LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 2/15 pp. 15-20
  • Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​PAĊI RUMANA
  • L-​IVVJAĠĠAR SAR IKTAR FAĊLI
  • IL-​LINGWA GRIEGA
  • IL-​LIĠI RUMANA
  • IL-​LHUD GĦEXU F’ĦAFNA PAJJIŻI
  • ĠEĦOVA GĦENHOM JIPPRITKAW
  • Ġeħova jiggwida x-xogħol ta’ tagħlim li nagħmlu madwar id-dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Jehovah Jħejji t-Triq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 2/15 pp. 15-20
Kristjan fl-ewwel seklu jipprietka f’port

Jitħejjew il-ġnus għat-​“tagħlim taʼ Ġeħova”

“Il-​prokonslu emmen, għax baqaʼ mgħaġġeb bit-​tagħlim taʼ Ġeħova.”—ATTI 13:12.

TAF TWIEĠEB?

  • Il-​Paċi Rumana kif għamlitha iktar faċli biex id-​dixxipli taʼ Ġesù jippritkaw?

  • It-​titjib fl-​ivvjaġġar kif għen lill-​Kristjani, u l-​lingwa Griega kif għenithom ukoll?

  • Il-​Kristjani kif ibbenefikaw mil-​liġi Rumana u mill-​fatt li l-​Lhud kienu qed jgħixu f’ħafna pajjiżi?

1-3. Għala ma kienx faċli għad-​dixxipli taʼ Ġesù biex jippritkaw l-​aħbar tajba “lill-​ġnus kollha”?

ĠESÙ KRISTU ta lis-​segwaċi tiegħu ħafna xogħol x’jagħmlu. Hu kkmandahom biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ Kellhom jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna” lin-​nies “fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.”—Mattew 24:14; 28:19.

2 Id-​dixxipli kienu jħobbu lil Ġesù u l-​aħbar tajba. Imma abbli ħasbu, ‘Kif nistgħu nagħmlu dak li kkmandana Ġesù?’ L-​ewwel nett, kienu verament ftit fl-​għadd. Ukoll, kienu qed jgħallmu lin-​nies li Ġesù hu l-​Iben t’Alla, imma n-​nies kienu jafu li Ġesù kien ġie maqtul. Iktar minn hekk, bosta wħud ħasbu li d-​dixxipli kienu nies “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu studjaw fi skejjel reliġjużi, imma d-​dixxipli le. U l-​messaġġ li ppritkaw ma kienx jaqbel mat-​tradizzjonijiet Lhud li l-​mexxejja reliġjużi kienu għallmu għal mijiet taʼ snin. Ladarba d-​dixxipli ma ntwerewx rispett f’pajjiżhom stess, jiġifieri f’Iżrael, għandhom mnejn ħasbu li wisq inqas kienu se jsibu nies li jagħtuhom widen fil-​bqija tal-​Imperu Ruman qawwi.

3 Ġesù kien wissa lid-​dixxipli tiegħu li kienu se jkunu mibgħudin u persegwitati u li xi wħud minnhom kienu se jiġu maqtulin. (Luqa 21:16, 17) Il-​ħbieb u l-​familji tagħhom kienu se jittraduhom. Minbarra dan, xi nies li kienu se jgħidu li huma dixxipli taʼ Kristu kienu se jgħallmu l-​gideb. U d-​dixxipli kellhom jippritkaw fi nħawi mimlijin kriminalità u vjolenza. (Mattew 24:10-​12) Allura kif setgħu jippritkaw “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art”? (Atti 1:8) Id-​dixxipli żgur li ħasbu dwar kif kien se jirnexxilhom jagħmlu dan ix-​xogħol minkejja dawn id-​diffikultajiet kollha.

4. X’kien ir-​riżultat tal-​ippritkar?

4 Għalkemm id-​dixxipli kienu jafu li x-​xogħol ma kienx se jkun faċli, huma xorta obdew il-​kmand taʼ Ġesù u ppritkaw f’Ġerusalemm, fis-​Samarija, u anke f’pajjiżi oħra. Wara xi 30 sena, tant kienu marru postijiet li l-​appostlu Pawlu setaʼ jgħid li kienu ppritkaw “fil-​ħolqien kollu.” U nies minn ħafna ġnus differenti kienu saru dixxipli. (Kolossin 1:6, 23) Pereżempju, meta Pawlu pprietka fuq il-​gżira taʼ Ċipru, anke l-​ħakkiem Ruman, jew il-​prokonslu, sar dixxiplu għax “baqaʼ mgħaġġeb bit-​tagħlim taʼ Ġeħova.”—Aqra Atti 13:6-​12.

Ġesù kien wiegħed li se jkun mad-​dixxipli tiegħu u li l-​ispirtu qaddis kien se jgħinhom jippritkaw

5. (a) Ġesù x’wiegħed lid-​dixxipli tiegħu? (b) Ktieb tal-​istorja x’jgħid dwar l-​ewwel seklu?

5 Id-​dixxipli kienu jafu li ma setgħux jippritkaw mal-​art kollha bis-​saħħa tagħhom biss. Imma kienu jafu wkoll li Ġesù kien wiegħed li se jkun magħhom u li l-​ispirtu qaddis kien se jgħinhom. (Mattew 28:20) Ukoll, ċirkustanzi oħra f’dak iż-​żmien setgħu għenu lid-​dixxipli. Infatti, ktieb tal-​istorja jispjega li l-​ewwel seklu probabbli kien l-​aħjar żmien biex il-​Kristjani jibdew jippritkaw. Jispjega wkoll li l-​Kristjani iktar tard ħassew li Alla kien ħejja t-​triq għalihom.

6. (a) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

6 Biddel Ġeħova l-​ġrajjiet fid-​dinja fl-​ewwel seklu ħalli l-​Kristjani jkunu jistgħu jippritkaw? Il-​Bibbja ma tgħidilniex. Imma nafu li Ġeħova ried li n-​nies tiegħu jippritkaw l-​aħbar tajba u li Satana ma kellux ħila jwaqqafhom. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu ftit affarijiet li kien hemm fl-​ewwel seklu li setgħu għamluha eħfef għad-​dixxipli biex jippritkaw. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu xi affarijiet li għenuna fiż-​żminijiet reċenti biex nippritkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja.

IL-​PAĊI RUMANA

7. X’kienet il-​Paċi Rumana, u x’għamilha tispikka?

7 Fl-​ewwel seklu, perijodu taʼ paċi fl-​Imperu Ruman għamilha eħfef biex id-​dixxipli jippritkaw. Dan il-​perijodu kien jissejjaħ il-​Paċi Rumana, jew il-​Pax Romana bil-​Latin. Matul dak iż-​żmien, il-​gvern Ruman waqqaf kwalunkwe rvell, żgħir kemm kien żgħir. Huwa minnu li kien hemm xi gwerer, sewwasew bħalma kien ipprofetizza Ġesù. (Mattew 24:6) Ir-​Rumani qerdu lil Ġerusalemm fis-​sena 70 WK (wara Kristu), u ġġieldu battalji żgħar ħdejn il-​fruntieri tal-​imperu. Imma fil-​biċċa l-​kbira tal-​imperu kien hemm il-​paċi, u d-​dixxipli faċilment setgħu jivvjaġġaw u jippritkaw. Dan il-​perijodu taʼ paċi dam għal xi 200 sena. Ktieb taʼ referenza jgħid li tul l-​istorja umana qatt ma kien hemm perijodu tant twil taʼ paċi li effettwa lil tant nies.

8. Il-​Paċi Rumana kif għenet lid-​dixxipli?

8 Xi 250 sena wara Kristu, studjuż jismu Oriġene kiteb dwar dan iż-​żmien taʼ paċi. Qal li peress li ħafna pajjiżi kienu maħkumin mir-​Rumani, kien eħfef għad-​dixxipli biex jippritkaw f’dawn il-​pajjiżi kollha. In-​nies ma kinux qed jiġġieldu biex jiddefendu pajjiżhom, imma kienu qed jgħixu fil-​paċi fl-​irħula tagħhom. Għaldaqstant, Oriġene ħass li għal din ir-​raġuni ħafna nies setgħu jagħtu widen lid-​dixxipli meta dawn ippritkaw dwar l-​imħabba u l-​paċi. Għalkemm id-​dixxipli kienu persegwitati, huma użaw dak iż-​żmien taʼ paċi bl-​aħjar mod possibbli u ppritkaw l-​aħbar tajba kullimkien.—Aqra Rumani 12:18-​21.

L-​IVVJAĠĠAR SAR IKTAR FAĊLI

9, 10. X’kienu xi affarijiet li għamlu l-​ivvjaġġar iktar faċli għad-​dixxipli?

9 Ir-​Rumani għamlu iktar minn 80,000 kilometru taʼ toroq li għaqqdu kważi kull parti tal-​imperu. Is-​suldati fl-​armata Rumana setgħana setgħu jivvjaġġaw malajr fi kwalunkwe post permezz taʼ dawn it-​toroq biex jiddefendu t-​territorju tagħhom u jwaqqfu kwalunkwe rvell. Dawn it-​toroq kienu jgħaddu minn foresti, deżerti, u muntanji, u l-​Kristjani użawhom biex ikunu jistgħu jippritkaw f’ħafna postijiet.

It-​toroq li għamlu r-​Rumani għamluha iktar faċli biex id-​dixxipli jkunu jistgħu jippritkaw f’ħafna postijiet

10 Minbarra t-​toroq, ir-​Rumani vvjaġġaw ukoll permezz tad-​dgħajjes. Kienu jsalpaw tul ix-​xmajjar u l-​kanali jew ibaħħru lejn mijiet taʼ portijiet madwar l-​imperu kollu. Infatti, ir-​Rumani użaw iktar minn 900 rotta tal-​baħar. B’hekk, il-​Kristjani wkoll setgħu jivvjaġġaw bid-​dgħajsa lejn ħafna postijiet. Ma kellhomx bżonn dokumenti legali, bħal pereżempju passaporti, biex jidħlu f’pajjiżi differenti. Ukoll, ftit li xejn kien hemm ħallelin fit-​toroq għax kienu jafu li r-​Rumani kienu jikkastigaw bl-​aħrax lill-​kriminali. U peress li kien hemm ħafna vapuri tal-​armata Rumana fir-​rotot tal-​baħar, dawk li kienu jivvjaġġaw ma kinux jibżgħu li qatt jistgħu jiġu attakkati mill-​pirati. Għalkemm il-​Bibbja tgħid li Pawlu vvjaġġa b’vapuri li mbagħad ġarrbu nawfraġju u li kien f’periklu fil-​baħar drabi oħra, ma tgħidx li ġie attakkat minn pirati. Għalhekk, l-​ivvjaġġar permezz tat-​toroq u bid-​dgħajsa ġeneralment kien mezz sigur taʼ vvjaġġar.—2 Korintin 11:25, 26.

IL-​LINGWA GRIEGA

Kristjan fl-ewwel seklu jħit flimkien il-paġni taʼ kodiċi

Kien ħafna iktar faċli biex issib Skrittura ġo ktieb (Ara paragrafu 12)

11. Id-​dixxipli għala użaw il-​lingwa Griega?

11 Ħafna postijiet li kienu maħkumin mir-​Rumani kienu ntrebħu ħafna snin qabel mill-​ħakkiem Grieg Alessandru l-​Kbir. Għalhekk, in-​nies f’dawk il-​postijiet kienu tgħallmu jitkellmu tip taʼ Grieg magħruf bħala l-​Grieg Koine. Minħabba dan, id-​dixxipli setgħu jippritkawlhom b’dik il-​lingwa. U saħansitra setgħu jikkwotawlhom mill-​Iskrittura Ebrajka għax din kienet ġiet maqluba għall-​Grieg. Ħafna nies kienu jafu dwar din it-​traduzzjoni, imsejħa s-​Settanta, li ġiet tradotta minn Lhud li kienu jgħixu l-​Eġittu. Il-​kittieba tal-​Bibbja wkoll użaw il-​Grieg biex jiktbu l-​bqija tal-​Bibbja. Il-​Grieg għandu vokabolarju kbir, u allura hu lingwa tajba biex jispjega l-​veritajiet profondi tal-​Bibbja. U l-​lingwa Griega għenet lill-​kongregazzjonijiet jikkomunikaw maʼ xulxin u jkunu magħqudin.

12. (a) X’inhu kodiċi, u għala kien iktar faċli biex tużah minn skroll? (b) Il-​maġġuranza tal-​Kristjani meta bdew jużaw il-​kotba?

12 Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu x’użaw biex jgħallmu l-​Bibbja? Għall-​ewwel użaw ir-​rombli, jew l-​iskrolli. Imma ma kienx faċli biex wieħed juża u jġorr l-​iskrolli. Kull darba li Kristjan ried isib skrittura minn skroll, kellu joqgħod jirromblah biex jiftħu u mbagħad jerġaʼ jirromblah biex jagħlqu. Is-​soltu kienu jiktbu biss fuq naħa waħda tal-​iskroll. L-​Evanġelju taʼ Mattew jimla skroll wieħed kollu. Imbagħad, in-​nies bdew jużaw il-​kodiċi, l-​ewwel tip taʼ ktieb. Qarrej setaʼ jiftaħ ktieb u faċilment idawwar il-​paġni biex isib skrittura. L-​istorjografi jgħidu li l-​Kristjani ma damux ma bdew jużaw il-​kotba u li wara s-​sena 100, il-​maġġuranza minnhom kienu qed jużaw il-​kotba.

IL-​LIĠI RUMANA

13, 14. (a) Pawlu liema protezzjoni kellu peress li kien ċittadin Ruman? (b) Il-​Kristjani kif ibbenefikaw mil-​liġi Rumana?

13 Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu bbenefikaw mil-​liġi Rumana. Pereżempju, Pawlu kien ċittadin Ruman, u l-​liġi spiss ipproteġietu meta vvjaġġa. Meta suldati Rumani arrestaw lil Pawlu f’Ġerusalemm u kienu se jsawtuh bil-​frosta, hu qalilhom li kien ċittadin Ruman. Hu fakkar lill-​kmandant li ċittadin Ruman ma setax jiġi msawwat bil-​frosta mingħajr ma l-​ewwel jgħaddi ġuri kif suppost. Għalhekk, “l-​irġiel li kienu se jinterrogawh bit-​tortura warrbu minn ħdejh minnufih; u l-​kmandant militari beżaʼ malli sar jaf li [Pawlu] kien Ruman peress li kien rabtu.”—Atti 22:25-​29.

Il-​Kristjani użaw il-​liġi Rumana biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment’ id-​dritt tagħhom li jippritkaw

14 Il-​fatt li Pawlu kien ċittadin Ruman effettwa l-​mod kif ġie ttrattat f’Filippi. (Atti 16:35-​40) U meta folla rrabjata pprovat tattakka xi Kristjani f’Efesu, uffiċjal tal-​gvern ikkalma l-​folla u wissa lin-​nies li kienu qed jiksru l-​liġi Rumana. (Atti 19:35-​41) Iktar tard, meta kien Ċesarija, Pawlu insista fuq id-​dritt tiegħu li jidher quddiem l-​imperatur f’Ruma. Hemmhekk, iddefenda l-​aħbar tajba. (Atti 25:8-​12) Għalhekk, il-​Kristjani użaw il-​liġi Rumana biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment’ id-​dritt tagħhom li jippritkaw.—Filippin 1:7.

IL-​LHUD GĦEXU F’ĦAFNA PAJJIŻI

15. Ħafna Lhud fejn għexu fl-​ewwel seklu?

15 Kien hemm xi ħaġ’oħra li setgħet għenet lill-​Kristjani fl-​ewwel seklu biex jippritkaw fl-​art kollha. F’dak iż-​żmien, il-​Lhud kienu qed jgħixu f’ħafna pajjiżi, u mhux biss f’Iżrael. Għala? Mijiet taʼ snin qabel, il-​Lhud ittieħdu fil-​jasar fl-​Assirja, u snin wara, Lhud oħra ttieħdu f’Babilonja. Iktar tard, meta Babilonja kienet taħt idejn il-​Persjani, kien hemm bosta Lhud imferrxin fl-​Imperu Persjan. (Ester 9:30) Sal-​ewwel seklu, meta Ġesù kien fuq l-​art, il-​Lhud kienu qed jgħixu f’ħafna postijiet fl-​Imperu Ruman, bħall-​Eġittu u postijiet oħra fl-​Afrika taʼ Fuq kif ukoll l-​Asja Minuri (it-​Turkija), il-​Greċja, u l-​Mesopotamja (l-​Iraq). Fl-​imperu kien hemm 60 miljun abitant, u hu maħsub li iktar minn 4 miljuni minnhom kienu Lhud, jiġifieri madwar wieħed minn kull erbatax. Għalkemm kienu mferrxin f’ħafna postijiet, il-​Lhud żammew ir-​reliġjon tagħhom.—Mattew 23:15.

16, 17. (a) Peress li kien hemm bosta Lhud f’tant pajjiżi, in-​nies li ma kinux Lhud kif ibbenefikaw? (b) Il-​Kristjani b’liema modi segwew l-​eżempju tal-​Lhud?

16 Peress li kien hemm bosta Lhud f’tant pajjiżi, ħafna nies li ma kinux Lhud kienu jafu dwar l-​Iskrittura Ebrajka u tgħallmu dwar x’kienu jemmnu l-​Lhud. Pereżempju, tgħallmu li hemm Alla veru wieħed u li dawk li jaqduh għandhom jobdu l-​liġijiet tiegħu. Tgħallmu li l-​Iskrittura Ebrajka kienet ġejja mingħand Alla u li fiha ħafna profeziji dwar il-​Messija. (Luqa 24:44) Għalhekk, meta l-​Kristjani ppritkaw l-​aħbar tajba, kemm dawk Lhud u kemm dawk mhux Lhud diġà kienu jafu dwar ftit mill-​affarijiet li kienu qed jippritkaw il-​Kristjani. Pawlu ried isib nies li kienu se jagħtu widen għall-​aħbar tajba. Spiss mar fis-​sinagogi, fejn il-​Lhud kienu jqimu lil Alla, u uża l-​Iskrittura biex jirraġuna magħhom.—Aqra Atti 17:1, 2.

17 Il-​Lhud iltaqgħu flimkien regolarment biex iqimu f’sinagogi jew xi mkien ieħor. Kienu jkantaw għanjiet, jitolbu, u jiddiskutu l-​Iskrittura. Il-​Kristjani segwew l-​eżempju tagħhom, u llum nagħmlu l-​istess ħaġa fil-​kongregazzjonijiet tagħna.

ĠEĦOVA GĦENHOM JIPPRITKAW

18, 19. (a) Iċ-​ċirkustanzi li kien hemm fl-​ewwel seklu, x’għenu lill-​Kristjani jagħmlu? (b) Wara li qrajt dan l-​artiklu kif tħossok dwar Ġeħova?

18 L-​ewwel seklu kien perijodu uniku fl-​istorja. Fl-​Imperu Ruman kien hemm il-​paċi, ħafna nies setgħu jitkellmu l-​istess lingwa, u l-​liġi pproteġiet lin-​nies. Kien eħfef biex in-​nies jivvjaġġaw, u n-​nies f’ħafna pajjiżi kienu jafu dwar il-​Lhud u l-​Iskrittura Ebrajka. Dawn l-​affarijiet kollha għenu lill-​Kristjani biex ikomplu jagħmlu x-​xogħol li Alla kien tahom.

19 Xi 400 sena qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, il-​filosfu Grieg Platun kiteb li hu diffiċli ferm biex in-​nies isiru jafu lill-​Ħallieq u li hu impossibbli biex jgħidu lil kulħadd fid-​dinja dwaru. Imma Ġesù qal: “Dak li hu impossibbli għall-​bnedmin, hu possibbli għal Alla.” (Luqa 18:27) Jidher ċar li l-​ippritkar sar possibbli grazzi għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu jrid li “n-​nies tal-​ġnus kollha” jisimgħu l-​aħbar tajba u jsiru jafuh. (Mattew 28:19) L-​artiklu li jmiss se jispjega kif l-​aħbar tajba qed tiġi ppritkata madwar id-​dinja llum.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • L-​Imperu Ruman: Il-​pajjiżi li kienu maħkumin mir-​Rumani. Ir-​Rumani ħadu taħt idejhom ħafna artijiet madwar Ruma. Eventwalment, ħakmu fuq il-​pajjiżi madwar il-​Baħar Mediterran u anke l-​Britannja

  • Il-​Pax Rumana: Espressjoni Latina li tfisser “Paċi Rumana.” Kien hemm perijodu taʼ paċi fl-​Imperu Ruman. Għal madwar 200 sena, ma kienx hemm ħafna gwerer fil-​pajjiżi li ħakmu fuqhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja