Mis-6 taʼ Jannar Se Nibdew Nistudjaw il-Ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah
1. Mis-6 taʼ Jannar, liema opportunitajiet se jkollna biex nersqu eqreb lejn Ġeħova?
1 Ġeħova jridna nersqu qrib lejh. (Ġak. 4:8) Biex niġu megħjuna nagħmlu dan, mill-ġimgħa li tibda fis-6 taʼ Jannar fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni se nistudjaw il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah. Rigward l-iskop tal-ktieb, il-paġna tal-ftuħ tgħid: “Billi nimmeditaw fuq kif Jehovah juri kull waħda mill-kwalitajiet tiegħu, naraw kif Ġesù Kristu rriflettiehom b’mod perfett, u nifhmu kif aħna wkoll nistgħu nikkultivawhom, se nersqu eqreb lejn Alla.” Il-kongregazzjonijiet diġà kkunsidraw dan il-ktieb matul l-2004 u l-2005. Madankollu, għal ħafna minn madwar iż-żewġ miljun pubblikatur li ġew fil-verità minn dak iż-żmien ’l hawn, din se tkun l-ewwel darba li l-kwalitajiet mill-isbaħ taʼ Ġeħova se jiġu diskussi fid-dettall. Għal dawk li diġà studjaw il-ktieb, ir-reviżjoni se tgħinhom ikabbru l-apprezzament tagħhom għall-kwalitajiet taʼ Ġeħova.—Salm 119:14.
2. Kif se jiġi studjat il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah?
2 Kif Se Jiġi Studjat: Il-ħu li jikkonduċi jibda b’introduzzjoni qasira, forsi billi jgħid sentenza jew tnejn. M’hemmx miktub liema skritturi għandhom jinqraw, għalhekk matul l-istudju, il-ħu li jikkonduċi se jagħżel skritturi prinċipali biex jinqraw. Ukoll, jistaʼ jistaqsi mistoqsija jew tnejn fl-aħħar taʼ kull lezzjoni bħala reviżjoni. Jekk l-istudju jkun jinkludi l-kaxxa “Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni,” din għandha tintuża bħala r-reviżjoni. Skont ma jippermetti l-ħin, il-ħu li jikkonduċi jistaʼ jqabbad lil xi ħadd jaqra xi skritturi li hemm fil-kaxxa u mbagħad jistaqsi mistoqsijiet supplimentari biex iħeġġeġ lill-udjenza tikkummenta.
3. Hekk kif inkunu qed nistudjaw dan il-ktieb, x’għandna nagħmlu u għala?
3 Ibbenefika bis-Sħiħ: Ipprepara minn qabel anki jekk diġà studjajt dan il-ktieb. Ħu sehem billi tikkummenta, għax dan iġib tifħir lil Ġeħova, jgħinek tiftakar l-informazzjoni, u jibbenefikaw oħrajn li jattendu. (Salm 35:18; Ebr. 10:24, 25) Hekk kif timmedita fuq il-kwalitajiet taʼ Ġeħova li m’hemmx bħalhom, se tersaq eqreb lejh. (Salm 77:11-13) U mill-banda l-oħra, se tkun iktar determinat li tobdi l-kmandamenti tiegħu u iktar motivat biex tgħid lil oħrajn dwaru.—Salm 150:1-6.