LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 8/11 pp. 4-6
  • Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-Maċedonja’?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-Maċedonja’?
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2011
  • Materjal Simili
  • Tistaʼ Tgħaddi l-Maċedonja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Tistaʼ Taqdi f’Art Barranija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Modi kif tkabbar il-ministeru tiegħek
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Għandi Mmur Ngħix Barra?
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2011
km 8/11 pp. 4-6

Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-​Maċedonja’?

1. X’qanqal lil Pawlu u lil sħabu biex imorru l-​Maċedonja?

1 Madwar is-​sena 49 E.K., l-​appostlu Pawlu telaq minn Antjokja tas-​Sirja għat-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu. L-​intenzjoni tiegħu kienet li jżur Efesu u bliet oħrajn fl-​Asja Minuri. Madankollu, bl-​ispirtu qaddis irċieva viżjoni li stidnitu biex minflok ‘jgħaddi l-​Maċedonja.’ Hu u sħabu aċċettaw mill-​qalb, u kellhom il-​privileġġ li jistabbilixxu l-​ewwel kongregazzjoni f’dak ir-​reġjun. (Atti 16:9, 10; 17:1, 2, 4) Illum, xi partijiet mill-​għalqa madwar id-​dinja għandhom ħtieġa kbira għal iktar ħaddiema fil-​ħsad. (Mt. 9:37, 38) Int tistaʼ tagħti daqqa t’id?

2. Xi wħud għala ma ħasbux dwar li jmorru jgħixu f’pajjiż barrani?

2 Forsi int tixtieq tkun missjunarju bħal Pawlu, imma ma ħsibtx bis-​serjetà dwar li tmur tgħix f’pajjiż barrani. Pereżempju, jistaʼ jkun li mhuwiex possibbli li tmur għat-​taħriġ f’Gilegħad minħabba l-​età tiegħek jew minħabba li int oħt mhux miżżewġa jew għandek tfal żgħar. Forsi ma ħsibtx dwar li tmur tgħix f’art barranija għax ma tħossokx kunfidenti biżżejjed biex titgħallem lingwa oħra. Jew forsi int immigrant li qed tgħix f’ċertu pajjiż minħabba raġunijiet ekonomiċi, u għal din ir-​raġuni żżomm lura milli tmur f’pajjiż ieħor. Madankollu, wara konsiderazzjoni bit-​talb għandek mnejn issib li dawn iċ-​ċirkustanzi m’għandhomx għalfejn iżommuk milli tmur tgħix f’art barranija fejn hemm il-​bżonn.

3. It-​taħriġ missjunarju għal mhuwiex ħtieġa biex tipprietka b’suċċess f’art barranija?

3 Huwa Ħtieġa t-​Taħriġ Missjunarju? X’għen lil Pawlu u lil sħabu biex ikollhom suċċess? Huma straħu fuq Ġeħova u fuq l-​ispirtu qaddis tiegħu. (2 Kor. 3:1-​5) Għalhekk, anki jekk iċ-​ċirkustanzi tiegħek ma jippermettulekx li tirċievi taħriġ speċjali, int xorta waħda tistaʼ tipprietka b’suċċess f’art barranija. Ftakar ukoll li int qed tirċievi taħriġ kontinwu permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u tal-​Laqgħa tas-​Servizz. U jekk għandek il-​mira li tmur Gilegħad jew skola simili, il-​fatt li tmur tgħix f’pajjiż barrani biex idduq is-​servizz missjunarju se jagħtik esperjenza taʼ valur li tistaʼ tużaha iktar tard jekk tiġi aċċettat għal taħriġ addizzjonali.

4. Uħud akbar fl-​età, għala m’għandhomx jassumu li qatt ma jistgħu jmorru jippritkaw f’pajjiż barrani?

4 Uħud Akbar fl-​Età: Uħud akbar fl-​età li huma maturi spiritwalment u relattivament b’saħħithom jistgħu jkunu t’għajnuna kbira f’pajjiżi fejn hemm il-​bżonn. Irtirajt int mix-​xogħol sekulari? Xi wħud li jirċievu anki pensjoni modesta jistgħu jgħaddu tajjeb f’pajjiż li qed jiżviluppa fejn l-​ispejjeż tagħhom, inkluż l-​ispejjeż għal kura medika taʼ kwalità, huma ħafna inqas minn f’pajjiżhom stess.

5. Irrakkonta esperjenza taʼ ħu rtirat li mar jgħix f’art barranija.

5 Ħu rtirat minn pajjiż fejn jitkellmu bl-​Ingliż, li hu anzjan u pijunier, mar jgħix f’post turistiku popolari fix-​Xlokk tal-​Asja biex jgħin lil grupp taʼ disaʼ pubblikaturi li jitkellmu bl-​Ingliż. Il-​grupp ipprietka lit-​30,000 barrani li kienu jgħixu f’dawk l-​inħawi. Fi żmien sentejn, 50 ruħ kienu qed jattendu l-​laqgħat. Il-​ħu kiteb: “Il-​fatt li ġejt noqgħod hawnhekk ġabli l-​iktar barkiet meraviljużi li qatt gawdejt. M’għandix biżżejjed ħin biex nirrakkonta saħansitra ftit minnhom!”

6. Irrakkonta esperjenza t’oħt mhix miżżewġa li marret tgħix f’pajjiż fejn il-​bżonn kien akbar.

6 Aħwa Nisa Mhux Miżżewġin: Ġeħova uża l-​aħwa nisa b’mod tal-​għaġeb biex l-​aħbar tajba tixxandar f’pajjiżi fejn il-​bżonn hu akbar. (Salm 68:11) Waħda oħt żagħżugħa mhix miżżewġa kellha l-​mira li tkabbar il-​ministeru tagħha f’art barranija, imma l-​ġenituri tagħha bir-​raġun kienu konċernati dwar is-​sigurtà tagħha. Għalhekk, hi għażlet pajjiż li kien stabbli politikament u ekonomikament, kitbet lill-​uffiċċju tal-​fergħa, u rċiviet informazzjoni speċifika t’għajnuna. Matul is-​sitt snin li għexet f’dak il-​pajjiż, hi gawdiet bosta barkiet. Hi tgħid: “Id-​dar kien ikolli ftit opportunitajiet għal studji tal-​Bibbja. Imma peress li qdejt fejn kien hemm bżonn akbar stajt nikkonduċi ħafna studji u verament niżviluppa l-​abbiltà tat-​tagħlim tiegħi.”

7. Irrakkonta esperjenza taʼ familja li marret tgħix f’pajjiż barrani.

7 Familji: Jekk għandek it-​tfal, iwaqqfek dan neċessarjament milli tmur tgħix f’art barranija biex ixxandar l-​aħbar tajba? Familja waħda b’żewġt itfal, li kellhom tmien snin u għaxar snin, iddeċidiet li tipprova. L-​omm tikteb hekk dwar l-​esperjenza tagħhom: “Aħna grati li stajna rrabbu lil uliedna hawnhekk, għaliex assoċjaw maʼ pijunieri speċjali u missjunarji. Ħajjitna tjiebet għax qdejna fejn il-​bżonn hu akbar.”

8. Huwa possibbli li taqdi f’pajjiż barrani mingħajr ma titgħallem lingwa oħra? Spjega.

8 Tħassib Dwar il-​Lingwa: Il-​ħsieb li titgħallem lingwa barranija jżommok milli tmur tgħix f’art barranija? X’aktarx li l-​lingwa tiegħek hi mitkellma f’pajjiżi oħrajn li għandhom bżonn iktar predikaturi tas-​Saltna. Koppja waħda li jitkellmu bl-​Ingliż marru jgħixu f’pajjiż fejn jitkellmu bl-​Ispanjol li għandu popolazzjoni mdaqqsa taʼ immigranti li jitkellmu bl-​Ingliż. Wara li rċivew xi informazzjoni mill-​uffiċċju tal-​fergħa dwar diversi kongregazzjonijiet bl-​Ingliż li kellhom bżonn, għażlu waħda u żaruha darbtejn. Marru lura d-​dar, naqqsu l-​ispejjeż tagħhom taʼ kull xahar, u faddlu l-​flus għal sena. Meta kienu lesti biex ibiddlu l-​pajjiż, l-​aħwa f’dak il-​post għenuhom isibu post fejn jgħixu li setgħu jaffordjaw.

9, 10. Dawk li emigraw minn pajjiżhom x’jistgħu jikkunsidraw, u għala?

9 Emigranti: Emigrajt int minn pajjiżek, forsi qabel ma tgħallimt il-​verità? Għandu mnejn hemm bżonn kbir għal ħaddiema fil-​ħsad fil-​pajjiż fejn twilidt. Tistaʼ forsi tikkunsidra jekk tmurx lura ħalli tgħin? X’aktarx li jkun iktar faċli għalik biex issib xogħol u post fejn toqgħod milli għal xi ħadd li hu minn pajjiż ieħor. Int probabbilment diġà titkellem il-​lingwa lokali. Barra minn hekk, in-​nies għandhom mnejn ikunu iktar lesti li jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna li twasslilhom int milli jwassalhulhom xi ħadd li jqisuh bħala barrani.

10 Wieħed raġel mill-​Albanija mar jgħix l-​Italja bħala refuġjat, sab xogħol tajjeb, u kien qed jibgħat il-​flus lil familtu fl-​Albanija. Wara li ġie fil-​verità, hu beda jgħallem l-​Albaniż lil grupp taʼ pijunieri speċjali Taljani li kienu sejrin jgħixu hemmhekk biex jaqdu fejn il-​bżonn kien akbar. Il-​ħu jikteb: “Kienu sejrin fit-​territorju li jien kont tlaqt. Ma kinux jafu l-​lingwa u kienu ferħanin ħafna biex imorru. Il-​lingwa u l-​kultura tiegħi kienu Albaniżi. X’kont qed nagħmel fl-​Italja?” Il-​ħu ddeċieda li jmur lura l-​Albanija biex jgħin fit-​tixrid tal-​aħbar tajba. Hu jgħid: “Jiddispjaċini li tlaqt ix-​xogħol u l-​flus fl-​Italja? Lanqas xejn! Sibt xogħol taʼ veru fl-​Albanija. Fl-​opinjoni tiegħi, ix-​xogħol li verament jiswa u li jġib ferħ dejjiemi hu li taqdi lil Ġeħova b’kulma għandek!”

11, 12. Dawk li qed jaħsbu biex imorru jgħixu f’art barranija x’għandhom jagħmlu?

11 Kif Tagħmlu: Qabel ma marru l-​Maċedonja, Pawlu u sħabu kellhom l-​intenzjoni li jivvjaġġaw lejn il-​Punent, imma “l-​ispirtu qaddis ma ħallihomx,” u allura reġgħu lura lejn it-​Tramuntana. (Atti 16:6) Meta kienu qrib il-​Bitinja, Ġesù waqqafhom. (Atti 16:7) Ġeħova, permezz taʼ Ġesù, għadu jindokra x-​xogħol tal-​ippritkar. (Mt. 28:20) Għaldaqstant, jekk qed taħseb dwar li tmur tgħix f’art barranija, fittex id-​direzzjoni taʼ Ġeħova bit-​talb.—Lq. 14:28-​30; Ġak. 1:5; ara l-​kaxxa “Kif Tistaʼ Tkun Taf Jekk il-​Pajjiż li Qed Tikkunsidra Għandux Bżonn.”

12 Staqsi għal kummenti onesti mingħand l-​anzjani tiegħek u Kristjani maturi oħrajn. (Prov. 11:14; 15:22) Aqra materjal li ppubblikajna dwar li wieħed jaqdi f’art barranija, u wkoll agħmel xi riċerka dwar kwalunkwe pajjiż li qed tikkunsidra. Tistaʼ żżur il-​pajjiż li int interessat li tmur tgħix fih, forsi għal iktar minn ftit jiem biss? Jekk qed taħseb bis-​serjetà dwar li tmur tgħix f’pajjiż ieħor, tistaʼ tikteb lill-​uffiċċji tal-​fergħa f’dak il-​pajjiż għal iktar informazzjoni, billi tuża l-​indirizz fil-​Yearbook kurrenti. Madankollu, minflok ma tibgħat l-​ittra tiegħek direttament lill-​uffiċċju tal-​fergħa, agħtiha lill-​anzjani lokali tiegħek, li se jżidu l-​kummenti tagħhom qabel ma jibagħtuha lill-​uffiċċju tal-​fergħa.—Ara l-​ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-​Rieda taʼ Ġeħova, paġni 111-​112.

13. L-​uffiċċju tal-​fergħa kif se jgħinek, imma int taʼ xiex int responsabbli?

13 L-​uffiċċju tal-​fergħa se jibgħatlek informazzjoni t’għajnuna dwar il-​pajjiż biex tgħinek tieħu deċiżjonijiet. Imma ma jistax jipprovdi ittri li fihom jgħinek tikseb ċittadinanza, viża, jew formoli legali oħrajn, u lanqas ma jistaʼ jsiblek post fejn toqgħod. Dawn huma kwistjonijiet persunali li se jkollok tagħmel riċerka dwarhom u tieħu ħsiebhom qabel ma tmur f’dak il-​pajjiż. Barra minn hekk, se tkun responsabbli biex tikkuntattja ambaxxati jew konsolati sabiex tikseb informazzjoni dwar ħtiġijiet għall-​viża u dokumenti għax-​xogħol. Dawk li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor għandhom ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet individwali u l-​ħtiġijiet legali tagħhom.—Gal. 6:5.

14. Meta żżur pajjiż fejn ix-​xogħol hu ristrett jew tmur tgħix fih, liema attenzjoni hemm bżonn?

14 Pajjiżi Fejn ix-​Xogħol Hu Ristrett: F’xi pajjiżi, l-​aħwa lokali jridu jkunu diskreti ħafna fil-​qima tagħhom. (Mt. 10:16) Il-​pubblikaturi li jżuru dawn il-​pajjiżi jew imorru jgħixu fihom jistgħu bla ma jindunaw jiġbdu attenzjoni bla bżonn lejn l-​attività tagħna u jipperikolaw lill-​aħwa lokali. Jekk int qed taħseb biex tmur tgħix f’pajjiż bħal dan, jekk jogħġbok ikteb lill-​uffiċċju tal-​fergħa lokali tiegħek permezz tal-​ġemgħa tal-​anzjani tiegħek qabel ma tmur.

15. Dawk li m’għandhomx iċ-​ċirkustanzi biex imorru jgħixu f’pajjiż ieħor, kif jistgħu jkabbru l-​ministeru tagħhom lokalment?

15 Jekk Ma Tistax Tmur Tgħix f’Pajjiż Ieħor: Jekk ma tistax tmur tgħix f’pajjiż ieħor, taqtax qalbek. Forsi hemm miftuħ għalik “bieb kbir [ieħor] għax-​xogħol.” (1 Kor. 16:8, 9) L-​indokratur tas-​circuit tiegħek għandu mnejn jaf b’xi bżonnijiet qrib darek stess. Forsi tistaʼ tgħin f’xi kongregazzjoni jew grupp taʼ lingwa barranija fil-​qrib. Jew forsi tistaʼ tkabbar il-​ministeru tiegħek fil-​kongregazzjoni preżenti tiegħek. Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tiegħek, il-​ħaġa importanti hi li l-​qima tiegħek twettaqha b’ruħek kollha.—Kol. 3:23.

16. Kif għandna nirreaġixxu lejn dawk li jixtiequ jmorru jgħixu f’art barranija?

16 Taf b’xi Kristjan matur spiritwalment li għandu l-​mira li jaqdi f’pajjiż barrani? Mela agħtih l-​appoġġ u l-​inkuraġġiment! Meta Pawlu telaq minn Antjokja tas-​Sirja, din kienet it-​tielet l-​akbar belt fl-​Imperu Ruman (wara Ruma u Lixandra). B’territorju daqstant kbir, il-​kongregazzjoni t’Antjokja x’aktarx li kellha bżonn l-​għajnuna taʼ Pawlu u kienet se timmissjah bil-​kbir jekk jitlaq. Però, il-​Bibbja ma tindikax li l-​aħwa t’hemmhekk skuraġġew lil Pawlu milli jitlaq. Jidher li minflok ma ħasbu biss dwar l-​inħawi tagħhom, huma ftakru li “l-​għalqa hi d-​dinja.”—Mt. 13:38.

17. X’raġunijiet hemm biex tikkunsidra jekk tistax ‘tgħaddi l-​Maċedonja’?

17 Pawlu u sħabu kienu mberkin bil-​kbir talli wieġbu għall-​istedina biex jgħaddu l-​Maċedonja. Filwaqt li kienu fil-​belt Maċedonjana taʼ Filippi sabu lil Lidja, u “Ġeħova fetħilha qalbha beraħ biex taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu.” (Atti 16:14) Immaġina l-​ferħ taʼ Pawlu u taʼ sħabu l-​missjunarji meta Lidja u dawk kollha taʼ darha tgħammdu! F’ħafna artijiet, hemm uħud taʼ qalb onesta bħal Lidja li għadhom ma semgħux il-​messaġġ tas-​Saltna. Jekk ‘tgħaddi l-​Maċedonja,’ forsi tkun tistaʼ tesperjenza l-​ferħ taʼ li ssibhom u tgħinhom.

[Kaxxa f’paġna 5]

Kif Tistaʼ Tkun Taf Jekk il-​Pajjiż li Qed Tikkunsidra Għandux Bżonn

• Fittex fil-​Yearbook kurrenti. Oqgħod attent b’mod partikulari għal kemm hemm pubblikaturi meta mqabblin mal-​popolazzjoni (ratio).

• Uża l-​Index biex tfittex artikli u esperjenzi mill-​pajjiż.

• Tkellem maʼ pubblikaturi li żaru jew għexu fil-​pajjiż.

• Jekk qed tikkunsidra pajjiż li jippermettilek tipprietka bil-​lingwa taʼ pajjiżek, fittex f’sorsi sekulari, bħall-​Internet, biex tara kemm hemm nies hemmhekk li jitkellmu bil-​lingwa tiegħek.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja