Kondotta li Tigglorifika lil Alla
1. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħtu fil-għajn meta jattendu l-konvenzjonijiet distrettwali?
1 Meta aħna nattendu l-konvenzjoni distrettwali nagħtu fil-għajn. F’ħafna bliet fejn isiru l-konvenzjonijiet, l-aġenziji tal-aħbarijiet lokali jinformaw lill-komunità bil-preżenza tagħna. Il-lukandi u r-restoranti spiss ikunu mimlijin bid-delegati, u n-nies li jgħixu hemmhekk jinnotaw li ħafna viżitaturi jkunu lebsin il-badges tal-konvenzjoni. Dawn li ġejjin huma xi tfakkiriet li se jgħinuna nigglorifikaw lil Alla bil-kondotta tajba tagħna meta nkunu fil-post fejn issir il-konvenzjoni.—1 Pt. 2:12.
2. Kif nistgħu nigglorifikaw lil Alla billi nilbsu modest waqt li nkunu fil-post fejn issir il-konvenzjoni?
2 Ilbies Modest: L-ilbies modest tagħna waqt li nattendu l-programm spiss jimpressjona lil dawk li jarawna. Madankollu, l-istil tal-ilbies tagħna f’ħinijiet oħrajn—bħal pereżempju meta naslu fil-lukanda, meta nieklu fir-restoranti f’dawk l-inħawi, u meta mmorru nixtru—jistaʼ saħansitra jħalli iktar effett fuq dawk li josservawna. Għalkemm f’dawk il-ħinijiet m’hemmx għalfejn li nilbsu lbies bħalma nilbsu fil-konvenzjoni, dak li nilbsu għandu jkun modest, dinjituż, u mhux każwali żżejjed. Dawk li josservawna għandhom jaraw differenza bejnna u bejn oħrajn. (Rum. 12:2) Barra minn hekk, għandna nilbsu l-badge tal-konvenzjoni, għax din tirreklama l-konvenzjoni, tagħtina opportunità biex nagħtu xhieda, u biex delegati oħrajn ikunu jistgħu jagħrfuna.
3. Kif nistgħu nuru paċenzja u manjieri tajbin?
3 Paċenzja u Manjieri Tajbin: Fi żmien fejn ħafna fid-dinja jimpurtahom biss minnhom infushom u mhumiex grati, kemm se jkunu rifreskanti l-paċenzja u l-manjieri tajbin tagħna għal dawk li jarawna, bħall-impjegati tal-lukanda u tar-restoranti. (2 Tim. 3:1-5) Meta nżommu l-postijiet jew immorru fil-kju biex nieħdu l-pubblikazzjonijiet li jkunu ħarġu fil-konvenzjoni, m’għandniex infittxu dak li jaqbel lilna, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor. (1 Kor. 10:23, 24) Wara li attenda l-ewwel konvenzjoni tiegħu, raġel interessat qal, “Ma niftakar l-ebda taħdita li ngħatat dakinhar, imma l-kondotta tax-Xhieda ħalliet impressjoni dejjiema fuqi.”
4. Għala għandna nikkunsidraw li naqdu bħala volontieri fil-konvenzjoni jekk jippermettulna ċ-ċirkustanzi tagħna?
4 Volontieri: Il-Kristjani veri huma magħrufin li jagħmlu xogħol volontarju minn rajhom. (Salm 110:3) Tistaʼ taqdi bħala volontier biex tgħin fil-konvenzjoni? F’post fejn saret konvenzjoni waħda, madwar 600 ħu u oħt offrew ruħhom biex inaddfu qabel il-konvenzjoni. L-istaff qal: “Din hi l-iktar ħaġa tal-għaġeb li qatt rajna! Huwa diffiċli biex timmaġina li dawn in-nies kollha huma volontieri.” Aħna għandna sebaʼ mitt sena biex ikollna l-konvenzjonijiet distrettwali tal-2013 u jkollna l-opportunità mhux biss biex nisimgħu u nobdu lil Alla imma wkoll biex nigglorifikawh.
[Kaxxa f’paġni 3-6]
Tfakkiriet għall-Konvenzjoni Distrettwali 2013
◼ Ħinijiet tal-Programm: Il-bibien se jinfetħu fit-8:00 a.m. Il-mużika se tibda fid-9:20 a.m., it-tlett ijiem kollha. F’dak il-ħin, ilkoll kemm aħna għandna nsibu postna sabiex il-programm ikun jistaʼ jibda b’mod dinjituż. L-għanja u t-talba tal-għeluq tal-Ġimgħa u s-Sibt se jibdew fil-4:50 p.m., u l-Ħadd fit-3:35 p.m.
◼ Postijiet: Il-postijiet jistgħu jintrefgħu biss għal dawk li jgħixu fid-dar tiegħek, għal dawk li jivvjaġġaw fl-istess karozza miegħek, jew għal dawk li bħalissa qed tikkonduċi studju tal-Bibbja magħhom. Is-siġġijiet għal dawk imdaħħlin fiż-żmien u għal dawk neqsin mis-saħħa huma limitati, u għalhekk jistaʼ ma jkunx possibbli li l-membri kollha tal-familja tagħhom joqogħdu bilqiegħda ħdejhom. Jekk jogħġobkom, dawn is-siġġijiet ħalluhom għal dawk imdaħħlin fiż-żmien u għal dawk neqsin mis-saħħa u għal dawk li jassistuhom.—1 Kor. 13:5.
◼ Donazzjonijiet: Nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-arranġamenti tal-konvenzjoni billi nikkontribwixxu volontarjament għax-xogħol taʼ madwar id-dinja fil-konvenzjoni. Jekk jingħata xi ċekk, dan għandu jintgħamel pagabbli lil “IBSA (Malta).”
◼ Medikazzjoni: Jekk tieħu xi mediċina preskritta, jekk jogħġbok kun ċert li ġġib miegħek kemm għandek bżonn, ladarba fil-konvenzjoni ma jkunx hemm mediċina disponibbli. Siringi u labar li jintużaw minn uħud dijabetiċi għandhom jintremew kif suppost bħala skart perikoluż u mhux fejn jintrema l-iskart normali fil-post li ssir il-konvenzjoni jew fil-lukanda.
◼ Żraben: Kull sena jseħħu għadd taʼ inċidenti konnessi maż-żraben, speċjalment żraben b’takkuna għolja. Ikun aħjar li tagħżel żarbun modest li jiġik sew u li jippermettilek timxi fuq rampi, fit-taraġ, fuq l-ispralli, u affarijiet bħal dawn bla ma tweġġaʼ.
◼ Puxċers: Il-puxċers m’għandhomx jinġiebu fil-post tal-konvenzjoni. Madankollu, jistgħu jinġiebu siġġijiet tat-tfal li jipprovdu sigurtà (child safety seats) jekk jistgħu jitpoġġew fuq siġġu ħdejn il-ġenituri.
◼ Fwejjaħ: Ħafna konvenzjonijiet qed isiru f’postijiet magħluqin li jiddependu minn ventilazzjoni mekkanika. Għalhekk, inkunu qed nuru qalb tajba min-naħa tagħna jekk nillimitaw l-użu taʼ fwejjaħ qawwijin li jistgħu jikkaġunaw irritazzjoni lil dawk li jbatu bi problemi respiratorji jew problemi relatati.—1 Kor. 10:24.
◼ Formoli Please Follow Up (S-43): Il-formola Please Follow Up għandha tintuża biex tipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe interess li jkun intwera waqt xhieda informali matul il-konvenzjoni. Il-formoli mimlijin jistgħu jingħataw lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek wara l-konvenzjoni.
◼ Restoranti: Onora isem Ġeħova bl-imġiba mill-aqwa tiegħek fir-restoranti. Ilbes b’mod li jkun xieraq għal Kristjan. Ħalli tipp jekk din tkun l-użanza.
◼ Servizz taʼ Volontieri: Kull min jixtieq jaqdi bħala volontier għandu jmur fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri tal-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena wkoll jistgħu jagħtu daqqa t’id billi jaħdmu taħt is-superviżjoni taʼ ġenitur jew taʼ min jieħu ħsiebhom jew adult ieħor bl-approvazzjoni taʼ xi ħadd minnhom.