LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w17 Frar pp. 3-8
  • L-​iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’KIEN L-​ISKOP TAL-​ĦALLIEQ?
  • X’MAR ĦAŻIN?
  • IL-​ĦBIBERIJA M’ALLA POSSIBBLI PERMEZZ TAL-​FIDWA
  • ĠEĦOVA FETĦILNA T-​TRIQ BIEX NERĠGĦU LURA GĦANDU
  • Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Hemm X’Nitgħallmu mill-Ewwel Koppja Umana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
w17 Frar pp. 3-8
Adam u Eva fil-ġnien tal-Għeden; is-serp ikellem lil Eva, hi tiekol mill-frotta, u tagħtiha lil Adam

L-​iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!

“Jien għedtu dan; jien inġiegħlu jseħħ. Jien sawwartu, u jien inwettqu.”—ISAIJA 46:11.

GĦANJIET: 147,  149

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin?

  • L-​iskop taʼ Ġeħova għala għadu ma twettaqx?

  • Xi pprovda Ġeħova sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu?

1, 2. (a) Ġeħova xi wriena? (b) Liema wegħda nsibu f’​Isaija 46:10, 11 u 55:11?

PROPRJU l-​ewwel kliem tal-​Bibbja jagħmel din l-​istqarrija sempliċi imma profonda: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” (Ġenesi 1:1) Aħna rajna biss ftit mill-​ħafna affarijiet li Alla ħalaq fl-​univers, u nifhmu ftit li xejn dwar affarijiet bħall-​ispazju, id-​dawl, u l-​gravità. (Ekkleżjasti 3:11) Imma Ġeħova wriena x’inhu l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​bnedmin. Hu ħalaq lill-​bnedmin fix-​xbieha tiegħu u riedhom jieħdu gost jgħixu fuq l-​art. (Ġenesi 1:26) Kienu se jkunu wliedu, u hu kien se jkun Missierhom.

2 Mit-​tielet kapitlu tal-​Ġenesi nitgħallmu li l-​iskop taʼ Ġeħova ġie sfidat. (Ġenesi 3:1-​7) Minkejja dan, m’hemm l-​ebda problema li Ġeħova ma jistax isolvi. Ħadd ma jistaʼ jwaqqfu. (Isaija 46:10, 11; 55:11) Nistgħu nkunu ċerti li l-​iskop oriġinali tiegħu se jitwettaq eżattament f’waqtu!

3. (a) Liema tagħlim importanti jgħinna nifhmu l-​messaġġ tal-​Bibbja? (b) Għala se niddiskutu dan it-​tagħlim? (ċ) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Bla dubju, aħna nafu x’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​bnedmin, kif ukoll x’inhu l-​irwol taʼ Ġesù f’dan l-​iskop. Dawn huma veritajiet tal-​Bibbja importanti ħafna u wisq probabbli huma l-​ewwel veritajiet li tgħallimna meta bdejna nistudjaw il-​Kelma t’Alla. Issa rridu ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dan it-​tagħlim ferm importanti. Għandna opportunità speċjali biex nagħmlu dan matul dan iż-​żmien tas-​sena, meta nkunu qed nistiednu lin-​nies biex jattendu t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. (Luqa 22:19, 20) Jekk jiġu għal dan l-​avveniment importanti, se jitgħallmu iktar dwar l-​iskop meraviljuż t’Alla. Allura, issa huwa l-​aħjar żmien biex naħsbu dwar mistoqsijiet speċifiċi li nistgħu nużaw biex ninkuraġġixxu lin-​nies jattendu. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw tliet mistoqsijiet: X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​bnedmin? X’mar ħażin? U s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa għala hu l-​mezz li permezz tiegħu se jitwettaq l-​iskop t’Alla?

X’KIEN L-​ISKOP TAL-​ĦALLIEQ?

4. Il-​ħolqien kif qed ‘jiddikjara l-​glorja t’Alla’?

4 Ġeħova hu Ħallieq tal-​għaġeb. Dak kollu li ħalaq hu tal-​ogħla livell. (Ġenesi 1:31; Ġeremija 10:12) X’nistgħu nitgħallmu mis-​sbuħija u l-​ordni li naraw fil-​ħolqien? Nitgħallmu li mill-​iċken sal-​akbar ħaġa li ħalaq Ġeħova, hi taʼ ġid. Ukoll, kif tħossok meta taħseb dwar il-​meravilja taċ-​ċellula umana, jew tara tarbija tat-​twelid, jew il-​ġmiel taʼ nżul ix-​xemx? Aħna nistagħġbu b’dawn l-​affarijiet għax Ġeħova ħalaqna bl-​abbiltà li nkunu nafu x’inhu sabiħ verament.—Aqra Salm 19:1; 104:24.

5. Ġeħova x’għamel sabiex il-​ħolqien tiegħu kollu jkun jistaʼ jaħdem sew flimkien?

5 Ġeħova b’attenzjoni għamel limiti għall-​ħolqien tiegħu kollu. Għamel liġijiet fin-​natura kif ukoll liġijiet morali. Hu għamel dawn il-​liġijiet ħalli kulma hemm fl-​univers ikun jistaʼ jaħdem sew flimkien. (Salm 19:7-​9) L-​affarijiet kollha fl-​univers għandhom post u xogħol għalihom. Pereżempju, il-​liġi tal-​gravità żżomm l-​atmosfera viċin tal-​art u tikkontrolla l-​oċeani u l-​marea (tide). Mingħajr il-​gravità, il-​ħajja fuq l-​art ma tkunx possibbli. Il-​limiti li Ġeħova stabbilixxa fin-​natura jwasslu għal ordni perfett fl-​univers. Dan juri li hu għandu skop għall-​art u għall-​bnedmin. Fil-​ministeru tagħna, nistgħu ngħinu oħrajn ħalli jsiru jafu l-​Ħallieq taʼ dan l-​univers meraviljuż.—Rivelazzjoni 4:11.

6, 7. X’inhuma xi għotjiet li Ġeħova ta lil Adam u Eva?

6 L-​iskop taʼ Ġeħova għall-​bnedmin kien li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Ġenesi 1:28; Salm 37:29) Hu ġeneruż u ta lil Adam u Eva varjetà t’għotjiet prezzjużi. (Aqra Ġakbu 1:17.) Ġeħova tahom il-​libertà tal-​għażla u l-​abbiltà li jirraġunaw, iħobbu, u jgawdu ħbiberiji. Il-​Ħallieq kellem lil Adam u għallmu kif jagħmel dak li hu tajjeb. Adam tgħallem ukoll jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, l-​annimali, u l-​art. (Ġenesi 2:15-​17, 19, 20) Ġeħova ta lil Adam u Eva l-​abbiltà li jtiegħmu, imissu, jaraw, jisimgħu, u jxommu l-​affarijiet tajbin li hu għamel għalihom. B’dan il-​mod, setgħu jgawdu l-​ħajja fuq l-​art sabiħa li kienu se jgħixu fiha. Adam u Eva kellhom ħafna xogħol interessanti x’jagħmlu. U huma setgħu jkomplu jitgħallmu u jiskopru affarijiet ġodda għal dejjem.

7 X’kien hemm iktar li kien parti mill-​iskop t’Alla? Ġeħova ta lil Adam u Eva l-​abbiltà li jkollhom tfal perfetti. U wliedhom ukoll kien se jkollhom it-​tfal, sakemm il-​bnedmin jimlew l-​art kollha. Ġeħova ried lill-​ġenituri jħobbu lil uliedhom, bħalma hu ħabb l-​ewwel ulied umani perfetti tiegħu, Adam u Eva. Hu ta l-​art u kull ħaġa prezzjuża u sabiħa li fiha lill-​familja umana. Din kienet se tkun id-​dar tagħhom, u qatt ma kienet se tittieħed mingħandhom.—Salm 115:16.

X’MAR ĦAŻIN?

8. Alla għala ta lil Adam u Eva l-​liġi li tinsab f’​Ġenesi 2:16, 17?

8 L-​affarijiet ma marrux mill-​ewwel kif ried Ġeħova. X’ġara? Ġeħova ta lil Adam u Eva liġi sempliċi ħalli huma jkunu jafu l-​limiti tal-​libertà tagħhom. Hu qal: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Din il-​liġi ma kinitx diffiċli għalihom biex jifhmuha. U ma kienx se jkun diffiċli għalihom li jobdu, ladarba kien hemm abbundanza taʼ ikel delizzjuż ieħor fil-​ġnien.

9, 10. (a) Satana biex akkużah lil Ġeħova? (b) Adam u Eva xi ddeċidew li jagħmlu? (Ara l-​ewwel stampa.)

9 Satana x-​Xitan uża serp biex iqarraq b’Eva ħalli ma tobdix lil Missierha, Ġeħova. (Aqra Ġenesi 3:1-​5; Rivelazzjoni 12:9) Satana qajjem kwistjoni dwar il-​fatt li l-​ulied umani t’Alla ma tħallewx jieklu “minn kull siġra tal-​ġnien.” Kien bħallikieku qed jgħid: ‘Trid tgħid li ma tistgħux tagħmlu li tridu?’ Imbagħad, qalilha: “Żgur li ma tmutux.” Din kienet gidba. Wara pprova jikkonvinċi lil Eva li ma kellhiex għalfejn tismaʼ minn Alla. Satana qal: “Alla jaf li fil-​jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu.” Satana kien qed jgħid li Ġeħova ma ridhomx jieklu mill-​frott għax dan kien se jagħtihom xi għarfien speċjali. Fl-​aħħar, hu għamel din il-​wegħda falza: Se “tkunu bħal Alla, tagħrfu t-​tajjeb u l-​ħażin.”

10 Adam u Eva kellhom jiddeċiedu x’kienu se jagħmlu. Kienu se jobdu lil Alla jew kienu se jagħtu widen lis-​serp? B’dispjaċir, iddeċidew li ma jobdux lil Alla. Huma ċaħdu lil Ġeħova bħala Missierhom u ngħaqdu maʼ Satana. Issa kienu waħedhom mingħajr il-​protezzjoni taʼ Ġeħova.—Ġenesi 3:6-​13.

11. Ġeħova għala ma setax jinjora d-​dnub taʼ Adam u Eva?

11 Meta Adam u Eva kisru l-​liġi t’Alla, ma baqgħux perfetti. Iktar minn hekk, huma saru għedewwa t’Alla għax hu jobgħod il-​ħażen. ‘Għajnejh puri wisq biex jara dak li hu ħażin.’ (Ħabakkuk 1:13) Li kieku Ġeħova m’għamel xejn dwar id-​dnub taʼ Adam u Eva, is-​saħħa u l-​kuntentizza tal-​ħolqien kollu tiegħu kienu se jiġu mheddin. Kemm l-​anġli kif ukoll il-​bnedmin kienu se jitħassbu dwar jekk setgħux jistrieħu fuq kelmtu. Imma Ġeħova huwa leali lejn il-​livelli tiegħu stess; hu qatt ma jiksirhom. (Salm 119:142) Għalkemm Adam u Eva kellhom il-​libertà tal-​għażla, ma setgħux jevitaw il-​konsegwenzi tal-​fatt li rribellaw kontra Ġeħova. Eventwalment huma mietu u reġgħu saru trab li minnu kienu maħluqin.—Ġenesi 3:19.

12. Xi ġralhom ulied Adam?

12 Meta Adam u Eva kielu mill-​frott, Ġeħova ma setax jaċċettahom iktar bħala parti mill-​familja tiegħu. Hu keċċiehom ’il barra mill-​ġnien tal-​Għeden, u qatt ma setgħu jerġgħu lura hemm. (Ġenesi 3:23, 24) Ġeħova ġegħelhom jiffaċċjaw il-​konsegwenzi għad-​deċiżjoni tagħhom. (Aqra Dewteronomju 32:4, 5.) B’hekk, ma setgħux ikomplu jimitaw il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova perfettament. Adam tilef futur meraviljuż mhux biss għalih imma wkoll għal uliedu. Hu setaʼ jagħtihom biss l-​imperfezzjoni, id-​dnub, u l-​mewt. (Rumani 5:12) Adam ħadilhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem. Adam u Eva ma setgħux ikollhom tfal perfetti, u lanqas uliedhom ma setaʼ jkollhom tfal perfetti. Minn meta Satana dawwar lil Adam u Eva kontra Alla, ix-​Xitan ipprova jinfluwenza lil kull uman biex jagħmel l-​istess.—Ġwanni 8:44.

IL-​ĦBIBERIJA M’ALLA POSSIBBLI PERMEZZ TAL-​FIDWA

13. Ġeħova xi jrid għall-​bnedmin?

13 Ġeħova xorta baqaʼ jħobb lill-​bnedmin. Għalkemm Adam u Eva abbandunawh, hu xorta ried li l-​bnedmin ikollhom relazzjoni tajba miegħu. U hu ma ried l-​ebda wieħed minnhom imut. (2 Pietru 3:9) Għalhekk, Alla immedjatament għamel arranġamenti ħalli l-​bnedmin setaʼ jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu. Kif setaʼ jagħmel dan mingħajr ma jmur kontra l-​livelli tiegħu stess? Ejja naraw.

Wara li Adam u Eva abbandunawh, Alla immedjatament għamel arranġamenti għall-​bnedmin biex jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu

14. (a) Skont Ġwanni 3:16, Alla x’għamel biex isalva lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt? (b) Liema mistoqsija nistgħu niddiskutu man-​nies?

14 Aqra Ġwanni 3:16. Ħafna min-​nies li nistiednu għat-​Tifkira jafu dan il-​vers bl-​amment. Imma s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù kif jagħmel il-​ħajja taʼ dejjem possibbli? Għandna l-​opportunità li ngħinu lin-​nies jifhmu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija meta nistidnuhom għat-​Tifkira, waqt li nkunu magħhom fit-​Tifkira, u meta nżuruhom iktar tard. Iktar ma jifhmu l-​fidwa, iktar se jirrealizzaw kemm Ġeħova jħobb lill-​bnedmin u kemm hu għaref. Liema punti nistgħu naqsmu magħhom dwar il-​fidwa?

15. Ġesù kif kien differenti minn Adam?

15 Ġeħova pprovda raġel perfett li setaʼ jagħti ħajtu bħala fidwa. Dan ir-​raġel perfett kellu jkun leali lejn Ġeħova. Kellu jkun lest li jagħti ħajtu għall-​bnedmin. (Rumani 5:17-​19) Ġeħova ttrasferixxa l-​ħajja taʼ Ġesù, l-​ewwel ħolqien tiegħu, mis-​sema għal fuq l-​art. (Ġwanni 1:14) Allura Ġesù sar raġel perfett, l-​istess bħalma kien Adam. Imma b’differenza għal Adam, Ġesù mexa skont il-​livelli li Ġeħova stenna minn raġel perfett. Anke fl-​iktar provi kbar, hu qatt ma kiser xi liġi t’Alla.

16. Il-​fidwa għala hi għotja ferm prezzjuża?

16 Peress li miet bħala raġel perfett, Ġesù setaʼ jsalva lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt. Hu kkorrisponda bl-​eżatt maʼ dak kollu li suppost kellu jkun Adam. Ġesù kien raġel perfett, leali għalkollox u ubbidjenti lejn Alla. (1 Timotju 2:6) Hu miet għalina, u s-​sagrifiċċju tiegħu jagħti lill-​irġiel, lin-​nisa, u lit-​tfal kollha l-​opportunità li jgħixu għal dejjem. (Mattew 20:28) Il-​fidwa hi l-​mezz li jagħmilha possibbli li l-​iskop t’Alla jitwettaq.—2 Korintin 1:19, 20.

ĠEĦOVA FETĦILNA T-​TRIQ BIEX NERĠGĦU LURA GĦANDU

17. Il-​fidwa x’tagħmel possibbli?

17 Ġeħova ħallas prezz kbir biex ipprovda l-​fidwa. (1 Pietru 1:19) Tant iqisna taʼ valur li kien lest li jħalli lil Ibnu għażiż imut għalina. (1 Ġwanni 4:9, 10) F’ċertu sens, Ġesù sar missierna minflok Adam. (1 Korintin 15:45) Ġesù mhux biss għamilhielna possibbli li ngħixu għal dejjem imma wkoll li xi darba nerġgħu lura fil-​familja t’Alla. Permezz tal-​fidwa, il-​bnedmin se jsiru perfetti u Ġeħova jistaʼ jaċċettahom lura fil-​familja tiegħu mingħajr ma jikser il-​liġijiet tiegħu stess. Immaġina kemm se tkun ħaġa mill-​isbaħ meta dawk kollha leali lejn Ġeħova jsiru perfetti! Fl-​aħħar, dawk kollha fis-​sema u fuq l-​art se jkunu magħqudin bħala familja waħda. Ilkoll kemm aħna se nkunu wlied Alla.—Rumani 8:21.

18. Ġeħova meta se jsir “kollox għal kulħadd”?

18 Għalkemm l-​ewwel ġenituri tagħna ċaħdu lil Ġeħova, hu ma waqafx iħobb lin-​nies u pprovda l-​fidwa. Minkejja li aħna imperfetti, Satana ma jistax iwaqqafna milli nkunu leali lejn Ġeħova. Permezz tal-​fidwa, Ġeħova se jgħinna nsiru kompletament ġusti. Immaġina kif se tkun il-​ħajja meta kull min “jara lill-​Iben u jeżerċita l-​fidi fih” ikollu l-​ħajja taʼ dejjem! (Ġwanni 6:40) Missierna kollu mħabba u għerf se jwettaq l-​iskop tiegħu u se jgħin lill-​bnedmin isiru perfetti. Ġeħova mbagħad se jsir “kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

19. (a) Il-​gratitudni għall-​fidwa x’għandha timmotivana nagħmlu? (Ara l-​kaxxa “Ejja nibqgħu nfittxu lil min jistħoqqlu.”) (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Il-​gratitudni tagħna għall-​fidwa għandha timmotivana ngħidu lil oħrajn dwar din l-​għotja imprezzabbli. In-​nies jeħtieġu jkunu jafu li permezz tal-​fidwa, Ġeħova bi mħabba joffri lill-​umanità kollha l-​opportunità li jgħixu għal dejjem. Imma l-​fidwa tagħmel ħafna iktar minn hekk. Din issolvi l-​kwistjoni li qajjem Satana fil-​ġnien tal-​Għeden. Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif il-​fidwa tagħmel dan.

Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova tagħti invit għat-Tifkira lil xi ħadd

Ejja nibqgħu nfittxu lil min jistħoqqlu

KULL sena, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu l-​invit tat-​Tifkira lil miljuni taʼ nies madwar id-​dinja. Is-​sena l-​oħra, ipprintjajna madwar 440,000,000 kopja tal-​invit f’iktar minn 530 lingwa. Għad għandek xi kopji pprintjati tal-​invit taʼ din is-​sena li tistaʼ tagħti lin-​nies qabel it-​Tifkira? Għandu mnejn wieħed minn dawn l-​inviti jgħin lil xi ħadd jattendi.—Mattew 10:11.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Liġijiet morali taʼ Ġeħova: Dawn huma livelli taʼ mġiba li Ġeħova poġġa għall-​ħolqien tiegħu. Ġeħova biss jistaʼ jagħmel liġijiet li huma assolutament perfetti. Meta n-​nies jgħixu bis-​sħiħ fi qbil mal-​livelli taʼ mġiba li hu jistenna minnhom, huma se jkunu perfetti

  • Libertà tal-​għażla: Din hi l-​abbiltà li Ġeħova tana biex naħsbu f’possibbiltajiet u konsegwenzi u biex nagħmlu għażliet. Meta nagħżlu li ngħixu fil-​limiti tal-​liġijiet tiegħu, aħna nuru li rridu nkunu wlied Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja