LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Marzu pp. 8-13
  • Tgħallem Aħseb bħal Ġeħova u Ġesù

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallem Aħseb bħal Ġeħova u Ġesù
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TGĦALLEM AĦSEB BĦAL ĠEĦOVA
  • KUN UMLI
  • “UŻAW L-GĦAQAL”
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Kien Leali Minkejja l-Provi
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Marzu pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10

GĦANJA 31 O imxi m’Alla!

Tgħallem Aħseb bħal Ġeħova u Ġesù

“Kristu bata meta kien bniedem, allura intom ukoll kunu lesti biex taħsbu bħal Kristu.”—1 PT. 4:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif l-appostlu Pietru beda jaħseb bħal Ġesù u kif aħna nistgħu nagħmlu bħalu.

1-2. X’jinkludi li nħobbu lil Ġeħova, u Ġesù kif wera li kien iħobb lil Ġeħova b’moħħu kollu?

“GĦANDEK tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’saħħtek kollha, u b’moħħok kollu.” (Luqa 10:27) Ġesù qal li dan kien l-iktar kmandament importanti fil-Liġi taʼ Mosè. Biex aħna nuru li veru nħobbu lil Ġeħova rridu nħobbuh b’qalbna kollha. Dan jinkludi x-xewqat u l-emozzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, irridu nħobbu lil Ġeħova b’saħħitna u b’ruħna kollha. Però, kif se naraw f’dan l-artiklu nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova bil-mod kif naħsbu. Ovvjament, aħna qatt ma nistgħu nifhmu eżatt kif jaħseb Ġeħova. Imma billi nistudjaw “kif jaħseb Kristu,” nistgħu nifhmu dan aħjar, għax Ġesù imita lil Missieru b’mod perfett.—1 Kor. 2:16.

2 Ġesù kien iħobb lil Ġeħova b’moħħu kollu. Hu kien jaf x’riedu jagħmel Ġeħova u kien lest li jobdih avolja kien jaf li kellu jbati. Peress li kien iffokat fuq li jogħġob lil Missieru, Ġesù ma ħalla xejn itellfu.

3. L-appostlu Pietru x’tgħallem minn Ġesù, u Pietru x’inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jagħmlu? (1 Pietru 4:1)

3 Pietru u l-appostli l-oħrajn kellhom il-privileġġ sabiħ li jqattgħu ħafna ħin maʼ Ġesù u jitgħallmu mill-mod kif kien jaħseb. Meta Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu, inkuraġġixxa lill-Kristjani biex ikunu lesti jaħsbu bħal Kristu. (Aqra 1 Pietru 4:1.) Il-kelma oriġinali li uża għal “kunu lesti” kienet tirreferi għal suldati li jippreparaw lilhom infushom bl-armi għall-gwerra. Mela jekk il-Kristjani jitgħallmu jaħsbu bħal Kristu, se jkunu armati sew biex jiġġieldu kontra x-xewqat ħżiena u kontra d-dinja taʼ Satana.—2 Kor. 10:​3-5; Efes. 6:12.

4. Dan l-artiklu x’se jgħinna nagħmlu?

4 F’dan l-artiklu se naraw il-mod kif kien jaħseb Ġesù u kif nistgħu nimitawh. Mill-eżempju tiegħu se naraw kif nistgħu (1) nitgħallmu naħsbu bħal Ġeħova, għax dan jgħinna biex bħala n-nies tiegħu nkunu fehma waħda, (2) inkunu umli, u (3) nużaw l-għaqal billi nistrieħu fuq Ġeħova bit-talb.

TGĦALLEM AĦSEB BĦAL ĠEĦOVA

5. Darba Pietru kif ma ħasibx bħal Ġeħova?

5 Darba Pietru ma ħasibx bħal Ġeħova. Ġesù kien qal lill-appostli li kellu jmur Ġerusalemm u hemm il-mexxejja reliġjużi kienu se jarrestawh, jittorturawh u joqtluh. (Mat. 16:21) Pietru kien jaf li Ġesù kien il-Messija mwiegħed allura forsi sabha diffiċli jemmen li Ġeħova se jħallih ibati u jmut. (Mat. 16:16) Pietru ħa lil Ġesù fil-ġenb u qallu: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej. Żgur li mhux se jiġrilek dan.” (Mat. 16:22) Pietru ma kienx qed jaħseb bħal Ġeħova u b’hekk ma qabilx maʼ Ġesù.

6. Ġesù kif wera li kien jaħsibha bħal Ġeħova?

6 Ġesù kien jaf kif jaħsibha Missieru u kien jimitah b’mod perfett. Fil-fatt lil Pietru qallu: “Itlaq minn quddiemi Satana! Int taʼ tfixkil għalija, għax m’intix taħseb bħalma jaħseb Alla imma bħalma jaħsbu n-nies.” (Mat. 16:23) Jistaʼ jkun li Pietru ried jgħin lil Ġesù, imma Ġesù kien jaf li biex jobdi lil Ġeħova kellu jbati u jmut, allura m’aċċettax il-parir tiegħu. Dan għallem lil Pietru li anki hu kellu jibda jaħsibha bħal Ġeħova u din hi lezzjoni importanti għalina wkoll.

7. Pietru kif wera li jrid jibda jaħseb bħal Ġeħova? (Ara l-istampa.)

7 Maż-żmien Pietru wera li jrid jibda jaħseb bħal Ġeħova. Kien wasal iż-żmien meta n-nies li ma kinux Lhud setgħu jsiru parti mill-poplu taʼ Ġeħova. Ġeħova ggwida lil Pietru biex jipprietka lil Kornelju, li kien l-ewwel Kristjan minn dan il-grupp taʼ nies. Ma kienx normali li l-Lhud jagħmluha maʼ nies li ma kinux Lhud. Allura Pietru kellu jbiddel il-mod kif jaħseb biex jaċċetta li jippritkalhom. Meta Pietru nduna x’jaħseb Ġeħova dwar nies li ma kinux Lhud, hu biddel l-opinjoni tiegħu fuqhom. B’hekk meta Kornelju bagħat għalih, Pietru mar mingħajr ma ‘qagħad jiddubita.’ (Atti 10:​28, 29) Hu pprietka lil Kornelju u l-familja tiegħu u huma kollha tgħammdu.—Atti 10:​21-23, 34, 35, 44-48.

Kornelju qed idaħħal lil Pietru u sħabu fil-kamra taʼ fuq tad-dar tiegħu.

Pietru dieħel id-dar taʼ Kornelju (Ara paragrafu 7)


8. Kif nistgħu nuru li qed naħsbu bħal Ġeħova? (1 Pietru 3:8)

8 Snin wara, Pietru inkuraġġixxa lill-aħwa biex ikunu “fehma waħda.” (Aqra 1 Pietru 3:8.) Bħala n-nies taʼ Ġeħova, nistgħu nkunu fehma waħda billi nimitaw il-mod kif jaħsibha Ġeħova. Dan nistgħu narawh mill-Bibbja. Pereżempju, Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex ipoġġu s-Saltna fl-ewwel post f’ħajjithom. (Mat. 6:33) Mela immaġina li xi ħadd fil-kongregazzjoni jiddeċiedi li jibda jaqdi lil Ġeħova full-time, pereżempju bħala pijunier regulari. Għandna nitkellmu b’mod pożittiv dwar id-deċiżjoni li jkun ħa u ngħinuh, u mhux naqtgħulu qalbu.

KUN UMLI

9-10. Ġesù kif wera li kien umli ħafna?

9 Fil-lejl qabel miet, Ġesù għallem lil Pietru u l-appostli l-oħra lezzjoni importanti dwar l-umiltà. Qabel, Ġesù bagħat lil Pietru u lil Ġwanni biex imorru jippreparaw għall-aħħar ikla li kien se jiekol magħhom qabel imut. Wisq probabbli huma ppreparaw friskatur u xugamani biex jaħslu saqajhom qabel jieklu. Imma min kien se jkun umli biżżejjed biex jaħsel saqajn l-oħrajn?

10 Ġesù wera li kien umli ħafna billi mill-ewwel ħaslilhom saqajhom. L-appostli baqgħu mistagħġbin meta raw lil Ġesù jagħmel xi ħaġa li s-soltu kienu jagħmluha l-qaddejja. Ġesù neħħa l-ħwejjeġ taʼ fuq, qabad xugaman, dawru maʼ qaddu, tefaʼ l-ilma fi friskatur u beda jaħsel saqajn l-appostli. (Ġw. 13:​4, 5) Jistaʼ jkun li ħa l-ħin sakemm ħasel saqajn l-appostli kollha, inkluż taʼ Ġuda, li kien se jittradih. Imma Ġesù xorta għamel dan kollu. Imbagħad bil-paċenzja qalilhom: “Qed tifhmu għala għamiltilkom hekk? Intom tgħajtuli ‘Għalliem’ u ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Għalhekk, jekk jien, il-Mulej u l-Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, anki intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”—Ġw. 13:​12-14.

Tkun umli mhux b’dak li tgħid biss imma anki b’dak li taħseb dwarek innifsek u dwar oħrajn

11. Pietru kif wera li kien tgħallem ikun umli? (1 Pietru 5:5 u n-nota taʼ taħt) (Ara wkoll l-istampa.)

11 Pietru tgħallem ikun umli minn Ġesù. Wara li Ġesù telaʼ s-sema, Pietru fejjaq raġel li kien ilu ma jistax jimxi minn meta twieled. (Atti 1:​8, 9; 3:​2, 6-8) Ħafna nies rawh jagħmel dan il-miraklu u baqgħu mbellhin. (Atti 3:11) Imma Pietru ma riedx li l-attenzjoni tkun fuqu, avolja kien kiber f’kultura fejn in-nies kien jimpurtahom ħafna li jkunu jidhru importanti. Minflok b’umiltà, Pietru qal lin-nies biex ifaħħru lil Ġeħova u lil Ġesù. Hu qalilhom: “Dan ir-raġel li qed taraw u li tafu, ħa saħħtu permezz t’isem Ġesù u tal-fidi tagħna f’ismu.” (Atti 3:​12-16) Iktar tard, Pietru kiteb ittra lill-Kristjani dwar kemm hi importanti l-umiltà. Il-kliem li uża għenhom jaħsbu f’xi ħadd li qed jilbes xi ħaġa tal-ħwejjeġ. Dan ifakkarna f’meta Ġesù dawwar xugaman maʼ qaddu u ħasel saqajn l-appostli.—Aqra 1 Pietru 5:5 u n-nota taʼ taħt maʼ “umiltà.”

Pietru u Ġwanni fit-tempju. Pietru qed jipponta lejn is-sema u ħdejhom hemm ir-raġel li ma setax jimxi mit-twelid u issa fieq.

Meta Pietru għamel miraklu, kien umli u qal lin-nies biex ifaħħru lil Ġeħova u Ġesù. Aħna wkoll nistgħu nkunu umli billi nagħmlu t-tajjeb u ma nistennewx li oħrajn ifaħħruna jew ituna xi ħaġa (Ara paragrafi 11-12)


12. Aħna kif nistgħu nimitaw lil Pietru u nibqgħu naħdmu biex inkunu umli?

12 Aħna għandna nimitaw lil Pietru u nibqgħu naħdmu biex inkunu umli. Xi ħadd ikun umli mhux b’dak li jgħid biss imma anki b’dak li jaħseb dwaru nnifsu u dwar oħrajn. Fil-fatt, Pietru, meta uża l-kelma “umiltà,” hekk ried ifisser. Aħna nuru qalb tajba m’oħrajn għax inħobbu lil Ġeħova u lin-nies, mhux għax irridu li oħrajn ifaħħruna. Jekk bil-ferħ naqdu lil Ġeħova u ngħinu lill-aħwa, anki meta oħrajn ma jinnotawniex inkunu qed nuru li aħna veru umli.—Mat. 6:​1-4.

“UŻAW L-GĦAQAL”

13. Xi jfisser li ‘nużaw l-għaqal?’

13 Xi jfisser li ‘nużaw l-għaqal?’ (1 Pt. 4:7) Kristjan li juża l-għaqal jagħmel l-aħjar tiegħu biex id-deċiżjonijiet li jieħu jkunu jaqblu ma’ kif jaħsibha Ġeħova. Hu jagħmel ċert li m’hemm xejn iktar importanti f’ħajtu mill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Jifhem ukoll li dejjem għandu x’jitgħallem għax ma jafx kollox. U Kristjan li juża l-għaqal dejjem jistrieħ fuq Ġeħova bit-talb.

14. Pietru meta ma straħx fuq Ġeħova?

14 Fil-lejl qabel miet, Ġesù qal lid-dixxipli: “Dan il-lejl kollha kemm intom se tabbandunawni.” Imma Pietru kien kunfidenti u wieġbu: “Anki jekk l-oħrajn jabbandunawk, jien qatt mhu se nabbandunak!” Iktar tard, Ġesù ta parir lid-dixxipli tiegħu u qalilhom biex ‘jibqgħu għassa u jitolbu kontinwament.’ (Mat. 26:​31, 33, 41) Pietru ma semax mill-parir taʼ Ġesù. Kieku iktar tard kien ikun kuraġġuż biżżejjed biex jgħid li kien dixxiplu taʼ Ġesù. Imma minflok Pietru qal li ma kienx jafu u wara hu ddispjaċieh ħafna.—Mat. 26:​69-75.

15. Ġesù kif uża l-għaqal fil-lejl qabel ma miet?

15 Ġesù dejjem kien jistrieħ fuq Ġeħova bit-talb. Avolja kien perfett, fil-lejl qabel ma miet talab ħafna drabi. B’hekk hu kellu l-kuraġġ biex jagħmel dak li riedu jagħmel Ġeħova. (Mat. 26:​39, 42, 44; Ġw. 18:​4, 5) Wisq probabbli Pietru qatt ma nesa kemm talab Ġesù fil-lejl qabel ma miet.

16. Pietru kif wera li kien tgħallem juża l-għaqal? (1 Pietru 4:7)

16 Maż-żmien Pietru tgħallem jistrieħ iktar fuq Ġeħova bit-talb. Wara li ġie rxoxtat, Ġesù wiegħed lil Pietru u l-appostli l-oħra li kienu se jirċievu l-ispirtu qaddis biex jgħinhom jippritkaw l-aħbar tajba. Imma qalilhom biex sadanittant jistennew f’Ġerusalemm. (Luqa 24:49; Atti 1:​4, 5) Pietru x’għamel waqt li kien qed jistenna? Hu u l-Kristjani l-oħra “komplew jitolbu taʼ spiss.” (Atti 1:​13, 14) Iktar tard, meta kiteb l-ewwel ittra tiegħu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jużaw l-għaqal u jistrieħu fuq Ġeħova bit-talb. (Aqra 1 Pietru 4:7.) Pietru tgħallem jistrieħ fuq Ġeħova u b’hekk setaʼ jgħin u jinkuraġġixxi lill-aħwa.—Gal. 2:9.

17. X’għandna nibqgħu nagħmlu? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Biex nużaw l-għaqal irridu nitolbu lil Ġeħova taʼ spiss. Irridu niftakru li anki jekk inħossu li aħna kapaċi nagħmlu xi ħaġa, għandna nistrieħu fuq Ġeħova bit-talb. Aħna nitolbu lil Ġeħova speċjalment meta jkollna nieħdu deċiżjonijiet importanti. Meta nagħmlu hekk inkunu qed nuru li aħna nafdaw li hu jaf x’inhu l-aħjar għalina.

Pietru tgħallem jistrieħ fuq Ġeħova bit-talb. Aħna wkoll nistgħu nużaw l-għaqal billi nitolbu lil Ġeħova jgħinna, speċjalment meta jkollna nieħdu deċiżjonijiet importanti (Ara paragrafu 17)a


18. Kif nistgħu nkomplu nimitaw il-mod kif jaħseb Ġeħova?

18 Kemm napprezzaw li Ġeħova ħalaqna bil-kapaċità li nimitaw il-kwalitajiet tiegħu. (Ġen. 1:26) Ovvjament ma nistgħux nimitawh b’mod perfett. (Isa. 55:9) Imma bħal Pietru jalla nkomplu naħdmu biex nimitaw il-mod kif jaħseb Ġeħova, inkunu umli, u nużaw l-għaqal.

KIF NISTGĦU . . .

  • nimitaw il-mod kif jaħseb Ġeħova?

  • inkunu umli?

  • ‘nużaw l-għaqal’?

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

a X’JURUNA L-ISTAMPI: Oħt qed tgħid talba f’qalbha waqt li qed tistenna biex tagħmel interview.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja