħti ċans għal tweġiba.] Għandi xi ħaġa interessanti dwar dan is-suġġett.” Aqra l-ewwel mistoqsija, aqra l-ewwel paragrafu, u mbagħad fittex l-iskrittura ċitata. Erġaʼ aqra l-mistoqsija, u stieden lill-inkwilin jikkummenta. Ikkunsidra kemm jistaʼ jkun materjal, skont kemm ikun xieraq, billi tuża l-mistoqsijiet numerati bħala bażi għal diskussjoni. Qabel titlaq, iġbed l-attenzjoni lejn il-mistoqsija li jkun imiss u agħmel arranġamenti speċifiċi biex tmur lura u tiddiskutiha. Erġaʼ mur biex tiddiskuti xi ħaġa oħra mill-artiklu kull ġimgħa sakemm tkun tistaʼ tiħodlu l-ħarġa li jkun imiss. Alternattiva oħra hi li tuża l-metodu dirett u sempliċement toffri studju tal-Bibbja lill-inkwilin. Imbagħad uża l-artiklu tar-rivista biex turi kif isir l-istudju.
4. Kif nistgħu nużaw dawn l-artikli meta nagħmlu żjajjar lura?
4 Tistaʼ wkoll tuża din is-serje ġdida b’mod effettiv fuq xi rotta bir-rivisti jew żjajjar lura oħrajn. Tistaʼ sempliċement tgħid: “It-Torri tal-Għassa fih serje ġdida t’artikli. Ħalli nurik kif tużaha.” Nittamaw li din is-serje ġdida tgħin lil ħafna iktar uħud “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:4.