ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 43
Taqtax Qalbek!
“Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.”—GAL. 6:9.
GĦANJA 68 Niżirgħu żerriegħa tas-Saltna
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Aħna għala ferħanin u kburin li aħna Xhieda taʼ Ġeħova?
AĦNA ferħanin u kburin li aħna Xhieda taʼ Ġeħova! Aħna l-poplu taʼ Ġeħova u nagħtu prova li aħna x-xhieda tiegħu billi nippritkaw lil oħrajn u ngħallmuhom dwaru. Aħna kuntenti ħafna li nistgħu ngħinu lil xi ħadd li għandu “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem” jibda jemmen bil-verità. (Atti 13:48) Aħna nħossuna bħal Ġesù. Hu “ħass ferħ kbir” meta d-dixxipli tiegħu qalulu l-esperjenzi tajbin li kellhom meta marru jippritkaw.—Lq. 10:1, 17, 21.
2. Kif nistgħu nuru li x-xogħol tal-ippritkar hu importanti ħafna għalina?
2 Ix-xogħol tal-ippritkar hu importanti ħafna għalina. L-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Oqgħod attent il-ħin kollu għalik innifsek u għat-tagħlim tiegħek.” Imbagħad kompla jgħidlu: “Għax jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.” (1 Tim. 4:16) Mela l-ippritkar isalva l-ħajja tan-nies. Aħna noqogħdu attenti għalina nfusna għax irridu nkunu ubbidjenti lejn is-Saltna t’Alla. Għalhekk irridu ngħixu ħajjitna b’mod li nġibu tifħir lil Ġeħova u billi nuru li nemmnu fl-aħbar tajba. (Flp. 1:27) Aħna nuru li qegħdin ‘noqogħdu attenti għat-tagħlim tagħna’ billi nippreparaw sew qabel il-ministeru u billi nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna qabel nippritkaw lil oħrajn.
3. Meta nippritkaw kulħadd se jkun interessat fil-messaġġ tas-Saltna? Agħti eżempju.
3 Għalkemm nagħmlu l-almu tagħna biex nippritkaw, ħafna nies fit-territorju tagħna jaf ma jkunux interessati fil-messaġġ tas-Saltna. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Ħuna Georg Lindal, li mill-1929 sal-1947 ipprietka waħdu f’partijiet differenti tal-Iżlanda. Hu qassam eluf taʼ kotba imma ħadd m’aċċetta l-verità. Hu kiteb: “Xi wħud ma kinux jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja, imma l-biċċa l-kbira tan-nies ma kinux interessati.” Iktar tard, missjunarji li ggradwaw mill-Iskola taʼ Gilegħad ukoll marru hemm biex jgħinu fix-xogħol tal-ippritkar. Imma wara li ppritkaw għal xi snin in-nies xorta ma wrewx interess. Fl-aħħar, wara disaʼ snin, xi nies mill-Iżlanda ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u tgħammdu.b
4. Kif nistgħu nħossuna meta n-nies ma jaċċettawx il-messaġġ tal-aħbar tajba?
4 Meta n-nies ma jkunux iridu jistudjaw il-Bibbja magħna, aħna nħossuna ddiżappuntati. Forsi nħossuna bħall-appostlu Pawlu, li ħass “niket kbir u wġigħ bla waqfien” minħabba li ħafna Lhud ma ridux jemmnu li Ġesù kien il-Messija. (Rum. 9:1-3) Ejja ngħidu li qed tistudja l-Bibbja maʼ xi ħadd. Int taħdem iebes biex tkun għalliem tajjeb u titlob ħafna għall-istudent tiegħek. Imma hu mhux japplika dak li qed jitgħallem, u għalhekk għandek bżonn twaqqaf l-istudju. Jew forsi qatt ma studjajt maʼ xi ħadd li wasal għall-magħmudija. Ifisser dan li hu t-tort tiegħek u li Ġeħova mhux kuntent bil-mod kif tipprietka? F’dan l-artiklu se nwieġbu żewġ mistoqsijiet: (1) X’juri li qed nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar b’mod tajjeb? (2) X’għandna nistennew meta nippritkaw lil oħrajn?
X’JURI LI QED NAGĦMLU X-XOGĦOL TAL-IPPRITKAR B’MOD TAJJEB?
5. Għala x-xogħol li nagħmlu għal Ġeħova mhux dejjem se jkollu r-riżultat li nixtiequ?
5 Il-Bibbja tgħid li persuna li tagħmel ir-rieda t’Alla ‘tirnexxi f’kulma tagħmel.’ (Salm 1:3) Però, dan ma jfissirx li kulma nagħmlu għal Ġeħova se jkollu r-riżultat li nixtiequ. Il-ħajja tagħna hi mimlija inkwiet minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna u taʼ oħrajn. (Ġob 14:1) Ukoll, dawk li jiħduha kontrina kultant jipprovaw iwaqqfuna mix-xogħol tal-ippritkar. (1 Kor. 16:9; 1 Tess. 2:18) Allura, Ġeħova kif jara jekk ix-xogħol tal-ippritkar hux qed nagħmluh b’mod tajjeb? Ejja naraw xi prinċipji mill-Bibbja li jgħinuna nsibu t-tweġiba għal din il-mistoqsija.
Ġeħova japprezza l-isforzi tagħna meta nippritkaw minn dar għal dar, permezz tal-ittri, u permezz tat-telefown (Ara paragrafu 6)
6. Kif nafu li Ġeħova japprezza x-xogħol li nagħmlu anke meta n-nies ma jisimgħux il-messaġġ tas-Saltna?
6 Ġeħova jinnota l-isforzi li nagħmlu u li aħna m’aħniex qed naqtgħu qalbna. Meta nippritkaw b’żelu għax inħobbuh, Ġeħova jkun kuntent bina anke meta n-nies ma jisimgħux. Pawlu kiteb: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu, peress li qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom.” (Ebr. 6:10) Ġeħova jiftakar l-isforz li nagħmlu u l-imħabba li għandna għalih, anke jekk qatt ma kellna student li wasal għall-magħmudija. Għalhekk, il-kliem li Pawlu qal lill-Korintin: “It-taħbit tagħkom fil-Mulej m’huwiex għalxejn,” japplika għalik ukoll anke jekk ix-xogħol iebes li għamilt ma rriżultax f’dak li xtaqt inti.—1 Kor. 15:58.
7. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li qal l-appostlu Pawlu dwar il-ministeru tiegħu?
7 L-appostlu Pawlu kien missjunarju tajjeb ħafna. Pereżempju, hu fforma kongregazzjonijiet ġodda f’ħafna bliet. Imma meta xi nies maqdruh u qalu li ma kienx għalliem tajjeb, hu ma qagħadx jgħid kemm irnexxielu jgħin nies isiru Kristjani. Minflok, Pawlu qal li għamel iktar xogħol. (2 Kor. 11:23) Bħal Pawlu aħna rridu niftakru li l-iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi li nagħmlu l-almu tagħna u ma naqtgħux qalbna.
8. Xi rridu niftakru dwar il-ministeru tagħna?
8 Ix-xogħol tal-ippritkar iferraħ lil Ġeħova. Ġesù bagħat 70 dixxiplu jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna, u meta waqfu mill-ippritkar huma marru lura ferħanin ħafna. Għala? Huma qalu: “Anki d-demonji jintgħamlu sottomessi lejna f’ismek.” Imma Ġesù kkoreġiehom billi qalilhom: “Tifirħux b’dan, li l-ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-smewwiet.” (Lq. 10:17-20) Ġesù kien jaf li mhux dejjem kien se jkollhom riżultati tajbin fil-ministeru tagħhom. Fil-fatt, aħna ma nafux kemm irnexxielhom jgħinu nies isiru Kristjani. Id-dixxipli kellhom jifhmu li l-ferħ ma kienx se jiġi biss minħabba li n-nies jaċċettaw il-messaġġ tagħhom, imma wkoll billi jkunu jafu li Ġeħova huwa kuntent bl-isforzi tagħhom.
9. Skont Galatin 6:7-9, x’jiġri jekk aħna ma naqtgħux qalbna u nibqgħu nippritkaw?
9 Jekk nibqgħu nissaportu l-provi li niffaċċjaw fil-ministeru se nirċievu l-ħajja taʼ dejjem. Meta nagħmlu l-almu tagħna biex nippritkaw u ngħallmu l-aħbar tajba, aħna nkunu qed ‘niżirgħu għall-ispirtu’ billi nħallu l-ispirtu t’Alla jaħdem fil-ħajja tagħna. Jekk “ma negħjewx,” Ġeħova jwegħedna li se jagħtina l-ħajja taʼ dejjem, anke jekk ma nkunu għenna lil ħadd biex jasal għall-magħmudija.—Aqra Galatin 6:7-9.
X’GĦANDNA NISTENNEW META NIPPRITKAW LIL OĦRAJN?
10. Għala meta nippritkaw xi wħud jisimgħu u oħrajn le?
10 Biex persuna taċċetta l-verità, spiss jiddependi minn dak li jkollha f’qalbha. Ġesù spjega dan billi ġab tixbiha taʼ raġel li żeraʼ ż-żerriegħa. Ir-raġel żeraʼ ż-żerriegħa f’ħamrija differenti, imma dik li nżergħet fil-ħamrija t-tajba għamlet il-frott. (Lq. 8:5-8) Ġesù qal li l-ħamrija differenti tirrappreżenta lin-nies li jaġixxu b’modi differenti meta jisimgħu l-messaġġ tal-Kelma t’Alla. (Lq. 8:11-15) Bħal dak ir-raġel, aħna ma nistgħux inkabbru xi ħaġa fil-qalb tan-nies. Ir-responsabbiltà tagħna hi li nkomplu niżirgħu ż-żerriegħa tas-Saltna. Bħalma qal l-appostlu Pawlu, “kull wieħed jirċievi l-premju tiegħu skond il-ħidma tiegħu,” u mhux skont ir-riżultat li jkollu.—1 Kor. 3:8.
Għalkemm Noè prietka għal ħafna snin, ħadd iktar ma daħal fl-arka ħlief il-mara, it-tfal, u n-nisa tagħhom. Minkejja dan, Noè obda lil Ġeħova u għamel ix-xogħol li tah! (Ara paragrafu 11)
11. Ġeħova għala kien kuntent bl-ippritkar taʼ Noè minkejja li n-nies ma semgħux? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
11 Matul l-istorja ħafna qaddejja taʼ Ġeħova ppritkaw lil nies li ma ridux jisimgħu. Pereżempju, Noè kien “predikatur tal-ġustizzja” għal madwar 40 jew 50 sena. (2 Pt. 2:5) Bla dubju, hu ttama li oħrajn kienu se jisimgħu l-messaġġ tiegħu, imma Ġeħova ma qallux li kien se jiġri hekk. Minflok meta qallu biex jibni l-arka, Ġeħova qal: “Trid tidħol fl-arka, int u wliedek u martek u n-nisa taʼ wliedek miegħek.” (Ġen. 6:18) Ukoll, meta Ġeħova qallu kemm kellha tkun kbira l-arka, Noè jaf induna li ħafna nies ma kinux se jisimgħu l-messaġġ, għax ma kienx se jkun hemm ħafna spazju fl-arka. (Ġen. 6:15) Bħalma nafu lanqas persuna waħda ma semgħet il-messaġġ taʼ Noè. (Ġen. 7:7) Ġeħova ħaseb li Noè m’għamilx ix-xogħol tal-ippritkar b’mod tajjeb? Żgur li le! Ġeħova kien kuntent b’Noè għax għamel dak kollu li kien qallu.—Ġen. 6:22.
12. Il-profeta Ġeremija kif baqaʼ jipprietka bil-ferħ minkejja li ma kienx faċli?
12 Il-profeta Ġeremija wkoll ipprietka għal iktar minn 40 sena minkejja li n-nies ma ridux jisimgħu l-messaġġ tiegħu u ħaduha kontrih. Hu tant ħassu skuraġġit minħabba li n-nies bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt li kien qed jaħsibha jiqafx mill-inkarigu tiegħu. (Ġer. 20:8, 9) Imma Ġeremija ma qatax qalbu! X’għenu biex jibqaʼ jipprietka bil-ferħ? Hu ffoka fuq żewġ affarijiet importanti. L-ewwel, il-messaġġ li kien qed iwassal lin-nies kien se jagħtihom “futur u tama.” (Ġer. 29:11) It-tieni, Ġeħova għażel lilu biex iwettaq dan l-inkarigu. (Ġer. 15:16) Aħna wkoll naqsmu messaġġ taʼ tama man-nies u anki lilna, Ġeħova għażilna biex nagħmlu dan ix-xogħol. Meta niffokaw fuq dawn iż-żewġ affarijiet importanti, aħna nistgħu nkunu ferħanin, tkun xi tkun ir-reazzjoni taʼ nies.
13. X’nistgħu nitgħallmu mit-tixbiha taʼ Ġesù li nsibuha f’Marku 4:26-29?
13 Jieħu ż-żmien biex xi ħadd jibni l-fidi tiegħu. Ġesù għallem dan fit-tixbiha tar-raġel li jiżraʼ ż-żerriegħa u mbagħad imur jorqod. (Aqra Marku 4:26-29.) Wara li r-raġel jiżraʼ ż-żerriegħa hi tibda tikber bil-mod, u r-raġel ma jkun jistaʼ jagħmel xejn biex tikber malajr. Int ukoll jaf ikollok tistenna għal tul taʼ żmien sakemm l-istudent tiegħek jibda japplika dak li jkun qed jitgħallem. Għalhekk, bħalma bidwi jkollu jistenna l-ħxejjex tiegħu jikbru, aħna wkoll irridu nistennew il-fidi tal-istudent tikber. Mela tħossokx skuraġġit jew taqtaʼ qalbek jekk l-istudent tiegħek qed idum biex jagħmel progress. Bħal bidwi aħna rridu nkunu paċenzjużi u nistennew lill-istudent biex jieħu d-deċiżjoni li jitgħammed.—Ġak. 5:7, 8.
14. Liema eżempju jurina li n-nies jistgħu jdumu biex jisimgħu l-messaġġ tagħna?
14 F’xi pajjiżi jieħu ħafna żmien biex xi ħadd jasal għall-magħmudija. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Gladys u Ruby Allen, li huma aħwa. Fl-1959, huma ġew inkarigati biex imorru jaqdu bħala pijunieri regolari f’parti mit-territorju taʼ Quebec, il-Kanada.c In-nies t’hemmhekk ma kinux jisimgħu l-messaġġ tagħhom għax kienu jibżgħu mill-ġirien tagħhom u mill-qassisin. Gladys tiftakar: “Għamilna sentejn immorru nippritkaw minn dar għal dar tmien sigħat kuljum u ħadd ma kien jiftħilna! Meta n-nies kienu jarawna wara l-bieb, kienu jerġgħu jidħlu ’l ġewwa. Imma aħna ma qtajniex qalbna.” Bil-mod il-mod l-attitudni tan-nies inbidlet u xi wħud bdew jisimgħu l-messaġġ. Illum, hemm tliet kongregazzjonijiet f’dan it-territorju.—Is. 60:22.
15. X’nitgħallmu dwar ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli mill-1 Korintin 3:6, 7?
15 Biex xi ħadd isir dixxiplu hemm bżonn l-għajnuna taʼ ħafna aħwa. L-aħwa fil-kongregazzjoni kollha jistgħu jgħinu biex xi ħadd jasal għall-magħmudija. (Aqra l-1 Korintin 3:6, 7.) Pereżempju, ħu jħalli fuljett jew rivista maʼ xi ħadd li jkun interessat. Imma hu ma jistax jerġaʼ jmur meta jkun jistaʼ l-inkwilin, allura jgħid lil ħu ieħor biex imur hu. Dan il-ħu jirnexxilu jibda studju tal-Bibbja. Imbagħad, il-ħu għall-istudju jieħu aħwa differenti biex jinkuraġġixxu lill-istudent. Kull ħu jew oħt li tiltaqaʼ mal-istudent se tkun tistaʼ tgħinu biex ikompli jitgħallem dwar Ġeħova. B’hekk, dawk kollha li ħadmu iebes biex jgħinu lill-istudent se jifirħu meta jarawh jitgħammed.—Ġw. 4:35-38.
16. Għala tistaʼ tibqaʼ kuntent fil-ministeru tiegħek anke jekk għandek saħħa batuta?
16 Forsi m’għadekx tipprietka jew tgħallem daqskemm kont qabel minħabba li issa għandek saħħa batuta. Imma inti xorta tistaʼ tkun ferħan b’dak li qed tagħmel. Aħseb dwar l-esperjenza tas-Sultan David u l-irġiel tiegħu meta huma ħelsu lill-familji tagħhom mill-Għamalekin. Mitejn raġel tant kienu għajjenin li ma setgħux imorru biex jiġġieldu, għalhekk huma qagħdu jieħdu ħsieb l-affarijiet. David u l-irġiel tiegħu rebħu l-ġlieda u huma ħadu ħafna affarijiet li jiswew il-flus mingħand l-għedewwa tagħhom. Imbagħad David ordna biex l-affarijiet li ħadu jinqasmu bejn dawk li ġġieldu fil-gwerra u bejn dawk li ħadu ħsieb l-affarijiet. (1 Sam. 30:21-25) Din l-istorja tgħallimna xi ħaġa dwar ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Forsi inti ma tistax tagħmel daqskemm tixtieq fix-xogħol tal-ippritkar u t-tagħlim, imma jekk inti tagħmel l-almu tiegħek xorta tistaʼ tkun ferħan kull darba li xi ħadd isir jaf lil Ġeħova u jitgħammed.
17. Għal xiex għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova?
17 Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli japprezza dak kollu li nagħmlu għalih. Hu jaf li aħna ma nistgħux nisforzaw lin-nies biex jisimgħu l-messaġġ tagħna jew jibdew jaqdu lilu. Imma hu jaf kemm aħna naħdmu iebes għalih u kemm inħobbuh, u għalhekk se jippremjana. Hu jgħallimna wkoll kif inkunu ferħanin fix-xogħol tal-ippritkar anke jekk ma nistgħux nagħmlu ħafna. (Ġw. 14:12) Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkun kuntent bina jekk aħna ma naqtgħux qalbna!
GĦANJA 67 Nippritkaw
a Aħna nieħdu pjaċir meta n-nies ikunu jridu jistudjaw il-Bibbja magħna, imma meta jgħidulna le nħossuna ddiżappuntati. Forsi qed tistudja l-Bibbja ma’ xi ħadd li mhux qed japplika dak li qed jitgħallem. Jew forsi qatt ma kellek student li wasal għall-magħmudija. Ifisser dan li x-xogħol li qed tagħmel għal Ġeħova mhux tajjeb biżżejjed? F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu nibqgħu nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar bl-aħjar mod u kif nistgħu nibqgħu ferħanin sew jekk in-nies jisimgħuna u sew jekk le.
c Ara l-bijografija taʼ Gladys Allen, “Ma Kont Inbiddel Xejn!,” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Settembru 2002.