Ħu bħala mudell lill-profeti—Ħabakkuk
1. Lil Ħabakkuk għala għandu mnejn inqabbluh magħna?
1 Hekk kif niffaċċjaw l-affarijiet mill-agħar li qed jiżdiedu f’din id-dinja, għandu mnejn inħossuna bħal Ħabakkuk, li saqsa lil Ġeħova: “Għaliex tħallini nara dak li hu taʼ wġigħ, u int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-inkwiet?” (Ħab. 1:3; 2 Tim. 3:1, 13) Meta nimmeditaw fuq il-messaġġ taʼ Ħabakkuk u l-eżempju taʼ lealtà tiegħu, dawn jistgħu jgħinuna nissaportu hekk kif nistennew il-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova.—2 Pt. 3:7.
2. Kif nistgħu nuru li qed ngħixu permezz tal-fedeltà llum?
2 Għix permezz tal-fedeltà: Minflok ma ħalla lilu nnifsu jinħakem mis-sitwazzjoni taʼ madwaru, Ħabakkuk baqaʼ mqajjem u attiv spiritwalment. (Ħab. 2:1) Ġeħova aċċerta lill-profeta li l-kelma Tiegħu kienet se sseħħ eżatt fil-ħin u li “l-ġust permezz tal-fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix.” (Ħab. 2:2-4) Dan xi jfisser għall-Kristjani li qed jgħixu fl-aħħar nett taż-żmien tat-tmiem? Iktar importanti milli nkunu nafu meta t-tmiem se jiġi, għandna nkunu konvinti li se jiġi. Il-fidi tqanqalna nibqgħu għassa u nagħtu prijorità lill-ministeru.—Ebr. 10:38, 39.
3. Għala għandna nibqgħu ferħanin waqt li naqdu lil Ġeħova?
3 Ifraħ b’Ġeħova: Meta Gog taʼ Magog jattakka n-nies taʼ Ġeħova, il-fidi tagħna se tiġi ttestjata. (Eżek. 38:2, 10-12) Il-ġlied iġib it-tbatija, anki lil dawk li eventwalment jirbħu. L-ikel forsi jkun skars, għandu mnejn tintilef il-proprjetà, u l-livelli tal-ħajja jistgħu jinbidlu drastikament għall-agħar. Kif se naġixxu meta jinqalgħu l-problemi? Ħabakkuk stenna li jkun hemm it-tbatija, u allura ddeċieda li jibqaʼ ferħan waqt li jaqdi lil Ġeħova. (Ħab. 3:16-19) “Il-ferħ taʼ Ġeħova” wkoll se jgħinna nissaportu provi fil-futur.—Neħ. 8:10; Ebr. 12:2.
4. X’ferħ jistaʼ jkollna issa u fil-futur?
4 Ġeħova se jsalva lil xi wħud matul il-jum li ġej taʼ ġudizzju. Dawn se jkomplu jiġu edukati skont kif Alla jixtieqhom jgħixu. (Ħab. 2:14) Dawk li jirxoxtaw ukoll se jitgħallmu dwar Ġeħova. Anki issa, jalla nużaw kull opportunità biex nitkellmu dwar Ġeħova u x-xogħol mill-isbaħ tiegħu!—Salm 34:1; 71:17.