Uża b’mod effettiv aspetti tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem
Hekk kif student tal-Bibbja jsir jaf dak li verament tgħallem il-Bibbja u japplika dak li jitgħallem, hu se jikber u ‘jagħti l-frott’ spiritwali. (Salm 1:1-3) Aħna nistgħu ngħinu lill-istudent tagħna jagħmel progress billi nużaw tajjeb xi aspetti t’għajnuna tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
Il-mistoqsijiet tal-introduzzjoni: Kull kapitlu jibda b’mistoqsijiet li se jitwieġbu fil-lezzjoni. Tistaʼ ssaqsi dawn il-mistoqsijiet mingħajr ma tistenna tweġiba ħalli tqanqal l-entużjażmu tal-istudent għad-diskussjoni li se jkollkom. Jew tistaʼ tistiednu jwieġeb fil-qosor kull mistoqsija. Jekk jesprimi idea ħażina, m’hemmx għalfejn tikkoreġih f’dan il-mument. Il-kummenti tiegħu se jgħinuk tagħraf liema punti għandhom bżonn attenzjoni u enfasi.—Prov. 16:23; 18:13.
L-appendiċi: Jekk l-istudent jifhem u jaċċetta l-materjal tal-kapitlu, tistaʼ sempliċement tinkuraġġih jirrivedi waħdu l-appendiċi relatata mal-kapitlu. Fl-istudju li jmiss, tistaʼ tieħu ftit minuti biex tagħmel ċert li fehem l-appendiċi. Inkella, jekk taħseb li se jibbenefika iktar, tistaʼ twarrab xi ħin mill-istudju biex tiddiskuti l-materjal fl-appendiċi jew porzjon minnu, billi taqra l-paragrafi u ssaqsi mistoqsijiet li tkun ħejjejt minn qabel.
Il-kaxxa bħala reviżjoni: Il-kaxxa bħala reviżjoni fl-aħħar taʼ kull kapitlu fiha stqarrijiet li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-introduzzjoni. Tistaʼ tuża din il-kaxxa biex tagħmel ċert li l-istudent tiegħek jifhem u kapaċi jispjega l-punti prinċipali. Aqraw kull stqarrija flimkien b’leħen għoli u kif ukoll l-iskritturi li hemm magħhom. Imbagħad stieden lill-istudent tiegħek juża l-iskrittura jew l-iskritturi biex jispjega għala din l-istqarrija hi minnha.—Atti 17:2, 3.