Qed tistinka int biex timita l-maturità taʼ Kristu?
‘Aslu għall-qjies taʼ statura li jiġi mill-milja tal-Kristu.’—EFESIN 4:13.
1, 2. X’inhi l-mira taʼ kull Kristjan? Agħti eżempju.
MARA tad-dar għal xiex tfittex meta tkun qed tagħżel il-frott frisk fis-suq? X’aktarx li ma tfittixx għall-akbar jew l-irħas frott. Minflok, tfittex għall-frott li jkun ifuħ, li jidher frisk, u li hu tajjeb biex jittiekel. Hi trid frott li jkun misjur.
Kristjan matur jibqaʼ jfittex għal prinċipji Bibliċi li jgħinuh ikun jaf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin
2 B’mod simili, Alla jrid li l-qaddejja tiegħu jkunu maturi. Wara li individwu jitgħallem dwar Ġeħova u jiddeċiedi li jitgħammed, ir-relazzjoni tiegħu m’Alla tkompli tikber. Il-mira tiegħu hi li jsir Kristjan matur. Din il-maturità ma tirreferix għal li wieħed jikber fl-età. Imma tirreferi għal li wieħed jikber spiritwalment, jiġifieri, li jkollu relazzjoni iktar mill-qrib maʼ Ġeħova. L-appostlu Pawlu ried li l-Kristjani f’Efesu jsiru maturi. Hu ħeġġiġhom biex ikunu magħqudin fil-fidi u jibqgħu jitgħallmu dwar Ġesù ħalli kull wieħed minnhom isir “raġel li kiber għalkollox, għall-qjies taʼ statura li jiġi mill-milja tal-Kristu.”—Efesin 4:13.
3. Il-kongregazzjoni f’Efesu kif inhi simili għan-nies taʼ Ġeħova llum?
3 Il-kongregazzjoni f’Efesu diġà kienet ilha teżisti għal diversi snin meta Pawlu kiteb l-ittra. Ħafna wħud f’dik il-kongregazzjoni diġà kienu Kristjani maturi u tal-esperjenza. Imma, kien għad hemm xi wħud fosthom li kellhom bżonn isaħħu iktar ir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. B’mod simili llum, ħafna aħwa rġiel u nisa ilhom jaqdu lil Ġeħova għal żmien twil u saru Kristjani maturi. Madanakollu, xi wħud fil-kongregazzjonijiet għadhom ma waslux sa dak il-punt. Pereżempju, eluf taʼ nies jitgħammdu kull sena, u allura xi wħud għad iridu jilħqu l-maturità. Xi ngħidu għalik?—Kolossin 2:6, 7.
KRISTJAN KIF JISTAʼ JIKBER?
4, 5. Il-Kristjani maturi kif inhuma differenti minn xulxin, imma lkoll kemm huma x’għandhom komuni? (Ara l-ewwel stampa.)
4 Meta tħares lejn il-frott misjur fis-suq, int tinnota li mhux kull frotta hi eżattament bħal frotta oħra. Però, il-frott kollu għandu ċerti affarijiet komuni li juru li hu misjur. L-istess hu minnu fejn jidħlu l-Kristjani maturi. Mhumiex eżattament l-istess. Jiġu minn pajjiżi u sfondi differenti. Għandhom etajiet u gosti differenti. Iżda l-Kristjani maturi kollha għandhom ċerti kwalitajiet komuni li juru li huma maturi. X’inhuma ftit minn dawn il-kwalitajiet?
Hemm bidliet li nistaʼ nagħmel f’ħajti biex nimita lil Ġesù iktar mill-qrib?
5 Kristjan matur jimita lil Ġesù u ‘jimxi mill-qrib wara l-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Ġesù qal li hu importanti ħafna li dak li jkun iħobb lil Ġeħova b’qalbu kollha, b’ruħu kollha, u b’moħħu kollu u jħobb lill-proxxmu bħalu nnifsu. (Mattew 22:37-39) Kristjan matur jistinka biex jobdi dan il-kmand. Il-mod kif jgħix ħajtu juri li r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u l-imħabba profonda li għandu għal ħaddieħor huma l-iktar affarijiet importanti għalih.
Kristjani akbar fl-età jistgħu jimitaw l-umiltà taʼ Ġesù billi jappoġġaw lill-uħud iżgħar minnhom li issa qed jieħdu t-tmexxija (Ara paragrafu 6)
6, 7. (a) X’inhuma xi kwalitajiet oħra li juru li Kristjan hu matur? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?
6 L-imħabba hi biss waħda mill-ħafna kwalitajiet li juri Kristjan matur. (Galatin 5:22, 23) Hu juri wkoll il-ħlewwa, ir-rażan, u s-sabar fit-tul, jew il-paċenzja. Dawn il-kwalitajiet jistgħu jgħinuh ikampa waqt sitwazzjonijiet diffiċli mingħajr ma jsir frustrat. Jgħinuh ukoll biex jissaporti d-diżappunti mingħajr ma jaqtaʼ qalbu. Fl-istudju persunali tiegħu, Kristjan matur jibqaʼ jfittex għal prinċipji Bibliċi li jgħinuh ikun jaf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Imbagħad, meta juża l-kuxjenza tiegħu li tkun imħarrġa fuq il-Bibbja, se jkun jistaʼ jieħu deċiżjonijiet għaqlin. Kristjan matur hu umli, u għalhekk jemmen li l-gwida u l-livelli taʼ Ġeħova dejjem huma aħjar minn tiegħu.a (Ara n-nota taʼ taħt.) Hu jipprietka l-aħbar tajba b’żelu u jagħmel kulma jistaʼ biex jgħin lill-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda.
7 Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘Hemm bidliet li nistaʼ nagħmel f’ħajti biex nimita lil Ġesù iktar mill-qrib? Hemm lok fejn nitjieb?’
“L-IKEL SOLIDU HU GĦAN-NIES MATURI”
8. Ġesù kemm kien midħla tal-Bibbja u kemm kien jifhimha?
8 Ġesù Kristu kien midħla sew tal-Iskrittura u kien jifhimha b’mod tajjeb. Anke meta kellu 12-il sena, hu uża l-Iskrittura meta tkellem mal-għalliema fit-tempju. “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:46, 47) Iktar tard, meta kien qed jipprietka, hu b’sengħa uża l-Kelma t’Alla biex isikket lill-għedewwa tiegħu.—Mattew 22:41-46.
9. (a) Kristjan matur liema skeda taʼ studju jkollu? (b) Għala nistudjaw il-Bibbja?
9 Individwu li jrid ikun Kristjan matur jimita l-eżempju taʼ Ġesù u jkun irid jifhem il-Bibbja kemm jistaʼ jkun. B’mod regulari dan ifittex fl-Iskrittura għal veritajiet profondi, għax hu jaf li “l-ikel solidu hu għan-nies maturi.” (Ebrej 5:14) Kristjan matur irid ikollu “għarfien eżatt” tal-Bibbja. (Efesin 4:13) Allura staqsi lilek innifsek: ‘Naqra jien il-Bibbja kuljum? Għandi skeda għall-istudju persunali? Nagħmel il-qima bħala familja kull ġimgħa?’ Meta tistudja l-Bibbja, fittex għal prinċipji li jistgħu jgħinuk tkun taf kif Ġeħova jaħseb u kif iħossu. Imbagħad uża dawn il-prinċipji meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet. Dan se jgħinek tersaq saħansitra eqreb lejn Ġeħova.
10. Kristjan matur kif iħossu dwar il-pariri u l-prinċipji t’Alla?
10 Kristjan matur irid jagħmel iktar milli sempliċement ikun jaf x’tgħid il-Bibbja. Irid iħobb il-pariri u l-prinċipji t’Alla. Imbagħad juri din l-imħabba billi minn qalbu jagħmel dak li jrid Alla u mhux dak li jrid hu. Hu anke jbiddel il-mod kif jgħix, jaħseb, u jaġixxi. Pereżempju, hu jimita lil Ġesù u jilbes il-personalità l-ġdida, li “nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.” (Aqra Efesin 4:22-24.) Hu importanti li tiftakar li Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jiggwida l-kittieba tal-Bibbja. Għalhekk, meta Kristjan jistudja l-Bibbja, l-ispirtu qaddis t’Alla jgħinu jikber fl-għarfien, fl-imħabba, u fir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.
KUNU MAGĦQUDIN
11. Ġesù x’esperjenza meta kien fuq l-art?
11 Ġesù kien raġel perfett. Madanakollu, meta kien fuq l-art, Ġesù kien imdawwar minn bnedmin imperfetti. Il-ġenituri tiegħu u ħutu subien u bniet kienu kollha imperfetti. Anke l-iktar segwaċi mill-qrib taʼ Ġesù wrew kwalitajiet bħalma huma l-kburija u l-egoiżmu. Pereżempju, fil-lejl taʼ qabel il-mewt tiegħu, id-dixxipli tiegħu argumentaw bejniethom “dwar min minnhom kien jidher li hu l-akbar.” (Luqa 22:24) Minkejja r-raġunar imperfett tagħhom, Ġesù kien jaf li s-segwaċi tiegħu dalwaqt kienu se jsiru Kristjani maturi u jifformaw kongregazzjoni magħquda. Dak l-istess lejl, Ġesù talab biex ikunu magħqudin billi qal lil Missieru tas-sema: “Ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna, . . . sabiex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda.”—Ġwanni 17:21, 22.
12, 13. (a) X’inhi l-mira tagħna bħala Kristjani? (b) Ħu kif tgħallem jagħmel kulma jistaʼ biex ikun hemm l-għaqda?
12 Kristjan matur jagħmel kulma jistaʼ biex il-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda. (Aqra Efesin 4:1-6, 15, 16.) Bħala Kristjani, il-mira tagħna hi li nkunu ‘magħqudin flimkien b’mod armonjuż,’ jiġifieri, li naħdmu flimkien f’unità. Biex ikollna dan it-tip taʼ unità, Kristjan irid ikun umli. Għalhekk, anke meta jiġi effettwat mill-imperfezzjonijiet t’oħrajn, Kristjan matur jaħdem iebes biex iżomm l-unità tal-kongregazzjoni b’saħħitha. Għalhekk, staqsi lilek innifsek: ‘Kif nirreaġixxi jien meta ħu jew oħt tagħmel żball? Kif inħossni meta xi ħadd iweġġagħni? Għandi ħabta ma nibqax inkellimha t-tali persuna? Jew nipprova nirranġa r-relazzjoni?’ Kristjan matur irid jegħleb il-problema u mhux ikun problema għal ħaddieħor.
13 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Uwe. Fil-passat, kien iħalli l-imperfezzjonijiet tal-aħwa rġiel u nisa jkidduh. Imbagħad iddeċieda li juża l-Bibbja u l-kotba Insight on the Scriptures biex jistudja l-ħajja taʼ David. Għala studja fuq David? Għax David ukoll kellu problemi maʼ xi wħud mill-qaddejja t’Alla. Pereżempju, is-Sultan Sawl ipprova joqtol lil David, xi nies riedu jħaġġruh, u anke martu stess iddieħqet bih. (1 Samwel 19:9-11; 30:1-6; 2 Samwel 6:14-22) Imma minkejja dak li għamillu ħaddieħor, David kien iħobb lil Ġeħova u fada fih. Ukoll, David wera l-ħniena. Uwe ammetta li kellu bżonn jagħmel l-istess ħaġa. Permezz tal-istudju tiegħu tal-Bibbja, tgħallem li kellu bżonn ibiddel il-mod kif iħossu dwar l-imperfezzjonijiet taʼ ħutu. Kellu bżonn jinsa l-iżbalji tagħhom u jagħmel kulma jistaʼ biex il-kongregazzjoni tkun magħquda. Hija l-mira tiegħek biex tagħmel l-istess ħaġa?
AGĦŻEL ĦBIEB MINN FOST DAWK LI JAGĦMLU R-RIEDA T’ALLA
14. Ġesù kif għażel il-ħbieb tiegħu?
14 Ġesù Kristu kien dħuli maʼ kulħadd. L-irġiel u n-nisa, il-kbar u ż-żgħar, u anke t-tfal ċkejknin, ħassewhom komdi maʼ Ġesù. Imma hu għażel il-ħbieb tal-qalb tiegħu bir-reqqa. Hu qal lill-appostli tiegħu: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.” (Ġwanni 15:14) Ġesù għażel il-ħbieb tal-qalb tiegħu minn fost dawk li b’lealtà segwewh u li kienu jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. Tagħżel int bħala ħbieb lil dawk li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha? Dan għala hu importanti?
Tagħżel int bħala ħbieb lil dawk li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha?
15. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jibbenefikaw meta jkunu ħbieb maʼ Kristjani maturi?
15 Ħafna drabi l-iktar frott li jkun tajjeb u misjur ikun kiber fid-dawl u s-sħana tax-xemx. B’mod simili, l-imħabba mill-qalb taʼ ħutna rġiel u nisa tistaʼ tgħinek issir Kristjan matur. Int żagħżugħ jew żagħżugħa li qed tipprova tiddeċiedi x’se tagħmel b’ħajtek? Jekk iva, ikun għaqli li tagħżel bħala l-ħbieb tiegħek lil dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova u li jgħinu biex il-kongregazzjoni tkun magħquda. Forsi għaddew minn problemi f’ħajjithom u kellhom ikampaw maʼ provi waqt li kienu qed jaqdu lil Ġeħova. Dawn l-uħud jistgħu jgħinuk tagħżel l-aqwa mod taʼ ħajja. Meta tqattaʼ l-ħin magħhom, jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjonijiet għaqlin u timmatura bħala Kristjan.—Aqra Ebrej 5:14.
16. Aħwa akbar fl-età fil-kongregazzjoni kif għenu lil oħt meta kienet żagħżugħa?
16 Helga tiftakar li fl-aħħar sena tagħha tal-iskola, il-biċċa l-kbira minn sħabha tal-klassi kienu qed jitkellmu dwar il-miri li kellhom għall-futur. Ħafna minnhom riedu jmorru l-università ħalli jkollhom karriera tajba. Imma Helga tkellmet maʼ ħbieb maturi fil-kongregazzjoni tagħha. Hi tgħid: “Ħafna minnhom kienu akbar minni, u tgħidx kemm għenuni. Ħeġġewni biex nidħol fis-servizz full-time. Wara dan, stajt inqattaʼ ħames snin naqdi bħala pijuniera. Issa, snin wara, jien ferħana li stajt inqattaʼ ħafna minn żgħożiti fis-servizz taʼ Ġeħova. Xejn ma jiddispjaċini li għamilt dan.”
17, 18. Kif nistgħu naqdu lil Ġeħova bl-aħjar mod?
17 Meta nimitaw lil Ġesù, se nikbru biex insiru Kristjani maturi. Se nersqu eqreb lejn Ġeħova u x-xewqa tagħna biex naqduh ukoll se tikber. Individwu jaqdi lil Ġeħova bl-aħjar mod meta jkun matur. Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu: “Għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:16.
18 Aħna tgħallimna kif Kristjan matur jistaʼ jkun t’appoġġ kbir għall-kongregazzjoni. Mod ieħor kif Kristjan juri li hu matur hu bil-mod kif juża l-kuxjenza tiegħu. Il-kuxjenza tagħna kif tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin? U kif nistgħu nirrispettaw il-kuxjenza t’oħrajn? Se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet fl-artiklu li jmiss.
a Pereżempju, aħwa rġiel tal-esperjenza li huma akbar fl-età jistgħu jiġu mitlubin jappoġġaw lill-aħwa rġiel iżgħar fl-età li jingħataw inkarigu li qabel kienu jieħdu ħsieb huma.