Awwissu se jkun xahar storiku taʼ attività!
Fuljett ġdid se jitqassam mad-dinja kollha
1. Liema kampanja speċjali se ssir madwar id-dinja hekk kif noqorbu lejn il-100 sena minn mindu s-Saltna ġiet stabbilita?
1 Qed noqorbu lejn il-100 sena minn mindu s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita. Kemm hu xieraq li nonoraw lil Ġeħova permezz taʼ kampanja speċjali! Matul Awwissu se nieħdu sehem fi tqassim taʼ fuljett ġdid madwar id-dinja bl-isem Fejn nistgħu nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja? Dan il-fuljett se jinkuraġġixxi l-qarrejja biex ifittxu fil-Bibbja għat-tweġibiet u jispjega kif il-Websajt jw.org tistaʼ tgħinhom.
2. Kif nistgħu ningħaqdu fl-“għajta kbira taʼ tifħir lil Ġeħova” li se jkun hemm matul Awwissu?
2 Għajta kbira taʼ tifħir: Sabiex jgħin lill-pubblikaturi jżidu fil-ministeru tagħhom, se jsir provvediment speċjali għal min jixtieq jaqdi bħala pijunier awżiljarju fix-xahar taʼ Awwissu. Matul dak ix-xahar, il-pubblikaturi mgħammdin se jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji billi jagħmlu 30 siegħa fix-xahar. Peress li Awwissu fih ħames Sibtijiet u Ħdud u l-15 taʼ Awwissu hi festa, ħafna pubblikaturi li jaħdmu jew ikunu impenjati matul il-ġimgħa se jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Jekk għandek student tal-Bibbja jew xi ħadd minn uliedek li jikkwalifika għal pubblikatur, tkellem mill-ewwel mal-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani. Kemm se jkun inkuraġġanti għall-uħud bħal dawn biex jingħaqdu magħna bħala pubblikaturi matul dan ix-xahar tant importanti! Ġeneralment, ħafna pijunieri regulari jkunu diġà laħħqu s-sigħat s’Awwissu għalhekk jużaw dak ix-xahar biex jistrieħu. Imma forsi jistgħu jaġġustaw l-iskeda tagħhom biex ikollhom sehem sħiħ f’din il-kampanja speċjali. Issa hu ż-żmien għal familji biex jiddiskutu kif se jingħaqdu fl-“għajta kbira taʼ tifħir lil Ġeħova” li se jkun hemm matul Awwissu.—Esd. 3:11; Prov. 15:22.
3. X’nittamaw li jiġri f’din il-kampanja speċjali?
3 Minkejja li ħadna sehem f’kampanji simili fil-passat, nittamaw li din tkun waħda storika. Nistgħu aħna nilħqu quċċati ġodda fl-ammont taʼ sigħat u fin-numru taʼ pubblikaturi u taʼ pijunieri awżiljarji matul Awwissu? Hekk kif naslu fi tmiem is-sena taʼ servizz 2014, jalla Ġeħova jbierek l-isforzi tan-nies tiegħu mad-dinja kollha sabiex Awwissu jkun l-iktar xahar li jispikka fl-ippritkar!—Mt. 24:14.