ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 16
GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan
Li Nersqu Qrib tal-Aħwa Hu Tajjeb Għalina!
“Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien fil-paċi!”—SLM. 133:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nersqu eqreb tal-aħwa u kif se jberikna Ġeħova meta nkunu ħbieb tal-aħwa.
1-2. Liema ħaġa hi importanti għal Ġeħova, u hu x’jixtieqna nagħmlu?
GĦAL Ġeħova hu importanti ħafna kif nittrattaw lil oħrajn. Ġesù qal li aħna għandna nħobbu lil oħrajn bħalna nfusna. (Mat. 22:37-39) Dan ifisser li nuru qalb tajba anki ma’ wħud li ma jaqdux lil Ġeħova. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova li “jtellaʼ x-xemx kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena u jibgħat ix-xita kemm fuq il-ġusti u kemm fuq dawk li mhumiex.”—Mat. 5:45.
2 Ġeħova jħobb lin-nies kollha, imma jħobb b’mod speċjali lil dawk li jobduh. (Ġw. 14:21) Hu jrid li aħna nagħmlu bħalu, allura jinkuraġġina biex ‘inħobbu ħafna’ lil ħutna u nuru “affezzjoni sinċiera” lejhom. (1 Pt. 4:8; Rum. 12:10) Din it-tip taʼ mħabba u affezzjoni hi bħalma nħossu lejn xi ħadd li jiġi minna jew xi ħabib tal-qalb.
3. Xi rridu nagħmlu bl-imħabba li għandna lejn l-aħwa?
3 Bħalma biex tikber pjanta rridu nieħdu ħsiebha, l-istess irridu nibqgħu nieħdu ħsieb l-imħabba tagħna għall-aħwa. L-appostlu Pawlu ta dan il-parir lill-Kristjani: “Ibqgħu ħobbu lil xulxin bħalma jagħmlu l-aħwa.” (Lhud 13:1) Ġeħova jridna nibqgħu naħdmu biex inħobbu lil xulxin. B’hekk f’dan l-artiklu se niddiskutu kif nistgħu nsiru iktar ħbieb tal-aħwa u kif nibqgħu nsaħħu l-ħbiberiji tagħna.
GĦALA GĦANDNA NSIRU IKTAR ĦBIEB TAʼ XULXIN
4. Skont Salm 133:1, xi rridu nkomplu nagħmlu biex napprezzaw lill-aħwa? (Ara wkoll l-istampi.)
4 Aqra Salm 133:1. Aħna naqblu maʼ dak li qal is-salmista li hu “tajjeb u sabiħ” li nkunu ħbieb maʼ dawk li jħobbu lil Ġeħova. Imma bħalma xi ħadd li kuljum jgħaddi minn quddiem siġra sabiħa jistaʼ ma jibqax japprezza s-sbuħija tagħha, aħna jistaʼ jkun li ma nibqgħux napprezzaw il-paċi li għandna bejnietna. Aħna niltaqgħu mal-aħwa taʼ spiss, forsi ħafna drabi fil-ġimgħa. Allura xi rridu nagħmlu biex nibqgħu napprezzawhom? Jekk taʼ spiss naħsbu dwar għala l-aħwa huma importanti għalina u għall-kongregazzjoni, se nsiru nħobbuhom iktar.
Ibqaʼ apprezza l-għaqda sabiħa li hemm fl-organizzazzjoni (Ara paragrafu 4)
5. L-imħabba taʼ bejnietna kif tistaʼ teffettwa lil oħrajn?
5 Meta xi wħud jiġu għal-laqgħat tagħna għall-ewwel darba, jibqgħu impressjonati ħafna bl-imħabba li nuru lejn xulxin. Jistaʼ jkun li dan jikkonvinċihom li sabu l-verità. Fil-fatt, Ġesù qal: “Jekk tħobbu lil xulxin, kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi.” (Ġw. 13:35) Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Sharvi.a Waqt li kienet l-università, bdiet tistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi aċċettat li tmur il-konvenzjoni u wara l-ewwel ġurnata qalet lill-oħt li kienet tistudja magħha: “Il-ġenituri tiegħi qatt m’għannquni, imma waqt il-konvenzjoni, f’ġurnata għannquni 52 darba! Jien ħassejt li Ġeħova qed juża n-nies tiegħu biex jurini kemm iħobbni. Jien irrid inkun parti minn din il-familja.” Sharvi baqgħet tistudja u tagħmel il-bidliet f’ħajjitha, u fl-2024 tgħammdet. Jidher ċar li meta wħud ġodda jaraw ix-xogħol tajjeb li nagħmlu, inkluż l-imħabba taʼ bejnietna, spiss jiġu mmotivati biex jibdew jaqdu lil Ġeħova.—Mat. 5:16.
6. Li nersqu qrib tal-aħwa kif jistaʼ jkun taʼ protezzjoni għalina?
6 Li nersqu qrib tal-aħwa jistaʼ jkun protezzjoni għalina. Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani: “Ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin kuljum . . . ħalli ħadd minnkom ma jwebbes rasu billi jiġi mqarraq bil-qawwa tad-dnub.” (Lhud 3:13) Jekk inkunu skuraġġiti tant li nibdew insibuha diffiċli biex nibqgħu sodi fil-verità, Ġeħova jistaʼ juża lil xi ħu jew oħt biex tinnota u tgħinna. (Slm. 73:2, 17, 23) Żgur li dan l-inkuraġġiment hu taʼ benefiċċju kbir għalina.
7. L-imħabba kif tgħinna nkunu magħqudin? (Kolossin 3:13, 14)
7 Aħna nagħmlu parti minn grupp taʼ nies li jaħdmu iebes biex juru mħabba lejn xulxin. (1 Ġw. 4:11) Dan iġib ħafna barkiet sbieħ. Pereżempju, l-imħabba tgħinna biex ‘inkomplu nissaportu lil xulxin,’ u b’hekk nistgħu nkunu magħqudin. (Aqra Kolossin 3:13, 14; Efes. 4:2-6) Minħabba f’hekk, fil-laqgħat tagħna jkun hemm atmosfera sabiħa li l-ebda grupp ieħor fid-dinja m’għandu.
IRRISPETTAW LIL XULXIN
8. Ġeħova kif jgħinna nkunu magħqudin?
8 L-għaqda li għandna bejnietna minkejja li aħna imperfetti hi possibbli biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova. (1 Kor. 12:25) Il-Bibbja tgħid li aħna ‘niġu mgħallmin minn Alla biex inħobbu lil xulxin.’ (1 Tes. 4:9) Dan ifisser li permezz tal-Bibbja, Ġeħova jgħidilna xi rridu nagħmlu biex nersqu eqreb taʼ xulxin. Aħna ‘niġu mgħallmin minn Alla’ meta nistudjaw il-Bibbja u napplikaw dak li nkunu qed nitgħallmu. (Lhud 4:12; Ġak. 1:25) Dan hu eżatt dak li x-Xhieda taʼ Ġeħova jippruvaw jagħmlu.
9. Rumani 12:9-13 x’jgħallimna dwar li nirrispettaw lill-oħrajn?
9 Il-Bibbja kif tgħallimna nersqu eqreb taʼ xulxin? Aħseb x’qal Pawlu dwar dan f’Rumani 12:9-13. (Aqra.) Innota li hu qalilna biex ‘inkunu minn taʼ quddiem biex nirrispettaw lill-oħrajn.’ Dan xi jfisser? Aħna għandna nfittxu modi kif nuru “affezzjoni sinċiera” m’oħrajn billi nagħmlu affarijiet bħal naħfru, nuru ospitalità, u nkunu ġenerużi. (Efes. 4:32) M’għandekx għalfejn tistenna biex l-aħwa jersqu qrib tiegħek l-ewwel. Ħu l-inizjattiva inti. Jekk tagħmel hekk se tara kemm hu veru l-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.”—Atti 20:35.
10. Kif nistgħu naħdmu iebes ‘biex nirrispettaw lill-oħrajn’? (Ara wkoll l-istampa.)
10 Wara li Pawlu qalilna biex inkunu minn taʼ quddiem biex nirrispettaw lill-oħrajn, inkuraġġiena biex naħdmu iebes u ma nkunux għażżenin. Xi ħadd li jaħdem iebes meta jkollu biċċa xogħol jagħmilha mill-qalb u sew. Proverbji 3:27, 28 jgħid: “Iżżommx lura milli tgħin lil min għandu bżonn jekk tkun tistaʼ tagħmel dan.” Mela meta aħna naraw li xi ħadd għandu bżonn l-għajnuna, nagħmlu li nistgħu biex ngħinuh mill-ewwel. Aħna ma nirraġunawx li se ngħinuh darb’oħra jew inħallu f’idejn xi ħadd ieħor.—1 Ġw. 3:17, 18.
Ħu l-inizjattiva biex tgħin lill-aħwa li għandhom bżonn (Ara paragrafu 10)
11. X’se jgħinna biex nersqu eqreb taʼ xulxin?
11 Mod ieħor kif nirrispettaw lil oħrajn hu billi naħfru mill-ewwel. Efesin 4:26 jgħid: “Tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom irrabjati.” Dan għala hu importanti? Għax jekk nagħmlu hekk, bħalma jgħid vers 27, ma nkunux qed ‘nagħtu opportunità lix-Xitan.’ Fil-Bibbja, Ġeħova kemm-il darba jgħidilna biex naħfru lil xulxin. Kolossin 3:13 jgħid: “Komplu . . . aħfru lil xulxin mill-qalb.” Wieħed mill-aħjar modi kif nersqu qrib tal-aħwa hu billi naħfrulhom. Meta nagħmlu hekk inkunu qed inżommu ‘l-għaqda li jkollna permezz tal-ispirtu qaddis.’ (Efes. 4:3) Mela nistgħu naraw ċar li meta naħfru, inkunu qed ngħinu biex fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jkun hemm il-paċi u l-unità.
12. Ġeħova kif jgħinna biex naħfru?
12 Huwa veru li jaf inħossuha diffiċli biex naħfru lil dawk li jkunu weġġgħuna jew ikunu ġegħluna nħossuna ħażin. Imma bl-għajnuna tal-ispirtu t’Alla se jirnexxilna żgur. Wara li l-appostlu Pawlu inkuraġġiena biex ‘nuru affezzjoni sinċiera lejn xulxin’ u ‘naħdmu iebes,’ hu kiteb: “Ħallu l-ispirtu qaddis iħeġġiġkom.” Dan juri li l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna nkunu żelużi biex inkunu rridu nagħmlu l-ħaġa t-tajba. (Ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż maʼ Rumani 12:11.) Jgħinna wkoll nuru affezzjoni sinċiera lejn xulxin u naħfru lil xulxin mill-qalb. B’hekk, għandna dejjem nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina iktar mill-ispirtu tiegħu.—Luqa 11:13.
“M’GĦANDUX IKUN HEMM FIRDIET FOSTKOM”
13. X’jistaʼ joħloq firdiet fostna?
13 F’kull kongregazzjoni hemm “kull tip taʼ nies,” jiġifieri nies minn backgrounds differenti. (1 Tim. 2:3, 4) Minħabba f’hekk, kull wieħed minna jistaʼ jieħu deċiżjonijiet differenti f’affarijiet bħal x’jilbes u kif jidher, kif jieħu ħsieb saħħtu, u d-divertiment. (Rum. 14:4; 1 Kor. 1:10) Jekk ma noqogħdux attenti, dawn l-affarijiet jistgħu joħolqu firdiet fostna. Imma peress li Alla għallimna nħobbu lil xulxin, irridu noqogħdu attenti li ma ninsistux biex tgħaddi l-opinjoni personali tagħna, sempliċiment għax naħsbu li hija aħjar minn t’oħrajn.—Flp. 2:3.
14. X’għandna dejjem nipprovaw nagħmlu, u għala?
14 Aħna nistgħu nevitaw li jkun hemm firdiet fostna billi dejjem nipprovaw ninkuraġġixxu u nsaħħu lil xulxin. (1 Tes. 5:11) Dan l-aħħar, ħafna li kienu inattivi jew kienu mneħħijin mill-kongregazzjoni reġgħu ġew lura. Aħna lqajniehom bi mħabba. (2 Kor. 2:8) Fil-fatt, ara x’qalet oħt meta reġgħet marret għal-laqgħa wara li kienet ilha inattiva għal għaxar snin. Hi qalet: “L-aħwa kollha bdew jitbissmuli u jiħduli b’idi.” (Atti 3:19) Il-mod kif aġixxew b’qalb tajba magħha, x’effett ħalla fuq din l-oħt? Hi tkompli tgħid: “Ħassejt li Ġeħova kien qed jgħinni nerġaʼ nsir ferħana.” Jekk nipprovaw ninkuraġġixxu lill-oħrajn, Kristu jistaʼ jużana biex insaħħu lil dawk li huma “inkwetati minħabba l-problemi.”—Mat. 11:28, 29.
15. X’inhi ħaġa oħra li rridu nagħmlu biex nibqgħu magħqudin? (Ara wkoll l-istampa.)
15 Ħaġa oħra li tistaʼ tgħinna nibqgħu magħqudin hi l-mod kif nitkellmu. Ġob 12:11 jgħid: “Il-widna teżamina l-kliem bħalma l-ilsien itiegħem l-ikel.” Xi ħadd li jkun qed isajjar dejjem iduq l-ikel biex jara hux tajjeb qabel iservih. L-istess aħna, qabel nitkellmu għandna naħsbu sew dwar x’se ngħidu. (Slm. 141:3) Aħna dejjem għandna nkunu ċerti li dak li se ngħidu hu inkuraġġanti, isaħħaħ, u “jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.”—Efes. 4:29.
Qabel titkellem aħseb dwar x’se tgħid (Ara paragrafu 15)
16. Min speċjalment għandu joqgħod attent li jkun inkuraġġanti meta jitkellem?
16 L-irġiel miżżewġin u l-ġenituri, b’mod speċjali, iridu joqogħdu attenti li jkunu inkuraġġanti meta jitkellmu maʼ tal-familja. (Kol. 3:19, 21; Titu 2:4) L-anzjani wkoll għandhom jippruvaw isaħħu u jinkuraġġixxu lill-aħwa, peress li huma ragħajja għan-nagħaġ taʼ Ġeħova. (Isa. 32:1, 2; Gal. 6:1) Dan jaqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja: “Kelma f’waqtha tagħmel ħafna ġid!”—Prov. 15:23.
URI MĦABBA SINĊIERA ‘B’DAK LI TAGĦMEL’
17. Kif nistgħu nkunu ċerti li qed inħobbu l-aħwa b’mod sinċier?
17 L-appostlu Ġwanni inkuraġġixxa lill-Kristjani: “M’għandkomx turu mħabba b’dak li tgħidu biss, imma turuha wkoll b’dak li tagħmlu, u din trid tkun sinċiera.” (1 Ġw. 3:18) Aħna rridu li l-imħabba tagħna għall-aħwa tkun sinċiera, jiġifieri tkun mill-qalb. Kif nistgħu nkunu ċerti li qed nagħmlu dan? Iktar ma nqattgħu ħin mal-aħwa, iktar se nsiru nafuhom u iktar se nħobbuhom. Mela ħu kull opportunità biex tqattaʼ l-ħin magħhom, pereżempju fil-laqgħat u fuq is-service. Tistaʼ wkoll iżżur lill-aħwa. Meta nagħmlu dawn l-affarijiet, inkunu qed nuru li qed ‘niġu mgħallmin minn Alla biex inħobbu lil xulxin.’ (1 Tes. 4:9) Barra minn hekk, se nkomplu naraw b’mod persunali “kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien fil-paċi!”—Slm. 133:1.
GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin
a Xi ismijiet ġew mibdulin.