Nitgħallmu minn pubblikaturi li għandhom iktar esperjenza
Aħna verament ngħożżu lill-pubblikaturi tal-esperjenza tal-kongregazzjoni. Xi wħud ilhom għal ħafna snin jaqdu b’lealtà lil Ġeħova. Oħrajn għandhom mnejn kisbu abbiltajiet tajbin fil-ministeru dan l-aħħar. Dawn il-pubblikaturi raw kif Ġesù dderieġa lill-kongregazzjoni Kristjana f’dawn l-aħħar jiem billi kabbar l-ippritkar u x-xogħol taʼ li jagħmel dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Billi ħadu sehem fil-ministeru, huma rċivew “il-qawwa iktar min-normal” meta ffaċċjaw sfidi u provi personali. (2 Kor. 4:7) Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-pubblikaturi tal-esperjenza. Meta tingħatalhom l-opportunità, huma jieħdu pjaċir jgħallmu lil oħrajn dak li jkunu tgħallmu. (Salm 71:18) B’hekk, għandna nfittxu l-opportunitajiet biex nitgħallmu minnhom. Dan kif jistaʼ jsir?
Fil-ministeru. Sabiex ikunu effettivi fil-ministeru, pubblikaturi ġodda jew t’inqas esperjenza għandhom bżonn jitħarrġu. Wieħed jistaʼ jitgħallem ħafna meta josserva kif il-pubblikaturi maturi jwettqu l-ministeru. (Ara l-artiklu “Ibqaʼ żeluż fil-ministeru,” it-tielet paragrafu taħt is-sottitlu “Għin lill-pubblikaturi l-ġodda” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Frar 2015.) Kif ibbenefikajt billi ħdimt maʼ wħud bħal dawn fil-ministeru?
Tistaʼ int tistieden lil pubblikatur tal-esperjenza biex jaħdem miegħek fil-ministeru? Jekk il-pubblikatur għandu saħħa batuta, forsi kull tant żmien tistaʼ tikkonduċi wieħed mill-istudji tal-Bibbja tiegħek fid-dar tiegħu. Wara l-istudju, itlob lill-pubblikatur biex jgħidlek x’innota u x’pariri għandu.
Qattaʼ ħin personali magħhom: Sir af pubblikaturi tal-esperjenza billi tqattaʼ l-ħin magħhom. Stieden lil xi ħadd minnhom għall-qima bħala familja tiegħek u intervistah. Jekk il-pubblikatur għandu saħħa batuta, tistaʼ tirranġa biex il-qima bħala familja ssir għandu? Sir af kif ġie fil-verità. Liema barkiet gawda? Liema tkabbir ra lokalment? X’ferħ sab f’li jaqdi lil Ġeħova?
Ifhimhom u tistenniex iżżejjed minnhom. Bħalna lkoll, dawk li ilhom pubblikaturi għandhom għotjiet differenti fil-ministeru. (Rum. 12:6-8) Xi wħud għandhom iż-żmien, u dan jistaʼ jillimita l-ammont taʼ ħin li jistgħu jdumu magħna. Minkejja dan, nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom minħabba l-esperjenza tagħhom f’li jaqdu lil Ġeħova b’lealtà.