GĦIX BĦALA KRISTJAN
“Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-kuraġġ”
Meta l-kongregazzjoni f’Ruma semgħet li kien ġej Pawlu, grupp t’aħwa vvjaġġaw madwar 64 kilometru biex jiltaqgħu miegħu. L-imħabba mingħajr egoiżmu tagħhom kif affettwat lil Pawlu? “Malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-kuraġġ.” (At 28:15) Għalkemm Pawlu kien magħruf li jinkuraġġixxi l-kongregazzjonijiet li kien iżur, din id-darba waqt li kien priġunier, kien hu li rċieva l-inkuraġġiment.—2Ko 13:10.
Illum, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet jivvjaġġaw minn kongregazzjoni għal oħra biex jinkuraġġixxu lill-aħwa. Bħall-poplu kollu t’Alla, xi drabi huma wkoll iħossuhom għajjenin, ansjużi, u skuraġġiti. Id-darba li jmiss li l-indokratur u martu jiġu fil-kongregazzjoni tiegħek, x’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jagħmlu l-kuraġġ, u b’hekk ‘tinkuraġġixxu lil xulxin’?—Rum 1:11, 12.
Appoġġja l-laqgħat tas-servizz tal-għalqa. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jiġi inkuraġġit meta l-pubblikaturi jagħmlu sagrifiċċji biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ġimgħa speċjali t’attività. (1Te 1:2, 3; 2:20) Ikkunsidra li tagħmel pijunier awżiljarju matul ix-xahar li jkun qed iżur il-kongregazzjoni. Tistaʼ int toffri li taħdem miegħu jew maʼ martu fil-ministeru jew tieħu lil xi ħadd minnhom miegħek fuq studju tal-Bibbja? Huma jieħdu pjaċir jaħdmu maʼ pubblikaturi differenti, inkluż dawk li huma ġodda jew dawk li jħossu li ma tantx huma tajbin f’li jippritkaw.
Kun ospitabbli. Tistaʼ int toffrilhom post fejn joqogħdu jew tistidinhom għall-ikel? Dan juri lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u l-mara tiegħu li int tħobbhom. Huma ma jistennew xejn elaborat.—Lq 10:38-42.
Ismaʼ mid-direzzjoni u l-pariri tiegħu u applikahom. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet bi mħabba jgħinna naraw kif nistgħu ntejbu s-servizz li nagħtu lil Ġeħova. Jistaʼ jkun li xi kultant ikollu jagħti parir sod. (1Ko 5:1-5) Hu jieħu pjaċir meta nkunu ubbidjenti u nissottomettu ruħna.—Eb 13:17.
Esprimi l-apprezzament tiegħek. Għid lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u ’l martu kif ibbenefikajt mill-isforzi tagħhom. Tistaʼ tagħmel dan wiċċ imb wiċċ jew permezz taʼ nota jew kard.—Kol 3:15.