LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w17 Jannar pp. 9-14
  • Għożż ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għożż ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’NISTGĦU NITGĦALLMU MINN ĠEĦOVA U ĠESÙ?
  • L-​UŻU TAJJEB U ĦAŻIN TAL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA
  • TUŻAX ĦAŻIN IR-​RIGAL TIEGĦEK TAL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA
  • NIRRISPETTAW IL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA TAʼ OĦRAJN
  • It-triq għal-libertà vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Poplu Liberu Imma Responsabbli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Il-​Għotja tal-​Għaġeb tar-​Rieda Ħielsa
    Veru li Alla Jimpurtah Minna?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
w17 Jannar pp. 9-14
Abraham, Sara, u oħrajn jitilqu minn Ur

Għożż ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla

“Fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-​libertà.”—2 KORINTIN 3:17.

GĦANJIET: 62, 65

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’inhi l-​libertà tal-​għażla?

  • Kif nistgħu nuru kemm inħobbu lil Ġeħova bid-​deċiżjonijiet li nieħdu?

  • Kif nistgħu nuru rispett għad-​deċiżjonijiet t’oħrajn?

1, 2. (a) Liema opinjonijiet differenti għandhom in-​nies dwar il-​libertà tal-​għażla? (b) X’tgħallimna l-​Bibbja dwar il-​libertà tal-​għażla tagħna, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

META waħda mara ġiet biex tagħmel għażla personali, hi qalet lil ħabiba: “Iġġegħelnix naħseb; ikun eħfef li taqbad u tgħidli x’għandi nagħmel.” Il-​mara riedet li xi ħadd jgħidilha x’għandha tagħmel minflok ma tuża l-​libertà tal-​għażla tagħha, rigal prezzjuż mingħand il-​Ħallieq. Xi ngħidu għalik? Tħobb tieħu deċiżjonijiet għalik innifsek, jew tkun trid lil oħrajn jiddeċiedu għalik? Kif tqisha l-​libertà tal-​għażla?

2 In-​nies għandhom opinjonijiet differenti dwar il-​libertà tal-​għażla. Xi wħud jgħidu li fir-​realtà din ma teżistix għax Alla diġà ddeċieda dwar l-​azzjonijiet kollha tagħna. Oħrajn jgħidu li l-​libertà tal-​għażla hi possibbli biss jekk ikollna libertà assoluta. Madankollu, il-​Bibbja tgħallimna li aħna ġejna maħluqin bl-​abbiltà u l-​libertà li nagħmlu għażliet personali b’intelliġenza. (Aqra Ġożwè 24:15.) Fil-​Bibbja, insibu wkoll it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li ġejjin: Għandha limiti l-​libertà tal-​għażla tagħna? Kif għandna nużaw il-​libertà tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet? Id-​deċiżjonijiet tagħna kif juru kemm verament inħobbu lil Ġeħova? Kif nistgħu nuru li nirrispettaw id-​deċiżjonijiet taʼ oħrajn?

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MINN ĠEĦOVA U ĠESÙ?

3. Ġeħova kif juża l-​libertà assoluta tiegħu?

3 Ġeħova għandu libertà assoluta, u aħna nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif juża l-​libertà tiegħu. Pereżempju, Ġeħova għażel il-​ġens tal-​Iżrael biex ikun il-​poplu tiegħu, il-​“proprjetà speċjali” tiegħu. (Dewteronomju 7:6-​8) Kellu raġuni biex jagħmel din l-​għażla. Ġeħova ried iżomm il-​wegħda li kien għamel lil ħabibu Abraham. (Ġenesi 22:15-​18) Flimkien maʼ dan, Ġeħova dejjem juri mħabba u ġustizzja meta juża l-​libertà tiegħu. Aħna nistgħu naraw dan mill-​mod kif iddixxiplina lill-​Iżraelin meta m’obdewhx. Meta tassew iddispjaċiehom għal dak li kienu għamlu, Ġeħova wriehom imħabba u ħniena. Qal: “Se nfejjaq in-​nuqqas taʼ fedeltà tagħhom. Se nħobbhom minn jeddi.” (Ħosea 14:4) Ġeħova tana eżempju tajjeb billi uża l-​libertà tiegħu biex jgħin lil oħrajn!

Qabel ġie fuq l-​art, Ġesù għażel li jibqaʼ leali lejn Alla u mhux li jingħaqad maʼ Satana u r-​ribelljoni tiegħu

4, 5. (a) Min kien l-​ewwel li rċieva r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, u kif użah? (b) X’mistoqsija għandu jistaqsi kull wieħed minna?

4 Ġeħova għażel li joħloq lill-​anġli u lill-​bnedmin bil-​libertà tal-​għażla. L-​ewwel ħolqien taʼ Ġeħova kien Ġesù. Hu ġie maħluq fuq ix-​xbieha t’Alla u kellu l-​libertà tal-​għażla. (Kolossin 1:15) Ġesù kif użaha l-​libertà tiegħu? Qabel ġie fuq l-​art, Ġesù għażel li jibqaʼ leali lejn Alla u mhux li jingħaqad maʼ Satana u r-​ribelljoni tiegħu. Meta Ġesù ġie fuq l-​art, hu għażel li jiċħad it-​tentazzjonijiet taʼ Satana. (Mattew 4:10) Imbagħad, fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù aċċerta lil Missieru li ried jagħmel ir-​rieda Tiegħu. Qal: “Missier, jekk trid, warrab minni dan il-​kies. Madankollu, ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Huwa verament possibbli għalina li nimitaw lil Ġesù u nużaw il-​libertà tal-​għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nagħmlu r-​rieda tiegħu?

5 Iva, nistgħu nimitaw lil Ġesù għaliex aħna wkoll ġejna magħmulin fuq ix-​xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) Madankollu, m’għandniex il-​libertà assoluta li għandu Ġeħova. Il-​Kelma t’Alla tispjega li Ġeħova poġġa limiti għal-​libertà tagħna u li hu jistenna li aħna naċċettaw dawn il-​limiti. Pereżempju, fiċ-​ċirku tal-​familja, in-​nisa miżżewġin għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom, u t-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom. (Efesin 5:22; 6:1) Limiti bħal dawn kif jaffettwaw il-​mod kif nużaw il-​libertà tal-​għażla tagħna? It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tistaʼ tiddetermina l-​futur dejjiemi tagħna.

L-​UŻU TAJJEB U ĦAŻIN TAL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA

6. Agħti eżempju li juri għala hu importanti li l-​libertà tagħna jkollha limiti.

6 Libertà limitata qatt tistaʼ tkun libertà vera? Iva, tistaʼ! Għaliex? Għax il-​limiti jistgħu jipproteġuna. Pereżempju, nistgħu nagħżlu li nsuqu lejn belt fil-​bogħod. Iżda, immaġina li m’hemmx liġijiet tat-​traffiku, u kulħadd jistaʼ jiddeċiedi b’liema veloċità u fuq liema naħa tat-​triq isuq. Tħossok rasek mistrieħa li tivvjaġġa fi triq bħal din? Żgur li le! Il-​limitazzjonijiet huma meħtiġin biex kulħadd igawdi mill-​benefiċċji tal-​libertà vera. Ejja nikkunsidraw xi eżempji mill-​Bibbja li juru kemm il-​limiti mpoġġijin minn Ġeħova jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għalina.

7. (a) Semmi differenza waħda bejn Adam u l-​annimali. (b) Iddeskrivi mod wieħed kif Adam uża l-​libertà tal-​għażla tiegħu.

7 Meta Ġeħova ħalaq lill-​ewwel raġel, Adam, hu tah l-​istess rigal li kien ta lill-​anġli, ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla. Iżda, Alla ma tax dan ir-​rigal lill-​annimali. Adam kif użaha tajjeb il-​libertà tiegħu? Hu kien ferħan li setaʼ jagħti isem lill-​annimali. Alla ‘ġabhom għand ir-​raġel biex jara x’se jsemmi lil kull wieħed.’ Wara li Adam qagħad josserva lil kull annimal, hu tah isem li jixraq. Ġeħova ma bidel xejn mill-​għażliet li għamel Adam. Minflok, “skond dak li r-​raġel ikun semmieha, kull ruħ ħajja, dak kien isimha.”—Ġenesi 2:19.

8. Adam kif uża ħażin il-​libertà tal-​għażla tiegħu, u x’kien ir-​riżultat?

8 Ġeħova ta r-​responsabbiltà lil Adam biex jagħmel l-​art ġenna billi qallu: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha, u ħa jkunu sottomessi lejkom il-​ħut tal-​baħar u l-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-​art.” (Ġenesi 1:28) Iżda Adam għażel li jiekol il-​frotta pprojbita, u b’hekk injora l-​limiti li kien poġġa Ġeħova. Billi Adam uża ħażin il-​libertà tal-​għażla tiegħu, il-​bnedmin batew għal eluf taʼ snin. (Rumani 5:12) Ejja niftakru l-​konsegwenzi serji għad-​deċiżjoni taʼ Adam. Dan se jqanqalna nużaw il-​libertà tagħna tajjeb u naċċettaw il-​limiti li tana Ġeħova.

L-​Iżraelin għażlu li jsiru l-​poplu t’Alla u aċċettaw il-​limiti mpoġġijin minnu

9. Ġeħova liema għażla ta lill-​poplu tiegħu, Iżrael, u huma x’wiegħdu li jagħmlu?

9 Il-​bnedmin kollha wirtu l-​imperfezzjoni u l-​mewt minn Adam u Eva. Madankollu, xorta għad għandna d-​dritt li nużaw ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla. Nistgħu naraw dan mill-​mod taʼ kif Alla ttratta lill-​ġens tal-​Iżrael. Ġeħova tahom jagħżlu jekk ridux isiru l-​proprjetà speċjali tiegħu. (Eżodu 19:3-​6) Il-​ġens għażel li jsir il-​poplu t’Alla u aċċetta l-​limiti mpoġġijin minnu. Huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżodu 19:8) B’dispjaċir, in-​nies iktar tard għażlu li jiksru l-​wegħda tagħhom lil Ġeħova. Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan l-​eżempju. Ejja dejjem ngħożżu r-​rigal tagħna tal-​libertà tal-​għażla u nkomplu nżommu qrib Ġeħova u nobdu l-​liġijiet tiegħu.—1 Korintin 10:11.

10. Liema eżempji f’​Ebrej kapitlu 11 juru li bnedmin imperfetti jistgħu jużaw il-​libertà tal-​għażla tagħhom biex jonoraw lil Alla? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 F’​Ebrej kapitlu 11 insibu l-​ismijiet taʼ 16-​il raġel u mara leali li għażlu li jirrispettaw il-​limiti mpoġġijin minn Ġeħova. B’hekk, huma rċivew ħafna barkiet u tama mill-​isbaħ għall-​futur. Pereżempju, Noè kellu fidi kbira u għażel li jobdi l-​istruzzjonijiet t’Alla biex jibni arka ħalli jsalva lill-​familja tiegħu u lill-​ġenerazzjonijiet futuri. (Ebrej 11:7) Abraham u Sara minn jeddhom obdew lil Alla u marru fl-​art li Hu kien wiegħed li jagħtihom. Għalkemm kellhom l-​“opportunità jerġgħu lura” lejn il-​belt taʼ Ur, huma ffokaw fuq il-​wegħdi t’Alla għall-​futur. Il-​Bibbja tgħid li huma kienu “qed jirsistu għal post aħjar.” (Ebrej 11:8, 13, 15, 16) Mosè ċaħad it-​teżori tal-​Eġittu u għażel “li jkun trattat ħażin mal-​poplu t’Alla minflok ma jkollu t-​tgawdija temporanja tad-​dnub.” (Ebrej 11:24-​26) Ejja nimitaw il-​fidi taʼ dawn l-​irġiel u n-​nisa u napprezzaw ir-​rigal tagħna tal-​libertà tal-​għażla, u nużawha biex nagħmlu r-​rieda t’Alla.

11. (a) Liema hi waħda mill-​ikbar barkiet tal-​libertà tal-​għażla? (b) X’jimmotivak biex tuża tajjeb il-​libertà tal-​għażla tiegħek?

11 Forsi jidher eħfef li jkollna lil xi ħadd jiddeċiedi għalina, imma mbagħad qatt mhu se nesperjenzaw waħda mill-​ikbar barkiet tal-​libertà tal-​għażla. Din x’inhi? Il-​Bibbja tispjega dan f’​Dewteronomju 30:19, 20. (Aqra.) F’vers 19 naqraw li Alla ta għażla lill-​Iżraelin. F’vers 20 nitgħallmu li Ġeħova tahom ċans biex juru kemm kienu jħobbuh. Anke aħna nistgħu nagħżlu li nqimu lil Ġeħova. U wkoll għandna ċans uniku biex nużaw ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nuruh kemm inħobbuh!

TUŻAX ĦAŻIN IR-​RIGAL TIEGĦEK TAL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA

12. X’m’għandna qatt nagħmlu bir-​rigal tagħna tal-​libertà tal-​għażla?

12 Immaġina li tajt rigal taʼ valur lil ħabib. Kif tħossok jekk hu jarmih mal-​iskart jew, agħar minn hekk, juża r-​rigal biex jagħmel il-​ħsara lil xi ħadd? Kont tħossok imweġġaʼ. Ġeħova tana r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla. Allura żgur li jħossu mweġġaʼ meta jara n-​nies jużaw ħażin il-​libertà tagħhom u jagħmlu għażliet ħżiena jew iweġġgħu lil oħrajn. Il-​Bibbja qalet li “fl-​aħħar jiem,” in-​nies kienu se jkunu “ingrati.” (2 Timotju 3:1, 2) Allura kif nistgħu nuru li aħna grati għar-​rigal prezzjuż mingħand Ġeħova? U kif nistgħu nevitaw li nużawh ħażin?

13. B’liema mod nistgħu nevitaw li nużaw ħażin il-​libertà Kristjana tagħna?

13 Ilkoll kemm aħna għandna l-​libertà li nagħżlu lil ħbiebna, l-​ilbies, il-​mod kif nidhru, u d-​divertiment tagħna. Madankollu, nistgħu nużaw il-​libertà tagħna bħala skuża biex nagħżlu dak li Alla ma jħobbx jew biex insegwu t-​tendenzi tan-​nies fid-​dinja. (Aqra l-​1 Pietru 2:16.) Minflok ma nużaw il-​libertà tagħna bħala opportunità biex nagħmlu dak li hu ħażin, għandna nużawha bħala opportunità biex ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’—1 Korintin 10:31; Galatin 5:13.

14. Għala jeħtieġ li nafdaw f’Ġeħova meta nużaw il-​libertà tal-​għażla tagħna?

14 Ġeħova qal: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, li mmexxik fit-​triq li għandek timxi.” (Isaija 48:17) Jeħtieġ li nafdaw f’Ġeħova u naċċettaw il-​limiti li poġġielna sabiex inkunu nistgħu nagħmlu għażliet tajbin. Aħna b’umiltà nammettu li “triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Minflok m’aċċettaw il-​limiti li għamlilhom Ġeħova, Adam u l-​Iżraelin żleali straħu fuqhom infushom. Ejja nitgħallmu mill-​eżempju ħażin tagħhom. Minflok ma nistrieħu fuqna nfusna, ejja ‘nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha.’—Proverbji 3:5.

NIRRISPETTAW IL-​LIBERTÀ TAL-​GĦAŻLA TAʼ OĦRAJN

15. X’nitgħallmu mill-​prinċipju li nsibu f’​Galatin 6:5?

15 Aħna għandna wkoll nirrispettaw il-​libertà li oħrajn għandhom biex jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom fil-​ħajja. Għala? Ladarba lkoll kemm aħna għandna r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, l-​ebda żewġ Kristjani mhuma dejjem se jagħmlu eżattament l-​istess deċiżjonijiet. Dan jinkludi deċiżjonijiet dwar il-​kondotta u l-​qima tagħna. Ftakar fil-​prinċipju li nsibu f’​Galatin 6:5. (Aqra.) Meta nirrikonoxxu li kull Kristjan hu responsabbli għad-​deċiżjonijiet tiegħu stess, aħna se nirrispettaw il-​libertà li oħrajn għandhom biex jużaw il-​libertà tal-​għażla tagħhom.

Ħu ma jaċċettax tazza nbid f’party

Nistgħu nieħdu d-​deċiżjonijiet tagħna stess mingħajr ma nisforzaw lil oħrajn biex jieħdu l-​istess deċiżjonijiet (Ara paragrafu 15)

16, 17. (a) Il-​libertà tal-​għażla kif saret kwistjoni f’Korintu? (b) Pawlu kif għen lil dawn il-​Kristjani, u x’lezzjoni jgħallimna dan?

16 Ejja nikkunsidraw eżempju mill-​Bibbja li juri għala jeħtieġ li nirrispettaw il-​libertà tal-​għażla taʼ ħutna. Xi Kristjani fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu argumentaw jekk kellhomx jieklu laħam li għandu mnejn kien offrut lil idoli imma li iktar tard kien qed jinbiegħ fis-​suq. Il-​kuxjenza taʼ xi Kristjani ppermettitilhom jieklu l-​laħam għax kienu jafu li idolu mhu xejn. Madankollu, oħrajn li qabel kienu jqimu idoli bħal dawn ħassew li kieku kielu l-​laħam kien daqslikieku għamlu att taʼ qima. (1 Korintin 8:4, 7) Din kienet problema serja li setgħet firdet il-​kongregazzjoni. Pawlu kif għen lill-​Kristjani jsolvu din il-​kwistjoni importanti?

17 L-​ewwel, Pawlu fakkar liż-​żewġ gruppi li l-​ikel ma kienx se jsaħħaħ il-​ħbiberija tagħhom m’Alla. (1 Korintin 8:8) Imbagħad, Pawlu wissiehom biex ma jħallux “l-​awtorità” tagħhom tweġġaʼ l-​kuxjenza taʼ dawk li kienu dgħajfin. (1 Korintin 8:9) Iktar tard, hu qal lil dawk b’kuxjenza sensittiva biex ma jiġġudikawx lil dawk li għażlu li jieklu dak il-​laħam. (1 Korintin 10:25, 29, 30) B’hekk, f’sitwazzjonijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-​qima, kull Kristjan kien jeħtieġlu jieħu d-​deċiżjoni tiegħu. M’għandniex aħna wkoll nirrispettaw il-​libertà taʼ ħutna biex jieħdu deċiżjonijiet personali anke f’affarijiet iżgħar?—1 Korintin 10:32, 33.

18. Kif se turi li tgħożż ir-​rigal tiegħek tal-​libertà tal-​għażla?

18 Ġeħova tana r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, u dan iġibilna libertà vera. (2 Korintin 3:17) Aħna ngħożżu dan ir-​rigal għax jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet li juru kemm inħobbu lil Ġeħova. Mela ejja nkomplu nagħmlu għażliet li jonorawh, u ejja nirrispettaw id-​dritt li oħrajn għandhom biex jagħżlu kif jużaw dan ir-​rigal prezzjuż.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Ġeħova biss għandu libertà assoluta, jiġifieri, libertà mingħajr limiti. Madankollu, il-​limiti li poġġa Ġeħova fuq il-​libertà tagħna huma għall-​protezzjoni tagħna. Meta kulħadd jaċċetta dawn il-​limiti, ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu ngawdu libertà vera

  • Ġeħova ħalaqna bil-​libertà tal-​għażla, jiġifieri, ħalaqna bid-​dritt li nagħmlu għażliet u nieħdu deċiżjonijiet waħedna. Bħala Kristjani, nistgħu nagħżlu dak li rridu ngħidu u nagħmlu u kif irridu nilbsu, sakemm l-​għażliet tagħna ma jkunux taʼ ħsara għar-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova jew maʼ ħutna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja