LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w16 Lulju pp. 28-30
  • “Tibżax. Jien stess ngħinek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Tibżax. Jien stess ngħinek”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “JIEN INŻOMMOK SOD TASSEW”
  • META NĦOSSUNA ĦATJIN DWAR ŻBALJI TAL-​PASSAT
  • META NKUNU ANSJUŻI DWAR IX-​XOGĦOL
  • META NKUNU ANSJUŻI MINĦABBA LI QED NIKBRU FL-​ETÀ
  • Qabel u Wara—Il-Kelma t’Alla Tagħmel Xogħolha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġeħova Jbierek lil Dawk li Jaħfru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Żgħażagħ, intom jistaʼ jkollkom ħajja sodisfaċenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • ‘Teħtieġ is-sabar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
w16 Lulju pp. 28-30
Hekk kif raġel ikun se jaqaʼ minn fuq l-irdum, raġel ieħor jaqbadlu idu u jsalvah

“Tibżax. Jien stess ngħinek”

IMMAĠINA li qed timxi fi triq tard billejl. F’daqqa waħda tinduna li xi ħadd qed jimxi warajk. Meta tieqaf timxi, dak ix-​xi ħadd warajk jieqaf ukoll. Meta timxi tgħaġġel, jagħmel l-​istess. Minnufih, tibda tiġri lejn id-​dar taʼ ħabib tiegħek li tinsab fil-​viċin. Meta l-​ħabib tiegħek jiftaħ il-​bieb u jilqgħek ġewwa, inti tieħu r-​ruħ għax issa taf li m’għadekx fil-​periklu.

Forsi m’għaddejtx mill-​esperjenza msemmija hawn fuq. Imma x’aktarx li int għandek ansjetajiet f’ħajtek li jġegħluk tinkwieta. Pereżempju, qiegħed tissara maʼ dgħufija li tixtieq tegħleb imma għadek tagħmel l-​istess żball? Kont bla xogħol għal żmien twil u ma stajtx issib fejn taħdem minkejja l-​isforzi kollha li għamilt? Inkwetat int għax qed tikber fl-​età u dwar li tiffaċċja problemi taʼ saħħa fil-​futur? Jew hemm xi ħaġa oħra li tikkonċernak?

Kwalunkwe problema li jistaʼ jkollok, huwa tajjeb li jkollok ħabib maʼ min tistaʼ titkellem dwar x’inhu jinkwetak u li jkun lest li jgħinek. Għandek int ħabib tal-​qalb bħal dan? Iva, għandek! Ġeħova hu ħabib bħal dan għalik, l-​istess bħalma kien għar-​raġel leali Abraham, kif muri f’​Isaija 41:8-​13. Fil-​versi 10 u 13, Ġeħova jwiegħed lil kull wieħed u waħda minna: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-​leminija tas-​sewwa. Għax jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”

“JIEN INŻOMMOK SOD TASSEW”

Il-​kliem taʼ Ġeħova huwa taʼ faraġ kbir. Ipprova immaġina x’qiegħed iwegħedna Ġeħova fir-​realtà. Il-​vers ma jgħidx li qed timxi maġenb Ġeħova żżommlu idu. Li kieku qed timxi maġenbu, l-​id il-​leminija taʼ Ġeħova tkun qed iżżommlok idek ix-​xellugija. Minflok, Ġeħova joħroġ idu “l-​leminija tas-​sewwa” u jaqbadlek “idek il-​leminija,” bħal qisu qed jaqilgħek minn xi sitwazzjoni diffiċli. Meta Ġeħova jaqbadlek idek il-​leminija, hu jsaħħek billi jgħidlek: “Tibżax. Jien stess ngħinek.”

Tarah int lil Ġeħova bħala Missierek u Ħabib tiegħek kollu mħabba? Temmen int li hu se jgħinek meta tiffaċċja diffikultajiet? Ġeħova verament jimpurtah minnek u jixtieq jgħinek. Meta jkollok problemi u diffikultajiet, Ġeħova jrid li tħossok fis-​sigurtà. Għala? Għax iħobbok ħafna. Hu tassew hu “għajnuna li tistaʼ tinstab malajr matul l-​inkwiet.”—Salm 46:1.

META NĦOSSUNA ĦATJIN DWAR ŻBALJI TAL-​PASSAT

Xi wħud jibqgħu jiftakru l-​iżbalji tagħhom tal-​passat u jitħassbu dwar jekk Alla ħafrilhomx. Jekk tħossok hekk, aħseb dwar ir-​raġel leali Ġob. Hu ammetta li dineb meta kien żagħżugħ. (Ġob 13:26) Anke s-​salmista David ħassu hekk u talab bil-​ħrara lil Ġeħova: “Id-​dnubiet taʼ żgħożiti u l-​irvellijiet tiegħi tiftakarhomx.” (Salm 25:7) Peress li aħna imperfetti, ilkoll kemm aħna ‘dnibna u nonqsu milli nilħqu l-​glorja t’Alla.’—Rumani 3:23.

Il-​kliem taʼ faraġ f’​Isaija kapitlu 41 kien miktub għall-​Iżraelin. Id-​dnubiet tagħhom tant kienu serji li Ġeħova qal li kien se jikkastigahom billi jittieħdu f’Babilonja. (Isaija 39:6, 7) Fl-​istess ħin, Alla wegħedhom li kien se jeħles lil dawk li jindmu u jduru lura lejh! (Isaija 41:8, 9; 49:8) Illum, Ġeħova juri l-​istess imħabba u ħniena lejn dawk li sinċerament jindmu u li jridu jogħġbuh.—Salm 51:1.

Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Takuya,a li kien qed jipprova jegħleb il-​vizzji taʼ li jara l-​pornografija u li jagħmel il-​masturbazzjoni. Għal ħafna drabi, hu ċeda għall-​vizzju tiegħu. Kif ħassu? “Ħassejtni li ma niswa għalxejn, imma meta rsaqt lejn Ġeħova bit-​talb biex nitolbu għall-​maħfra, hu kien jerfagħni mill-​istat miżeru tiegħi.” Ġeħova kif għamel dan? Anzjani fil-​kongregazzjoni taʼ Takuya qalulu biex iċemplilhom kull meta jċedi għall-​vizzju tiegħu. Hu jammetti: “Ma kienx faċli li nċemplilhom, imma kull meta għamilt hekk, ġejt imsaħħaħ.” Imbagħad, l-​anzjani għamlu arranġament biex l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet iżur lil Takuya. L-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet qallu: “Mhux qiegħed hawn b’kumbinazzjoni. Qiegħed hawnhekk għax l-​anzjani riduni nkun hawn. Huma għażlu lilek biex tirċievi din iż-​żjara pastorali.” Takuya jgħid: “Jiena l-​wieħed li kont qed nidneb, imma minkejja dan, permezz tal-​anzjani, Ġeħova offrieli iktar għajnuna.” Eventwalment, Takuya waqqaf il-​vizzji ħżiena tiegħu, sar pijunier regulari, u issa qed jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa. L-​istess bħalma Alla għen lil dan il-​ħu, Hu se jgħin lilek meta tiżbalja.

META NKUNU ANSJUŻI DWAR IX-​XOGĦOL

Xi wħud iħossuhom ansjużi minħabba li tilfu x-​xogħol u li ma jistgħux isibu ieħor. Immaġina kemm hu diffiċli li ma tiġix impjegat għal darba wara oħra. Meta xi wħud jesperjenzaw din is-​sitwazzjoni diffiċli, iħossuhom ma jiswew għalxejn. Ġeħova kif jistaʼ jgħinek? Forsi ma jagħtikx b’mod immedjat xogħol ideali, imma jistaʼ jgħinek tiftakar il-​kliem taʼ David: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż [l-​ikel].” (Salm 37:25) Ġeħova jqisek prezzjuż, u hu jagħtik idu “l-​leminija tas-​sewwa” ħalli jkollok dak li għandek bżonn biex tibqaʼ taqdih.

Ħu ħiereġ mill-post tax-xogħol wara li tilef ix-xogħol

Ġeħova kif jistaʼ jgħinek jekk titlef ix-xogħol?

Sara, li tgħix il-​Kolumbja, rat kif Ġeħova kien kapaċi jgħinha. Hi qalgħet ħafna flus maʼ kumpanija magħrufa u rispettata ħafna fejn kienet taħdem full-​time. Imma hi riedet tagħmel iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova, u għalhekk hi telqet mix-​xogħol tagħha u bdiet taqdi bħala pijuniera. Madankollu, kien diffiċli għaliha biex issib ix-​xogħol part-​time li kellha bżonn. Hi fetħet ħanut żgħir tal-​ġelati imma ftit ftit spiċċat bla flus u kellha tagħlaq il-​ħanut. Hi tgħid, “Tliet snin sħaħ għaddew, imma bis-​saħħa taʼ Ġeħova, irnexxieli nkampa.” Hi tgħallmet x’affarijiet kellha bżonn fir-​realtà u kif tevita li tkun ansjuża dwar l-​għada. (Mattew 6:33, 34) Eventwalment, l-​imgħallem li kellha qabel, ċemplilha u offrielha l-​istess xogħol li kellha dak iż-​żmien. Hi qalet li kienet se taċċetta biss jekk ix-​xogħol kien part-​time u jekk setgħet tieħu l-​leave għal-​laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet. Illum, Sara ma taqlax flus daqskemm kienet, imma rnexxielha tkompli taqdi bħala pijuniera. Hi tgħid li waqt dak iż-​żmien diffiċli, ħasset l-​id kollha mħabba taʼ Ġeħova.

META NKUNU ANSJUŻI MINĦABBA LI QED NIKBRU FL-​ETÀ

Ħafna jħossuhom ansjużi għax qed jikbru fl-​età u dalwaqt jirtiraw. Huma jitħassbu dwar jekk hux se jkollhom biżżejjed flus biex jgħixu komdi. Huma jinkwetaw ukoll dwar problemi taʼ saħħa li jistgħu jinqalgħu fil-​futur. Aktarx kien is-​Sultan David li talab bil-​ħrara lil Ġeħova: “Tarminix fi żmien ix-​xjuħija; meta l-​qawwa tiegħi tkun qed tonqos, titlaqnix.”—Salm 71:9, 18.

Uħud avvanzati fl-​età kif jistgħu jħossuhom kunfidenti dwar il-​futur? Iridu jkomplu jsaħħu l-​fidi tagħhom f’Alla u jkunu fiduċjużi li hu se jagħtihom dak li għandhom bżonn. Madankollu, xi wħud gawdew il-​lussu meta kellhom iktar flus, u allura forsi għandhom bżonn jitgħallmu jgħixu ħajja iktar sempliċi u jkunu kuntenti li jgħaddu b’inqas. Forsi jirrealizzaw ukoll li jekk jieklu “platt ħaxix” minflok “barri msemmen” jistaʼ jkun aħjar għas-​saħħa tagħhom! (Proverbji 15:17) Jekk int iffokat fuq li taqdi lil Ġeħova, hu se jagħmel ċert li jkollok dak li għandek bżonn meta tkun avvanzat fl-​età.

José u Rose maʼ Tony u Wendy

José u Rose maʼ Tony u Wendy

Aħseb dwar José u Rose, li qdew lil Ġeħova fis-​servizz full-​time għal iktar minn 65 sena. Matul dak iż-​żmien, kellhom ħafna diffikultajiet. Huma ħadu ħsieb lil missier Rose, li kellu bżonn l-​għajnuna billejl u binhar. Ukoll, José kellu jiġi operat minħabba l-​kanċer u jingħata l-​kimoterapija. Ġeħova kif għen lil din il-​koppja leali? Hu uża koppja Kristjana oħra, Tony u Wendy. Dawn kellhom appartament li riedu joffruh lil pijunieri full-​time biex joqogħdu fih bla ħlas. Tony ftakar li meta kien l-​iskola sekondarja, hu kien iħares barra mit-​tieqa u jara lil José u Rose jippritkaw regolarment fil-​ministeru. Tony kien jammira ż-​żelu li kienu juru, u dan ħalla impatt kbir fuqu. Peress li José u Rose qattgħu ħajjithom kollha jaqdu lil Ġeħova, Tony u Wendy offrew l-​appartament lilhom. Għal dawn l-​aħħar 15-​il sena, huma għenu lil José u Rose, li issa għandhom madwar 85 sena. José u Rose iħossu li Tony u Wendy huma rigal mingħand Ġeħova.

Ġeħova jwiegħdek: “Tibżax. Jien stess ngħinek.” Hu qed joħroġ idu “l-​leminija tas-​sewwa” għalik ukoll. Se toħroġ idek int u taqbadlu idu?

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja